Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Bemfola (follitropin alfa) – Fuljett ta’ tagħrif - G03GA05

Updated on site: 05-Oct-2017

Isem tal-MediċinaBemfola
Kodiċi ATCG03GA05
Sustanzafollitropin alfa
ManifatturGedeon Richter Plc.

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-utent

Bemfola 75 IU/0.125 ml soluzzjoni għal injezzjoni f’pinna mimlija għal-lest Bemfola 150 IU/0.25 ml soluzzjoni għal injezzjoni f’pinna mimlija għal-lest Bemfola 225 IU/0.375 ml soluzzjoni għal injezzjoni f’pinna mimlija għal-lest Bemfola 300 IU/0.50 ml soluzzjoni għal injezzjoni f’pinna mimlija għal-lest Bemfola 450 IU/0.75 ml soluzzjoni għal injezzjoni f’pinna mimlija għal-lest

Follitropin alfa

Dan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali. Dan ser jippermetti identifikazzjoni ta’ malajr ta’ informazzjoni ġdida dwar is-sigurtà. Inti tista’ tgħin billi tirrapporta kwalunkwe effett sekondarju li jista’ jkollok. Ara t-tmiem ta’ sezzjoni 4 biex tara kif għandek tirrapporta effetti sekondarji.

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tuża din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.

-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett:

1.X’inhu Bemfola u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tuża Bemfola

3.Kif għandek tuża Bemfola

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Bemfola

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Bemfola u għalxiex jintuża

X’inhu Bemfola

Din il-mediċina fiha s-sustanza attiva follitropin alfa, li hija kważi identika għall-ormon naturali prodott mill-ġisem tiegħek imsejjaħ “ormon li jistimula l-follikuli” (FSH - follicle-stimulating hormone). FSH huwa gonadotropin, tip ta’ ormon li għandu rwol importanti fil-fertilità tan-nisa u fir- riproduzzjoni. Fin-nisa, l-FSH huwa meħtieġ għat-tkabbir u għall-iżvilupp tal-boroż (follikoli) fl- ovarji li fihom iċ-ċelloli tal-bajd. Fl-irġiel, l-FSH huwa meħtieġ għall-produzzjoni tal-isperma.

Għalxiex jintuża Bemfola

F’nisa adulti, Bemfola jintuża:

biex jgħin fir-rilaxx ta’ bajda mill-ovarji (ovulazzjoni) fin-nisa li ma jistgħux jovulaw u li ma kellhomx rispons għall-kura b’mediċina magħrufa bħala ‘clomiphene citrate’.

flimkien ma’ mediċina oħra magħrufa bħala ‘lutropin alfa’ (‘Ormon Luteinising’ jew LH) biex jgħin fir-rilaxx ta’ bajda mill-ovarji (ovulazzjoni) f’nisa li mhumiex jovulaw minħabba li l- ġisem tagħhom jipproduċi ftit li xejn gonadotropins (FSH u LH).

biex jgħin fl-iżvilupp ta’ diversi follikuli (kull waħda fiha bajda) f’nisa li jkunu għaddejjin minn proċeduri ta’ teknoloġija ta’ riproduzzjoni assistita (proċeduri li jistgħu jgħinu lin-nisa joħorġu tqal) bħall-‘fertilizzazzjoni in vitro’, ‘trasferiment tal-gamete fit-tubu fallopjan’ jew ‘trasferiment taż-żigot fit-tubu fallopjan’.

F’irġiel adulti, Bemfola jintuża:

flimkien ma’ mediċina oħra magħrufa bħala ‘Gonadotropin Korjonika umana (hCG)’ biex jgħin fil-produzzjoni tal-isperma f’irġiel li mhumiex fertili minħabba livell baxx ta’ ċerti ormoni.

2.X’għandek tkun taf qabel ma tuża Bemfola

Qabel ma tibda l-kura, għandha tiġi evalwata l-fertilità tiegħek u tas-sieħeb tiegħek minn tabib b’esperjenza fil-kura ta’ disturbi fil-fertilità.

Tużax Bemfola

jekk inti allerġika/u (tbati minn sensittività eċċessiva) għall-Ormon li Jistimula l-Follikolu jew għal kwalunkwe sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati f’sezzjoni 6)

jekk għandek tumur fl-ipotalamu u fil-glandola pitwitarja (it-tnejn huma partijiet mill-moħħ).

jekk inti mara:

b’ovarji kbar jew membrani mimlijin bi fluwidu fl-ovarji (ċisti fl-ovarji) ta’ oriġini mhux magħrufa.

bi ħruġ ta’ demm mill-vaġina li l-kawża tiegħu ma tkunx magħrufa.

b’kanċer fl-ovarji, l-utru jew fis-sider.

b’kundizzjoni li normalment tagħmel tqala normali impossibbli, bħal insuffiċjenza tal-ovarji (menopawsa bikrija), jew xi difett fiżiku fl-organi riproduttivi.

jekk inti raġel:

bi ħsara fit-testikoli li ma tistax titfejjaq.

Tużax Bemfola jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet t’hawn fuq tapplika għalik. Jekk m’intix ċert/a , kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek qabel tuża din il-mediċina.

Twissijiet u prekawzjonijiet

Porfirija

Għid lit-tabib tiegħek qabel tibda l-kura, jekk inti jew xi membru tal-familja tiegħek għandkom il- porfirija (marda li tista’ tintiret mill-ġenituri fejn ma tkunx kapaċi tkisser il-porphyrins).

Għid lit-tabib tiegħek minnufih jekk:

il-ġilda tiegħek issir fraġli u trabbi l-infafet faċilment, b’mod speċjali ġilda li spiss tkun esposta għax-xemx, u/jew

għandek uġigħ fl-istonku, f’dirgħajk jew f’riġlejk.

F’każ li jseħħ xi wieħed minn dawn l-avvenimenti t’hawn fuq, it-tabib tiegħek jista’ jirrakkomanda li titwaqqaflek il-kura.

Sindrome ta’ Iperstimulazzjoni tal-Ovarji (OHSS)

Jekk int mara, din il-mediċina żżidlek ir-riskju li tiżviluppa OHSS. Dan iseħħ meta l-follikuli jiżviluppaw iżżejjed u jsiru ċisti kbar. Jekk jaqbdek uġigħ fin-naħa t’isfel taż-żaqq, ikollok żieda fil- piż malajr, tħossok ma tiflaħx jew tirremetti jew jekk tbati biex tieħu n-nifs, kellem lit-tabib tiegħek minnufih, u dan jista’ jgħidlek biex tieqaf tuża din il-mediċina (ara sezzjoni 4).

F’każ li m’intix tovula u qed issegwi d-doża rakkomandata u l-iskeda tal-għoti, hemm inqas probabbiltà ta’ OHSS. Il-kura b’Bemfola rari tikkawża OHSS sinifikanti, ħlief jekk tingħata l- mediċina li tintuża għall-maturazzjoni follikulari finali (li fiha Gonadotropin Korjonika umana – hCG). Jekk qiegħda tiżviluppa l-OHSS, it-tabib tiegħek jista’ ma jtik l-ebda hCG f’dan iċ-ċiklu ta’ kura u jista’ jgħidlek biex ma tagħmilx attività sesswali jew biex tuża metodu ta’ kontraċezzjoni barrier għal mill-inqas erbat ijiem.

Tqala multipla

Meta tuża Bemfola, għandek riskju akbar li toħroġ tqila b’aktar minn tarbija waħda fl-istess ħin (‘tqala multipla’, l-aktar tewmin), milli f’każ ta’ konċepiment naturali. It-tqala multipla tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet mediċi għalik u għat-trabi tiegħek. Tista’ tnaqqas ir-riskju ta’ tqala multipla billi tuża d-doża xierqa ta’ Bemfola fil-ħin xieraq. Meta tkun qiegħda tagħmel użu mit-teknoloġija ta’ riproduzzjoni assistita, ir-riskju ta’ tqala multipla jkun relatat mal-età tiegħek, il-kwalità u l-għadd ta’ bajd fertilizzat jew embrijuni mpoġġija ġo fik.

Korriment

Meta tkun qiegħda tagħmel użu mit-teknoloġija ta’ riproduzzjoni assistita jew ta’ stimulazzjoni tal- ovarji biex tipproduċi l-bajd, ir-riskju ta’ korriment hu akbar mill-medja għal mara normali.

Problemi ta’ tagħqid tad-demm (avvenimenti tromboemboliċi)

Jekk fil-passat jew dan l-aħħar kellek xi emboli fid-demm f’riġlejk jew fil-pulmun, jew attakk tal-qalb jew puplesija, jew jekk dawn seħħew fil-familja tiegħek, allura inti tista’ tkun f’riskju akbar li dawn il-problemi jseħħu jew jaggravaw bil-kura b’Bemfola.

Irġiel li għandhom FSH żejjed fid-demm tagħhom

Jekk inti raġel, il-fatt li jkollok wisq FSH fid-demm tiegħek jista’ jkun sinjal ta’ ħsara fit-testikoli. Bemfola normalment ma jaħdimx jekk għandek din il-problema. Jekk it-tabib tiegħek jiddeċiedi li jipprova l-kura b’Bemfola, biex jissorvelja l-kura, jista’ jitolbok tipprovdi sperma għall-analiżi minn 4 sa 6 xhur wara li tibda l-kura.

Tfal u adolexxenti

Bemfola mhuwiex indikat għall-użu fit-tfal u f’adolexxenti li għandhom inqas minn 18-il sena.

Mediċini oħra u Bemfola

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċini oħra.

Jekk tuża Bemfola ma’ mediċini oħrajn li jgħinu l-ovulazzjoni (bħal hCG jew clomiphene citrate), dan jista’ jżid ir-rispons tal-follikuli tiegħek.

Jekk tuża Bemfola fl-istess ħin ma’ xi agonist jew antagonist ta’ ‘ormon li jerħi gonadotropin’ (GnRH) (dawn il-mediċini jbaxxu l-livelli tal-ormoni sesswali tiegħek u jwaqqfulek l- ovulazzjoni) jista’ jkollok bżonn ta’ doża akbar ta’ Bemfola biex tipproduċi l-follikuli.

Tqala u treddigħ

Tużax Bemfola jekk inti tqila jew qiegħda tredda’.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Mhux mistenni li din il-mediċina ser jaffettwa l-ħila tiegħek li ssuq jew tħaddem magni.

Bemfola fih sodium

Bemfola fih inqas minn 1 mmol sodium (23 mg) għal kull doża, għaldaqstant huwa meqjus essenzjalment “ħieles mis-sodium”.

3.Kif għandek tuża Bemfola

Dejjem għandek tieħu Bemfola skont il-parir eżatt tat-tabib. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Kif tuża din il-mediċina

Bemfola hu maħsub biex jingħata permezz ta’ injezzjoni eżatt taħt il-ġilda (b’mod subkutanju). Il-pinna mimlija għal-lest tintuża darba biss imbagħad tintrema. Is-soluzzjoni ma għandhiex tingħata jekk ikun fiha frak jew ma tkunx ċara.

L-ewwel injezzjoni ta’ Bemfola għandha tingħata taħt is-superviżjoni tat-tabib tiegħek.

It-tabib jew l-infermier tiegħek juruk kif tinjetta Bemfola qabel ma tinjetta l-mediċina lilek innifsek.

Jekk tagħti Bemfola lilek innifsek, jekk jogħġbok aqra u segwi l-“Istruzzjonijiet għall-Użu”. Dawn l-istruzzjonijiet jistgħu jinstabu fit-tmiem tal-fuljett ta’ tagħrif.

Kemm għandek tuża

It-tabib tiegħek ser jiddeċiedi kemm għandek tieħu mediċina u kemm-il darba. Id-dożi deskritti hawn taħt huma murija f’Unitajiet Internazzjonali (IU) u f’millilitri (ml).

Nisa

Jekk m’intix tovula u għandek mestrwazzjoni irregolari jew m’għandek l-ebda mestrwazzjoni

Normalment Bemfola jingħata kuljum.

Jekk għandek mestrwazzjoni irregolari, ibda uża Bemfola fi żmien l-ewwel 7 ijiem taċ-ċiklu mestrwali tiegħek. Jekk m’għandekx mestrwazzjoni tista’ tuża l-mediċina fi kwalunkwe jum li jkun komdu għalik.

Id-doża normali tal-bidu ta’ Bemfola hi ta’ 75 sa 150 IU (0.12 sa 0.24 ml) kuljum.

Id-doża tiegħek ta’ Bemfola tista’ tiżdied kull 7 jew kull 14-il jum b’37.5 sa 75 IU, sakemm tikseb ir-rispons mixtieq.

Id-doża massima ta’ kuljum ta’ Bemfola normalment ma tkunx aktar minn 225 IU (0.375 ml).

Meta tikseb ir-rispons mixtieq, tingħata injezzjoni waħda ta’ 250 mikrogramma ta’ ‘hCG rikombinanti’ (r-hCG, hCG magħmul f’laboratorju permezz ta’ teknika speċjali ta’ DNA), jew 5,000 sa 10,000 IU ta’ hCG, 24 sa 48 siegħa wara l-aħħar injezzjoni tiegħek ta’ Bemfola. L- aħjar żmien biex ikollok rapport sesswali hu fil-jum tal-injezzjoni ta’ hCG u l-jum ta’ wara.

Jekk it-tabib tiegħek ma jarax rispons mixtieq wara 4 ġimgħat, iċ-ċiklu ta’ kura b’Bemfola għandu jitwaqqaf. Għaċ-ċiklu ta’ kura ta’ wara , it-tabib jagħtik doża tal-bidu ta’ Bemfola ogħla minn ta’ qabel.

Jekk ġismek jirreaġixxi b’mod qawwi żżejjed, il-kura tiegħek ser titwaqqaf u ma tingħata l-ebda hCG (ara sezzjoni 2, OHSS). Għaċ-ċiklu ta’ wara, it-tabib tiegħek jagħtik doża aktar baxxa ta’ Bemfola minn ta’ qabel.

Jekk m’intix tovula, m’għandekx mestrwazzjoni u ġejt iddijanjostikata b’livelli baxxi ħafna ta’ ormoni FSH u LH

Id-doża tal-bidu normali ta’ Bemfola hi ta’ 75 sa 150 IU (0.12 sa 0.24 ml) flimkien ma’ 75 IU (0.12 ml) ta’ lutropin alfa.

Għandek tuża dawn iż-żewġ mediċini kuljum sa ħames ġimgħat.

Id-doża tiegħek ta’ Bemfola tista’ tiżdied kull 7 jew kull 14-il jum b’37.5 sa 75 IU, sakemm tikseb ir-rispons mixtieq.

Meta tikseb ir-rispons mixtieq, tingħata injezzjoni waħda ta’ 250 mikrogramma ta’ ‘hCG rikombinanti’ (r-hCG, hCG magħmul f’laboratorju permezz ta’ teknika speċjali ta’ DNA), jew 5,000 sa 10,000 IU ta’ hCG, 24 sa 48 siegħa wara l-aħħar injezzjonijiet tiegħek ta’Bemfola u lutropin alfa. L-aħjar żmien biex ikollok attività sesswali hu fil-jum tal-injezzjoni tahCG u l- jum ta’ wara. Inkella, tista’ ssir inseminazzjoni fl-utru billi titpoġġa l-isperma fil-ġuf.

Jekk it-tabib tiegħek ma jarax rispons mixtieq wara 5 ġimgħat, iċ-ċiklu ta’ kura b’Bemfola għandu jitwaqqaf. Għaċ-ċiklu ta’ kura ta’ wara, it-tabib jagħtik doża tal-bidu ta’ Bemfola ogħla minn ta’ qabel.

Jekk ġismek jirreaġixxi b’mod qawwi żżejjed, il-kura tiegħek b’Bemfola ser titwaqqaf u ma tingħata l-ebda hCG (ara sezzjoni 2, OHSS). Għaċ-ċiklu ta’ wara, it-tabib tiegħek jagħtik doża aktar baxxa ta’ Bemfola minn ta’ qabel.

Jekk teħtieġ li tiżviluppa diversi bajd għall-ġbir qabel kwalunkwe teknoloġija ta’ riproduzzjoni assistita

Id-doża tal-bidu normali ta’ Bemfola hi ta’ 150 sa 225 IU (0.25 sa 0.37 ml) kuljum, mit-2 jew it-3 jum taċ-ċiklu ta’ kura tiegħek.

Id-doża ta’ Bemfola tista’ tiżdied, skont ir-rispons tiegħek. Id-doża massima ta’ kuljum hi ta’ 450 IU (0.75 ml).

Il-kura titkompla sakemm il-bajd tiegħek ikunu żviluppaw sa punt mixtieq. Dan normalment jieħu madwar 10 ijiem iżda jista’ jieħu bejn 5 u 20 jum. It-tabib tiegħek ser juża testijiet tad- demm u/jew apparat tal-ultrasound biex jiċċekkja meta dan iseħħ.

Meta l-bajd tiegħek ikun lest, tingħata injezzjoni waħda ta’ 250 mikrogramma ta’ ‘hCG rikombinanti’ (r-hCG, hCG magħmul f’laboratorju permezz ta’ teknika speċjali ta’ DNA rikombinanti), jew 5,000 IU sa 10,000 IU ta’ hCG, 24 sa 48 siegħa wara l-aħħar injezzjoni tiegħek ta’ Bemfola. Dan ilesti l-bajd tiegħek għall-ġbir.

F’każijiet oħrajn, it-tabib tiegħek jista’ l-ewwel iwaqqaflek l-ovulazzjoni billi juża agonist jew antagonist tal-ormon li jerħi gonadotropin (GnRH). Imbagħad Bemfola jinbeda madwar ġimagħtejn wara l-bidu tal-kura bl-agonist. Bemfola u l-agonist tal-GnRH imbagħad jingħatawlek it-tnejn sakemm il-follikuli tiegħek jiżviluppaw kif mixtieq. Pereżempju, wara ġimagħtejn ta’ kura bl-agonist tal- GnRH, jingħatawlek 150 sa 225 IU ta’ Bemfola għal 7 ijiem. Id-doża mbagħad tiġi aġġustata skont ir- rispons tal-ovarji tiegħek. Meta jintuża agonist tal-GnRH, dan jingħata mill-5 jew is-6 jum tal-kura b’Bemfola u jitkompla sakemm tiġi stimulata l-ovulazzjoni.

Irġiel

Id-doża normali ta’ Bemfola hi ta’ 150 IU (0.25 ml) flimkien ma’ hCG.

Għandek tuża dawn iż-żewġ mediċini tliet darbiet fil-ġimgħa għal mill-inqas 4 xhur.

Jekk ma jkollokx rispons għall-kura wara 4 xhur, it-tabib tiegħek jista’ jissuġġerilek li tkompli tuża dawn iż-żewġ mediċini għal mill-inqas 18-il xahar.

Jekk tuża Bemfola aktar milli suppost

L-effetti jekk tieħu aktar Bemfola milli suppost, mhumiex magħrufa. Madankollu wieħed jista’ jistenna li jseħħ is-Sindrome ta’ Iperstimulazzjoni tal-Ovarji (OHSS), li hu deskritt f’sezzjoni 4. Madankollu l-OHSS iseħħ biss jekk jingħata wkoll hCG (ara sezzjoni 2, OHSS).

Jekk tinsa tuża BEMFOLA

Jekk tinsa tuża Bemfola, m’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu. Jekk jogħġbok kellem lit-tabib tiegħek malli tinduna li nsejt tieħu doża.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.

Effetti sekondarji importanti

Effetti sekondarji serji fin-nisa

Uġigħ fin-naħa t’isfel taż-żaqq flimkien ma’ dardir jew rimettar jistgħu jkunu s-sintomi tas- Sindrome ta’ Stimulazzjoni Żejda tal-Ovarji (OHSS). Dan jista’ jindika li l-ovarji kellhom reazzjoni żejda għall-kura u li żviluppaw ċisti ovarji kbar (ara wkoll sezzjoni 2 “Oqgħod attent ħafna b’Bemfola”). Dan l-effett sekondarju hu komuni (jista’ jaffettwa sa persuna 1 minn kull 10).

L-OHSS jista’ jsir sever bi tkabbir evidenti tal-ovarji, tnaqqis fil-produzzjoni tal-awrina, żieda fil-piż, diffikultà fit-teħid tan-nifs u/jew akkumulazzjoni possibbli ta’ fluwidu fiż-żaqq jew fis-sider. Dan l-effett sekondarju mhuwiex komuni (jista’ jaffettwa sa persuna 1 minn kull 100).

Kumplikazzjonijiet tal-OHSS bħal-liwi tal-ovarji jew tagħqid ta’ demm jistgħu jseħħu b’mod rari (jista’ jaffettwa sa persuna 1 minn kull 1000).

Kumplikazzjonijiet serji ta’ tagħqid ta’ demm (avvenimenti tromboemboliċi) indipendenti mill-OHSS huma rari ħafna (jistgħu jaffettwaw sa persuna 1 minn kull 10,000). Dawn jistgħu jikkawżaw uġigħ fis-sider, qtugħ ta’ nifs, puplesija jew attakk tal-qalb (ara wkoll sezzjoni 2 ‘Oqgħod attent ħafna b’Bemfola’).

Effetti sekondarji serji fl-irġiel u fin-nisa

Ir-reazzjonijiet allerġiċi bħal raxx, ġilda ħamra, urtikarja, nefħa ta’ wiċċek b’diffikultà biex tieħu n-nifs xi kultant jistgħu jkunu serji. Dan l-effett sekondarju hu rari ħafna (jista’ jaffettwa sa persuna 1 minn kull 10,000).

Jekk tinnota xi wieħed mill-effetti sekondarji mniżżla hawn fuq għandek tikkuntattja minnufih lit-tabib tiegħek li jista’ jagħtik parir li tieqaf tuża Bemfola.

Effetti sekondarji oħra fin-nisa

Komuni ħafna (jista’ jaffettwa aktar minn persuna 1 minn kull 10):

Membrani mimlijin bi fluwidu fl-ovarji (ċisti fl-ovarji)

Uġigħ ta’ ras

Reazzjonijiet lokali fis-sit tal-injezzjoni, bħal uġigħ, ħmura, tbenġil, nefħa u/jew irritazzjoni

Komuni (jista’ jaffettwa sa persuna 1 minn kull 10):

Uġigħ fiż-żaqq

Tħossok imdardra, rimettar, dijarea, bugħawwieġ u nefħa fiż-żaqq

Rari ħafna (jista’ jaffettwa sa persuna 1 minn kull 10,000):

Jistgħu jseħħu reazzjonijiet allerġiċi bħal raxx, ħmura fil-ġilda, urtikarja, nefħa fil-wiċċ b’diffikultà biex tieħu n-nifs. Dawn ir-reazzjonijiet xi kultant jistgħu jkunu serji.

Jekk ikollok l-ażżma din tista’ taggrava

Effetti sekondarji oħrajn fl-irġiel

Komuni ħafna (jista’ jaffettwa aktar minn persuna 1 minn kull 10):

Reazzjonijiet lokali fis-sit tal-injezzjoni, bħal uġigħ, ħmura, tbenġil, nefħa u/jew irritazzjoni

Komuni (jista’ jaffettwa sa persuna 1 minn kull 10):

Nefħa tal-vini fuq u n-naħa ta’ wara tat-testikoli (varikoċele).

Tkabbir tas-sider, akne jew żieda fil-piż.

Komuni (jista’ jaffettwa sa persuna 1 minn kull 10):

Jistgħu jseħħu reazzjonijiet allerġiċi bħal raxx, ħmura fil-ġilda, urtikarja, nefħa fil-wiċċ b’diffikultà biex tieħu n-nifs. Dawn ir-reazzjonijiet xi kultant jistgħu jkunu serji.

Jekk ikollok l-ażżma din tista’ taggrava.

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali mniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5.Kif taħżen Bemfola

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq it-tikketta tal-pinna jew fuq il-kartuna wara JIS. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Aħżen fi friġġ (2°C - 8°C). Tagħmlux fil-friża.

Sakemm tkun għadha tajba biex tintuża, din il-mediċina tista’ tinħażen fi jew f’temperatura inqas minn 25°C għal massimu ta’ 3 xhur mingħajr ma jkollha għalfejn titpoġġa fi friġġ u għandha tintrema jekk ma tintużax wara 3 xhur.

Aħżen fil-pakkett oriġinali sabiex tilqa’ mid-dawl.

Tużax din il-mediċina jekk tinnota xi sinjal viżibbli ta’ deterjorazzjoni, jekk il-likwidu jkun fih frak jew ma jkunx ċar.

Ladarba tinfetaħ, din il-mediċina għandha tiġi injettata minnufih.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Bemfola

Is-sustanza attiva hija follitropin alfa.

Bemfola 75 IU/0.125 ml: Kull skartoċċ fih 75 IU (ekwivalenti għal 5.5 mikrogrammi) follitropin alfa f’0.125 ml soluzzjoni.

Bemfola 150 IU/0.25 ml: Kull skartoċċ fih 150 IU (ekwivalenti għal 11-il mikrogramma) follitropin alfa f’0.25 ml soluzzjoni.

Bemfola 225 IU/0.375 ml: Kull skartoċċ fih 225 IU (ekwivalenti għal 16.5-il mikrogramma) follitropin alfa f’0.375 ml soluzzjoni.

Bemfola 300 IU/0.50 ml: Kull skartoċċ fih 300 IU (ekwivalenti għal 22 mikrogramma) follitropin alfa f’0.50 ml soluzzjoni.

Bemfola 450 IU/0.75 ml: Kull skartoċċ fih 450 IU (ekwivalenti għal 33 mikrogramma) follitropin alfa f’0.75 ml soluzzjoni.

Kull ml tas-soluzzjoni fih 600 IU (ekwivalenti għal 44 mikrogramma) follitropin alfa.

Is-sustanzi l-oħrajn huma poloxamer 188, sucrose, methionine, disodium hydrogen phosphate dihydrate, sodium dihydrogen phosphate dihydrate, phosphoric acid u ilma għall- injezzjonijiet.

Kif jidher Bemfola u l-kontenut tal-pakkett

Bemfola huwa ppreżentat bħala likwidu ċar u bla kulur għal injezzjoni f’pinna mimlija għal- lest.

Bemfola hu disponibbli f’pakketti li jkun fihom 1, 5 jew 10 pinen, 1, 5 jew 10 labar u 1, 5 jew 10 swabs bl-alkoħol. Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu għal skop kummerċjali.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq u l-Manifattur

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq: Gedeon Richter Plc.

Gyömrői út 19-21. 1103 Budapest L-Ungerija

Manifattur:

FINOX Biotech AG, Gewerbestrasse 7, FL-9496 Balzers

Gedeon Richter Plc., Gyömrői út 19-21., 1103 Budapest, L-Ungerija

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall- Mediċini: http://www.ema.europa.eu.

Dan il-fuljett huwa disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

Bemfola 75 IU/0.125 ml pinna mimlija għal-lest

Bemfola 150 IU/0.25 ml pinna mimlija għal-lest

Bemfola 225 IU/0.375 ml pinna mimlija għal-lest

Bemfola 300 IU/0.50 ml pinna mimlija għal-lest

Bemfola 450 IU/0.75 ml pinna mimlija għal-lest

Struzzjonijiet dwar l-użu

WERREJ

1.Kif tuża Bemfola pinna mimlija għal-lest

2.Qabel tibda tuża l-pinna mimlija għal-lest tiegħek

3.Kif tipprepara l-pinna mimlija għal-lest tiegħek lesta għall-injezzjoni

4.Kif tissettja d-doża

5.Kif tinjetta d-doża

6.Wara l-injezzjoni

1. Kif tuża Bemfola pinna mimlija għal-lest

Qabel tibda tuża l-pinna mimlija għal-lest tiegħek, l-ewwel aqra dawn l-istruzzjonijiet minn fuq s’isfel.

Uża din il-pinna għalik biss – tħallix lil ħaddieħor jużaha.

In-numri fuq id-displej tad-doża huma mkejlin f’Unitajiet Internazzjonali jew IU. It-tabib tiegħek ikun qallek kemm għandek tinjetta IU kuljum.

It-tabib/spiżjar tiegħek ser jgħidlek kemm għandek bżonn tuża pinen ta’ Bemfola għall- kors sħiħ tal-kura tiegħek.

Injetta lilek innifsek kuljum fl-istess ħin.

2. Qabel tibda tuża l-pinna mimlija għal-lest tiegħek

2.1.Aħsel idejk

Hu importanti li idejk u l-affarijiet li tuża biex tipprepara l-pinna tiegħek ikunu nodfa kemm jista’ jkun.

2.2.Sib post nadif

Post tajjeb hu mejda nadifa jew wiċċ nadif.

3. Kif tipprepara l-pinna mimlija għal-lest tiegħek lesta għall-injezzjoni

Agħti l-injezzjoni kuljum fl-istess ħin. Oħroġ il- pinna mill-friġġ 5 sa 10 minuti qabel tużaha. Nota: Jekk jogħġbok ara li l-mediċina ma tkunx iffriżata.

Neħħi t-tab mil-labra tal-injezzjoni.

Waħħal il-labra tal-injezzjoni sakemm din tkun imwaħħla tajjeb f’postha. Attenzjoni: Timbuttax il-pum tad-dożaġġ waqt li tikklikkja fuq il-labra tal-injezzjoni.

Neħħi l-kapep ta’ protezzjoni tal-labra ta’ barra u ta’ ġewwa.

4. Kif tissettja d-doża

Żomm il-pinna bil-labra tħares ’il fuq. Taptap il- pinna bil-mod b’sebgħek biex b’hekk kwalunkwe bużżieqa tal-arja titla’.

Żomm il-pinna bil-labra tħares ’il Fuq. Imbotta l- pum tad-dożaġġ sal-waqfien. Nota: Il-bar tal- attivazzjoni tisparixxi u jtir ammont żgħir ta’ likwidu.

Jekk ammont żgħir ta’ likwidu ma jtirx, il-pinna ma għandhiex tintuża.

Dawwar il-pum tad-dożaġġ sakemm tiġi ssettjata d-doża mixtieqa (bar tad-doża) fit-tieqa tal-wiri. Nota: Il-pinna issa hija lesta għall-injezzjoni.

Attenzjoni:

Tużax il-pum tad-dożaġġ.

5. Kif tinjetta d-doża

Injetta minnufih is-soluzzjoni: It-tabib jew l-infermier diġà jkunu qalulek fejn għandek tinjetta (eż. żaqq, quddiem tal-koxxa). Biex timminimizza l-irritazzjoni għall-ġilda, agħżel sit differenti għall-injezzjoni kuljum.

Naddaf il-ġilda fejn tkun se tingħata l-injezzjoni billi timsaħha bi swab bl-alkoħol. Ilwi l-ġilda xi ftit u daħħal il-labra tal-injezzjoni f’angolu ta’ 45° sa 90° billi tuża moviment qisek qed twaddab ‘dart’. Attenzjoni: Timbuttax il-pum tad-dożaġġ waqt li ddaħħal il-labra tal-injezzjoni.

Imbotta l-pum tad-dożaġġ sal-waqfien. Nota: Il- bar tal-attivazzjoni tisparixxi u jtir ammont żgħir ta’ likwidu.

Tmiem tal-injezzjoni: Il-bar tad-doża sparixxiet għal kollox wara t-tieqa tal-wiri (it-tieqa tal-wiri turi d-doża injettata). Stenna 5 sekondi, imbagħad iġbed il-labra tal-injezzjoni.

Wara li tiġbed il-labra: naddaf il-ġilda bi swab tal-alkoħol billi tuża moviment ċirkolari.

6. Wara l-injezzjoni

Erġa’ poġġi l-għatu tal-labra lura b’attenzjoni.

Armi l-kaxxa tal-ippakkjar, il-kappa tal-labra ta’ ġewwa, it-tab li titqaxxar, l-iswab tal-alkoħol u l- istruzzjonijiet għall-użu fl-iskart domestiku.

Rodd lura l-pinen mimlijin għal-lest lill-ispiżjar tiegħek.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati