Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Afinitor (everolimus) – Fuljett ta’ tagħrif - L01XE10

Updated on site: 11-Jul-2017

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-pazjent

Afinitor 2.5 mg pilloli

Afinitor 5 mg pilloli

Afinitor 10 mg pilloli

Everolimus

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tieħu din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.

-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett:

1.X’inhu Afinitor u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Afinitor

3.Kif għandek tieħu Afinitor

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Afinitor

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Afinitor u għalxiex jintuża

Afinitor huwa mediċina kontra l-kanċer li fih is-sustanza attiva everolimus. Everolimus inaqqas l-ammont ta’ demm li jgħaddi fit-tumur u jnaqqas ir-rata li biha ċ-ċelluli tal-kanċer jikbru u jinfirxu.

Afinitor jintuża biex jittratta pazjenti adulti b’:

kanċer tas-sider avvanzat bl-ormonu tar-riċettur pożittiv f’nisa li qabżu l-menopawża, li għalihom kurii oħrajn (hekk imsejħa “inibituri tal-aromatasi mhux sterojdali”) m’għadhomx jikkontrollaw il-marda. Jingħata flimkien ma’ tip ta’ mediċina msejħa exemestane, inibitur tal-aromatasi sterojdali, li tintuża f’terapija ormonali kontra l-kanċer.

tumuri avanzati msejħa tumuri newroendokriniċi li jibdew mill-istonku, mill-imsaren, mill- pulmun jew mill-frixa. Jingħata jekk it-tumuri huma inoperabbli u ma jipproduċux b’mod eċċessiv ormoni speċifiċi jew sustanzi naturali oħrajn relatati.

kanċer avanzat tal-kilwa (kanċer avanzata taċ-ċellula tal-kilwa), fejn kuri oħra (hekk imsejħa “VEGE-targeted therapy”) m’għenux biex titwaqqaf il-marda tiegħek.

2.X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Afinitor

Afinitor għalik jiġi preskritt biss minn tabib li għandu esperjenza fil-kura tal-kanċer. Segwi b’attenzjoni l-istruzzjonijiet kollha tat-tabib. Huma jistgħu ma jaqblux mal-informazzjoni ġenerali li hawn f’dan il-fuljett. Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar Afinitor jew inkella dwar għala ngħatalek, staqsi lit-tabib tiegħek.

Tiħux Afinitor

jekk inti allerġiku għal everolimus, għal sustanzi relatati miegħu bħal sirolimus jew temsirolimus, jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati fis-sezzjoni 6).

Jekk inti taħseb li tista’ tkun allerġiku/a, staqsi lit-tabib tiegħek għall-parir.

Twissijiet u prekawzjonijiet

Kellem lit-tabib tiegħek qabel tieħu Afinitor:

jekk inti għandek xi problemi bil-fwied jew jekk inti qatt kellek xi marda li setgħet affettwatlek il-fwied. Jekk dan huwa l-każ, it-tabib tiegħek jista’ jkollu bżonn jippreskrivi doża differenti ta’

Afinitor.

jekk inti għandek id-dijabete (livell għoli ta’ zokkor fid-demm tiegħek). Afinitor jista’ jżid il-livelli taz-zokkor fid-demm u jiggrava d-dijabete mellitus. Dan jista’jwassal li jkollok bżonn ta’ insulina u/jew ta’ terapija b'mezzi oħra kontra d-dijabete. Għid lit-tabib tiegħek jekk qed ikollok għatx esaġerat jew jekk qed tgħaddi awrina aktar spiss.

jekk inti għandek bżonn tigħata xi tilqima waqt li tkun qed tieħu Afinitor.

jekk inti għandek livell għoli ta’ kolesterol. Afinitor jista’ jgħolli l-kolesterol u/jew xaħmijiet oħrajn fid-demm.

jekk inti għadek kemm għamilt operazzjoni serja, jew jekk għad għandek ferita minħabba l-operazzjoni u li għadha ma feqitx. Afinitor jista’ jżid ir-riskju li jkun hemm problema biex ifiequ l-feriti.

jekk għandek xi infezzjoni. Jista’ jkun neċċessarju li titratta l-infezzjoni tiegħek qabel ma tibda Afinitor.

jekk xi darba kellek l-epatite B, minħabba li din tista’ terġa’ tiġi attivata mill-ġdid waqt il-kura b’Afinitor (ara sezzjoni 4 ‘Effetti sekondarji possibbli’).

Afinitor jista' wkoll:

idgħajjef is-sistema immunitarja tiegħek. Għaldaqstant, tista’ tkun f’riskju li tieħu xi infezzjoni waqt li qed tieħu Afinitor.

jaffettwa l-funzjoni tal-kliewi. Għaldaqstant, it-tabib se josserva l-funzjoni tal-kliewi inti u tieħu Afinitor.

iwassal għal qtugħ ta’ nifs, sogħla jew deni.

Għid lit-tabib tiegħek jekk qed tbati minn dawn is-sintomi.

Inti se jkollok testijiet tad-demm regolari waqt il-kura. Dawn se jiċċekkjaw l-ammont ta’ ċelluli tad-demm (ċelluli bojod tad-demm, ċelluli ħomor tad-demm u plejtlits) fil-ġisem tiegħek biex tara jekk Afinitor huwiex qed ikollu effett mhux mixtieq fuq dawn iċ-ċelluli. Testijiet oħra tad-demm jistgħu jsiru wkoll biex tiġi ċċekkjata l-funzjoni tal-kliewi tiegħek (livell tal-krejatinina) u l-funzjoni tal-fwied (livell tat-transaminasi) u l-livelli taz-zokkor u tal-kolesterol fid-demm. Dan minħabba li dawn jistgħu wkoll jiġu affettwati minn Afinitor.

Tfal u adolexxenti

Afinitor m’għandux jintuża fit-tfal jew fl-adoloxxenti (età taħt it-18-il sena).

Mediċini oħra u Afinitor

Afinitor jista’ jaffettwa l-mod li bih jaħdmu xi mediċini oħra. Jekk inti qed tieħu mediċini oħra fl-istess waqt ta’ Afinitor, it-tabib tiegħek jista’ jkollu bżonn jibdel id-doża ta’ Afinitor jew tal-mediċini l-oħra.

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra.

Dawn li ġejjin jistgħu jżidu r-riskju li jkun hemm effetti sekondarji b’Afinitor:

ketoconazole, itraconazole, voriconazole, jew fluconazole u mediċini oħra kontra l-fungu li jintużaw biex jikkuraw infezzjonijiet tal-fungu.

clarithromycin, telithromycin jew erythromycin, antibijotiċi li jintużaw biex jikkuraw infezzjonijiet tal-batterji.

ritonavir u mediċini oħrajn li jintużaw biex jikkuraw infezzjoni HIV/AIDS.

verapamil jew diltiazem, li jintużaw biex jikkuraw kundizzjonijiet tal-qalb jew pressjoni għolja.

dronedarone, medicina li tintuża biex tirregola it-taħbit tal-qalb.

ċiklosporin, mediċina użata biex ma tħallix li l-ġisem jirriġetta trapjanti tal-organi.

imatinib, użat biex jimpedixxi l-iżvilupp ta’ ċelluli abnormali.

inibituri tal-enzima li tikkonverti l-anġjotensin (ACE) (bħal ramipril) użati sabiex jittrattaw il- pressjoni għolja jew problemi oħra kardjovaskulari.

Dawn li ġejjin jistgħu jnaqqsu l-effettività ta’ Afinitor:

rifampicin, li jintuża biex jikkura t-tuberkulożi (TB).

efavirenz jew nevirapine li jintużaw biex jikkuraw infezzjoni HIV/AIDS.

St. John’s wort (Hypericum perforatum), prodott tal-ħxejjex li jintuża biex jikkura d-depressjoni u kundizzjonijiet oħra.

dexamethasone, kortikosterojde użat biex jikkura firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet inkluż problemi infjammatorji jew immuni.

phenytoin, carbamazepine jew phenobarbital u mediċini oħra kontra l-epilessija li jintużaw biex iwaqqfu aċċessjonijiet jew attakki ta’ epilessija.

Dawn il-mediċini għandhom jiġu evitati waqt kura b’Afinitor. Jekk inti qed tieħu kwalunkwe waħda minnhom, it-tabib tiegħek jista’ jagħtik mediċina differenti, jew jista’ jbiddillek id-doża li għandek ta’

Afinitor.

Afinitor ma’ ikel u xorb

Inti għandek tieħu Afinitor kuljum fl-istess ħin, b’mod konsistenti jew mal-ikel jew mingħajru. Evita t-tronġ u l-meraq tat-tronġ waqt li tkun qed tieħu Afinitor.

Tqala, treddigħ u fertilità

Tqala

Afinitor jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx u mhuwiex irrakkomandat waqt it-tqala. Għid lit-tabib tiegħek jekk inti tqila jew taħseb li tista’ tkun tqila. It-tabib tiegħek se jiddiskuti miegħek jekk inti għandekx tieħu din il-mediċina waqt it-tqala tiegħek.

Nisa li jistgħu joħorġu tqal għandhom jużaw kontraċezzjoni mill-aktar effettiva waqt li qed tingħata kura. Jekk, minkejja dawn il-miżuri, inti taħseb li stajt ħriġt tqila, staqsi lit-tabib tiegħek għall-parir qabel ma tieħu aktar Afinitor.

Treddigħ

Afinitor jista’ jagħmel ħsara lil tarbija li qed tittredda’. M’għandekx tredda’ waqt li qed tingħata kura. Għid lit-tabib tiegħek jekk qed tredda’.

Il-fertilità tan-nisa

Ġie osservat li waqaf il-pirjid (amenorrea) f’xi wħud mill-pazjenti nisa li kienu qed jingħataw

Afinitor.

Afinitor jista’ jkollu effett fuq il-fertilità fin-nisa. Kellem lit-tabib tiegħek jekk tixtieq li jkollok it-tfal.

Fertilità fl-irġiel

Afinitor jista’ jaffettwa l-fertilità fl-irġiel. Kellem lit-tabib tiegħek jekk tixtieq li jkollok it-tfal.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Jekk tħossok għajjien/a b’mod mhux tas-soltu (l-għeja hija effett sekondarju komuni ħafna), oqgħod attent/a meta ssuq jew tħaddem magni.

Afinitor fih lattosju

Afinitor fih lattosju (zokkor tal-ħalib). Jekk it-tabib qallek li għandek intolleranza għal ċerti tipi ta’ zokkor, ikkuntattja lit-tabib tiegħek qabel tieħu din il-mediċina.

3.Kif għandek tieħu Afinitor

Dejjem għandek tieħu din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib jew l-ispiżjar tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Id-doża rakkomandata hija ta’ 10 mg, din tittieħed darba kuljum. It-tabib tiegħek se jgħidlek kemm-il pillola ta’ Afinitor għandek tieħu.

Jekk inti għandek problemi fil-fwied, it-tabib tiegħek jista’ jibdiek fuq doża ta’ Afinitor aktar baxxa

(2.5, 5, jew 7.5 mg kuljum).

Jekk inti qed tħoss ċerti effetti sekondarji waqt li inti tkun qed tieħu Afinitor(ara sezzjoni 4), it-tabib tiegħek jista’ jnaqqas id-doża jew iwaqqaf il-kura, għal żmien qasir jew għal kollox.

Ħu Afinitor darba kuljum, bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin kuljum, b’mod konsistenti kemm mal-ikel jew mingħajr.

Ibla’ l-pillola(i) sħiħa (sħaħ) ma’ tazza ilma. Tomgħodx u tfarrakx il-pilloli.

Jekk tieħu Afinitor aktar milli suppost

Jekk ħadt iż-żejjed Afinitor, jew jekk xi ħaddieħor jieħu l-pilloli tiegħek bi żball, ara tabib jew mur l-isptar minnufih. Tista’ tkun meħtieġa kura urġenti.

Ħu l-kaxxa u dan il-fuljett biex it-tabib ikun jaf xi tkun ħadt.

Jekk tinsa tieħu Afinitor

Jekk tinsa tieħu doża, ħu d-doża li jkun imiss kif skedat. M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għall-pilloli li tkun insejt tieħu.

Jekk tieqaf tieħu Afinitor

Tiqafx tieħu Afinitor sakemm it-tabib tiegħek ma jgħidlekx biex tagħmel dan.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.

WAQQAF Afinitor u fittex għajnuna medika minnufih jekk tesperjenza xi wieħed mis-sinjali li ġejjin b’rabta ma’ reazzjoni allerġika:

diffikultà biex tieħu n-nifs jew tibla’

nefħa fil-wiċċ, xofftejn, ilsien jew fil-griżmejn

ħakk gravi tal-ġilda, b'raxx aħmar jew infafet imqabbża

Effetti sekondarji serji b’Afinitor jinkludu:

Komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw lil aktar minn persuna waħda f’kull 10)

Żieda fit-temperatura, dehxiet (sinjali ta’ infezzjoni)

Deni, sogħla, diffikultà biex tieħu n-nifs, issaffar biex tieħu n-nifs (sinjali ta’ infjammazzjoni tal-pulmun, magħrufa wkoll bħala pulmonite)

Komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda f’kull 10)

Għatx esaġerat, tagħmel ħafna awrina, żieda fl-aptit filwaqt li tibqa' titlef il-piż, għeja (sinjali ta' dijabete)

Fsada (emorraġija), ngħidu aħna fil-ħajt tal-musrana

Tnaqqis gravi li tgħaddi awrina (sinjal ta' insuffiċjenza tal-kliewi)

Mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda f’kull 100 ruħ)

Deni, raxx fil-ġilda, uġigħ u infjammazzjoni fil-ġogi, kif ukoll għeja, nuqqas ta' aptit, dardir, suffejra (il-ġilda tisfar), uġigħ fuq il-lemin tan-naħa ta' fuq taż-żaqq, ippurgar lewn it-tafal, awrina skura (jistgħu jkunu sinjali ta' riattivazzjoni tal-epatite B)

Nuqqas ta’ nifs, diffikultà biex tieħu n-nifs meta mimdud, nefħa fis-saqajn jew ir-riġlejn (sinjali ta' insuffiċjenza tal-qalb)

Nefħa u/jew uġigħ f’riġel minnhom, normalment fil-pexxul, ġilda ħamra jew sħuna fil-parti affettwata (sinjali ta' mblukkar tal-vini tad-demm fir-riġlejn ikkawżat minn emboli fid-demm)

Qtugħ ta’ nifs għal għarrieda, uġigħ f’sidrek jew tisgħol u taqta’ bili bid-demm (sinjali potenzjali ta’ emboliżmu pulmonari, kundizzjoni li sseħħ meta waħda jew aktar mill-arterji tal-pulmun tiegħek tkun imblukkata)

Tnaqqis gravi fl-ammont ta’ awrina mgħoddija, riġlejn minfuħin, tħossok imħawwad, uġigħ f'dahrek (sinjali ta' insuffiċjenza f'daqqa waħda fil-kliewi)

Raxx, ħakk, morliti, diffikultà biex tieħu n-nifs jew tibla’, sturdament (sinjali ta’ reazzjoni allerġika serja, magħufa wkoll bħala ipersensittività)

Rari (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda f’kull 1,000)

Qtugħ ta' nifs jew in-nifs jittieħed b'għaġġla (sinjarli tas-sindromu ta’ disturb respiratorju akut)

Jekk tesperjenza kwalunkwe wieħed minn dawn, kellem lit-tabib minnufih għax dan jista' jkollu konsegwenzi serji li jheddulek ħajtek.

Effetti sekondarji oħrajn possibbli b’rabta ma’ Afinitor jinkludu:

Komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw aktar minn persuna waħda f’kull 10)

Livell għoli ta’ zokkor fid-demm (ipergliċemija)

Nuqqas ta’ aptit

Togħma mhux tas-soltu (diżgweżja)

Uġigħ ta’ ras

Tinfaġar (epistassi)

Sogħla

Ulċeri fil-ħalq

Idejqek l-istonku inkluż tħossok imdardar (tqalligħ) jew taqbdek id-dijarrea

Raxx fil-ġilda

Ħakk (pruritus)

Tħossok dgħajjef jew għajjien

Għeja, qtugħ ta’ nifs, sturdament, ġilda bajdanija, sinjali ta' livell baxx ta' ċelluli ħomor tad-demm (anemija)

Nefħa fid-dirgħajn, fl-idejn, riġlejn, għekiesi jew partijiet oħra tal-ġisem (sinjali ta' edema)

Telf ta’ piż

Livelli għoljin ta’ lipidi (xaħmijiet) fid-demm (iperkolesterolemija)

Komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda f’kull 10)

Fsada jew tbenġil għal għarrieda (sinjali ta’ livell baxx ta’ plejtlits, magħrufa wkoll bħala tromboċitopenija)

Qtugħ ta’ nifs (dispnea)

Tħossok għatxan, tgħaddi ftit awrina, awrina skura, ġilda xotta, irritabbiltà (sinjali ta’ deidratazzjoni)

Problemi biex torqod (insonnja)

Uġigħ ta’ ras, sturdament (sinjali ta’ pressjoni għolja, magħrufa wkoll bħala iptertensjoni)

Deni, grieżem ħomor, ulċeri fil-ħalq minħabba l-infezzjonijiet (sinjali ta’ livell baxx ta’ ċelloli bojod tad-demm, lewkopenija, limfopenija u/jew newtropenija)

Deni

Infjammazzjoni tal-kisja tal-ħalq minn ġewwa, stonku, musrana

Ħalqek xott

Ħruq fl-istonku (dispepsja)

Rimettar

Diffikultà biex tibla’ (disfaġja)

Uġigħ ta’ żaqq

Akne

Ħmura u uġigħ fil-pali ta’idejk jew fil-qiegħ ta' saqajk (is-sindromu tal-idejn u s-saqajn)

Ħmura fil-ġilda (eritema)

Uġigħ fil-ġogi

Uġigħ fil-ħalq

Disturbi fil-menstrwazzjoni bħal pirjids irregolari

Livelli għolja ta’ lipidi (xaħmijiet) fid-demm (iperlipidemija, trigliċeridi għoljin)

Livell baxx ta’ potassju fid-demm (ipokalemija)

Livell baxx ta’ fosfat fid-demm (ipofosfatemija)

Livell baxx ta’ kalċju fid-demm (ipokalċemija)

Ġilda xotta, qxur fil-ġilda, feriti fil-ġilda

Disturbi fid-dwiefer, jinqasmulek difrejk

Ix-xagħar jiħfief

Riżultati mhux normali tat-testijiet tad-demm tal-fwied (żieda fl-alanina u l-aspartate aminotransferase)

Riżultati mhux normali tat-testijiet tad-demm tal-kliewi (żieda fil-kreatinina)

Tisfija mill-għajn akkumpanjata b’ħakk, ħmura u nefħa

Proteini fl-awrina

Mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda f’kull 100)

Tħossok dgħajjef, fsada jew tbenġil għal għarrieda u infezzjonijiet frekwenti b’sinjali bħalma huma deni, dehxiet, grieżem ħomor jew ulċeri fil-ħalq (sinjali ta’ livell baxx ta’ ċelluli tad-demm, magħrufa wkoll bħala panċitopenija)

Titlef is-sens tat-togħma (agweżja)

Taqta’ l-bili bid-demm (emoptisi)

Disturbi fil-menstrwazzjoni bħal nuqqas ta’ pirjid (amenorrea)

Tagħmel aktar awrina mal-ġurnata

Uġigħ f’sidrek

Il-ferti ma jfiqux b’mod normali

Fwawar

Għajnejn roża jew ħomor (konġuntivite)

Rari (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda f’kull 1,000)

Għeja, qtugħ ta’ nifs, sturdament, ġilda pallida (sinjali ta’ livell baxx ta’ ċelluli ħomor tad-demm, possibbilment minħabba tip ta’ anemija msejħa aplasija pura taċ-ċelluli l-ħomor)

Nefħa fil-wiċċ, madwar l-għajnejn, tal-ħalq, u ġol-ħalq u/jew il-griżmejn, kif ukoll l-ilsien u diffikultà biex tieħu n-nifs jew tibla' (magħrufa wkoll bħala anġjoedima), jistgħu jkunu sinjali ta' reazzjoni allerġika

Jekk dawn l-effetti sekondarji jaggravaw jekk jogħġbok kellem lit-tabib u/jew lill-ispiżjar tiegħek. Ħafna mill-effetti sekondarji jkunu ħfief jew moderati u normalment jgħaddu jekk jitwaqqaf it-trattament mogħti għal ftit jiem.

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5.Kif taħżen Afinitor

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq il-kartuna u fuq il-fojl tal-folja. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Taħżinx f’temperatura ’l fuq minn 25°C.

Aħżen fil-pakkett oriġinali sabiex tilqa’ mid-dawl u mill-umdità.

Iftaħ il-folja eżatt qabel ma tieħu l-pilloli.

Tużax din il-mediċina jekk tinnota li l-pakkett ikollu ħsara jew juri sinjali li nfetaħ.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Afinitor

Is-sustanza attiva hi everolimus.

Kull pillola ta’ Afinitor 2.5 mg fiha 2.5 mg everolimus.

Kull pillola ta’ Afinitor 5 mg fiha 5 mg everolimus.

Kull pillola ta’ Afinitor 10 mg fiha 10 mg everolimus.

Is-sustanzi l-oħra huma butylated hydroxytoluene (E321), magnesium stearate, lactose monohydrate, hypromellose, crospovidone type A u lactose anhydrous.

Kif jidher Afinitor u l-kontenut tal-pakkett

Il-pilloli Afinitor 2.5 mg huma bojod għal kemxejn sofor, tawwalin. Huma mnaqqxin b’“LCL” fuq naħa waħda u b’“NVR” fuq in-naħa l-oħra.

Il-pilloli Afinitor 5 mg huma minn bojod sa kemxejn sofor, tawwalin. Huma mnaqqxin b’“5” fuq naħa waħda u b’“NVR” fuq in-naħa l-oħra.

Il-pilloli Afinitor 10 mg huma minn bojod sa kemxejn sofor, tawwalin. Huma mnaqqxin b’“UHE” fuq naħa waħda u b’“NVR” fuq in-naħa l-oħra.

Afinitor 2.5 mg huwa disponibbli f’pakketti li fihom 30 jew 90 pillola.

Afinitor 5 mg u Afinitor 10 mg huma disponibbli f’pakketti li fihom 10, 30 jew 90 pillola.

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu għal skop kummerċjali f’pajjiżek.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq

Novartis Europharm Limited

Frimley Business Park

Camberley GU16 7SR

Ir-Renju Unit

Manifattur

Novartis Pharma GmbH

Roonstrasse 25

D-90429 Nürnberg

Il-Ġermanja

Għal kull tagħrif dwar din il-mediċina, jekk jogħġbok ikkuntattja lir-rappreżentant lokali tad-Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq:

België/Belgique/Belgien

Lietuva

Novartis Pharma N.V.

Novartis Pharma Services Inc.

Tél/Tel: +32 2 246 16 11

Tel: +370 5 269 16 50

България

Luxembourg/Luxemburg

Novartis Pharma Services Inc.

Novartis Pharma N.V.

Тел.: +359 2 489 98 28

Tél/Tel: +32 2 246 16 11

Česká republika

Magyarország

Novartis s.r.o.

Novartis Hungária Kft. Pharma

Tel: +420 225 775 111

Tel.: +36 1 457 65 00

Danmark

Malta

Novartis Healthcare A/S

Novartis Pharma Services Inc.

Tlf: +45 39 16 84 00

Tel: +356 2122 2872

Deutschland

Nederland

Novartis Pharma GmbH

Novartis Pharma B.V.

Tel: +49 911 273 0

Tel: +31 26 37 82 555

Eesti

Norge

Novartis Pharma Services Inc.

Novartis Norge AS

Tel: +372 66 30 810

Tlf: +47 23 05 20 00

Ελλάδα

Österreich

Novartis (Hellas) A.E.B.E.

Novartis Pharma GmbH

Τηλ: +30 210 281 17 12

Tel: +43 1 86 6570

España

Polska

Novartis Farmacéutica, S.A.

Novartis Poland Sp. z o.o.

Tel: +34 93 306 42 00

Tel.: +48 22 375 4888

France

Portugal

Novartis Pharma S.A.S.

Novartis Farma - Produtos Farmacêuticos, S.A.

Tél: +33 1 55 47 66 00

Tel: +351 21 000 8600

Hrvatska

România

Novartis Hrvatska d.o.o.

Novartis Pharma Services Romania SRL

Tel. +385 1 6274 220

Tel: +40 21 31299 01

Ireland

Slovenija

Novartis Ireland Limited

Novartis Pharma Services Inc.

Tel: +353 1 260 12 55

Tel: +386 1 300 75 50

Ísland

Slovenská republika

Vistor hf.

Novartis Slovakia s.r.o.

Sími: +354 535 7000

Tel: +421 2 5542 5439

Italia

Suomi/Finland

Novartis Farma S.p.A.

Novartis Finland Oy

Tel: +39 02 96 54 1

Puh/Tel: +358 (0)10 6133 200

Κύπρος

Sverige

Novartis Pharma Services Inc.

Novartis Sverige AB

Τηλ: +357 22 690 690

Tel: +46 8 732 32 00

Latvija

United Kingdom

Novartis Pharma Services Inc.

Novartis Pharmaceuticals UK Ltd.

Tel: +371 67 887 070

Tel: +44 1276 698370

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’

Sorsi oħra ta’ informazzjoni

Informazzjoni ddettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 26581

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati