Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Cayston (aztreonam lysine) – Sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott - J01DF01

Updated on site: 05-Oct-2017

Isem tal-MediċinaCayston
Kodiċi ATCJ01DF01
Sustanzaaztreonam lysine
ManifatturGilead Sciences International Limited

1.ISEM IL-PRODOTT MEDIĊINALI

Cayston 75 mg trab u solvent għal soluzzjoni għan-nebulizzatur.

2.GĦAMLA KWALITATTIVA U KWANTITATTIVA

Kull kunjett fih aztreonam lysine ekwivalenti għal 75 mgta aztreonam. Wara r-rikostituzzjoni s­ soluzzjoni għan-nebulizzatur ikun fiha 75 mg ta’ aztreonam.

Għal-lista kompluta ta’ eċċipjenti, ara sezzjoni 6.1.

3.GĦAMLA FARMAĊEWTIKA

Trab u solvent għal soluzzjoni għan-nebulizzatur.

Trab ta’ lewn abjad jew abjad jagħti fil-griż jew fl-isfar.

4.TAGĦRIF KLINIKU

4.1Indikazzjonijiet terapewtiċi

Cayston hu indikat għat-terapija soppressiva ta’ infezzjonijiet pulmonari kroniċi minħabba Pseudomonas aeruginosa f’pazjenti bil-fibrożi ċistika (CF) li għandhom 6 snin jew aktar.

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-gwida uffiċjali dwar l-użu adattat ta’ mediċini anti-batteriċi.

4.2Pożoloġija u metodu ta’ kif għandu jingħata

Pożoloġija

Il-pazjenti għandhom jużaw bronkodilatur qabel kull doża ta’ Cayston. Bronkodilaturi li jaħdmu għal ftit ħin jistgħu jittieħdu bejn 15-il minuta u 4 sigħat u bronkodilaturi li jaħdmu għal ħin twil jistgħu jittieħdu bejn 30 minuta u 12-il siegħa qabel kull doża ta’ Cayston.

Għal pazjenti li jkunu qed jieħdu terapiji multipli li jinġibdu man-nifs, is-sekwenza tal-għoti hi kif ġej:

1.bronkodilatur

2.mukolitiċi

3.u fl-aħħar nett, Cayston.

Adulti u tfal li għandhom 6 snin jew aktar

Id-doża rakkomandata għall-adulti hi ta’ 75 mg tliet darbiet kull 24 siegħa għal 28 jum.

Id-dożi għandhom jittieħdu mill-inqas erba’ sigħat waħda mill-oħra.

Cayston jista’ jittieħed f’ċikli ripetuti ta’ 28 jum fuq terapija segwiti minn 28 jum mingħajr terapija b’Cayston.

Id-dożaġġ fi tfal li għandhom 6 snin jew iżjed hu l-istess bħal dak fl-adulti.

Anzjani

Studji kliniċi ta’ Cayston ma inkludewx pazjenti kkurati b’Cayston li kellhom 65 sena u iktar biex jiġi stabbilit jekk dawn jirrispondux b’mod differenti minn pazjenti iżgħar. Jekk tkun ser tingħata riċetta għal Cayston lil persuni anzjani, allura l-pożoloġija hi l-istess bħal dik fl-adulti.

Indeboliment renali

Aztreonam hu magħruf li jitneħħa mill-kliewi u għalhekk l-għoti ta’ Cayston f’pazjenti b’indeboliment renali (krejatinina fis-serum ta’ iktar minn darbtejn tal-limitu ta’ fuq tan-normal) għandu jsir b’kawtela. L-ebda aġġustament fid-doża ma hu meħtieġ f’każijiet ta’ indeboliment renali għax il­ konċentrazzjoni sistemika ta’ aztreonam wara l-għoti permezz tal-ġbid man-nifs ta’ Cayston hi baxxa ħafna (madwar 1% tal-konċentrazzjoni li tirriżulta minn doża ta’ 500 mg ta’ aztreonam għall­ injezzjoni).

Indeboliment epatiku

M’hemm l-ebda dejta dwar l-użu ta’ Cayston f’pazjenti b’indeboliment epatiku sever (ALT jew AST ta’ iżjed minn 5 darbiet tal-limitu ta’ fuq tan-normal). L-ebda aġġustament fid-doża ma hu meħtieġ f’każijiet ta’ indeboliment epatiku.

Popolazzjoni pedjatrika

Is-sigurtà u l-effikaċja ta’ Cayston fit-tfal li għandhom inqas minn 6 snin ma ġewx stabbiliti. Attwalment id-data disponibbli hija deskritta fit-taqsima 5.1 iżda ma tista’ ssir l-ebda rakkomandazzjoni dwar pożoloġija.

Metodu ta’ kif għandu jingħata

Għal biex jinġibed man-nifs.

Cayston għandu jintuża biss ma’ Altera Nebuliser Handset u Altera Aerosol Head ikkonnettjata ma’ eBase Controller jew eFlow rapid Control Unit. Għal struzzjonijiet fuq ir-rikostituzzjoni tal-prodott mediċinali qabel l-amministrazzjoni, ara sezzjoni 6.6.

4.3Kontraindikazzjonijiet

Sensittività eċċessiva għas-sustanza attiva jew għal kwalunkwe wieћed mill-eċċipjenti elenkati fis­ sezzjoni 6.1.

4.4Twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu

Reazzjonijiet allerġiċi

Jekk isseħħ reazzjoni allerġika għal aztreonam, waqqaf l-għoti tal-prodott mediċinali u ibda l-kura kif meħtieġ. L-okkorrenza ta’ raxx tista’ tindika reazzjoni allerġika għal aztreonam.

Tista’ sseħħ reattività inkroċjata fil-pazjenti b’storja medika ta’ allerġija għal antibijotiċi beta-lactam, bħal penicillins, cephalosporins, u/jew carbapenems. Dejta mill-annimali u mill-bniedem turi riskju baxx ta’ reattività inkroċjata bejn aztreonam u antibijotiċi beta-lactam. Aztreonam, li hu monobactam, hu biss immunoġeniku b’mod dgħajjef. L-attenzjoni hi rakkomandata meta tagħti Cayston lil pazjenti jekk ikollhom storja medika ta’ allerġija għal beta-lactam.

Ir-reazzjonijiet avversi rari u severi li ġejjin kienu rrappurtati wara l-użu parenterali ta’ prodotti oħrajn li fihom aztreonam: nekrolisi epidermali tossika, anafilassi, purpura, eritema multiforme, dermatite bil-qxur, urtikarja, tbenġil, ħakk, dijaforesi.

Bronkospażmu

Il-bronkospażmu (tnaqqis akut ta’ ≥ 15% fl-FEV1) hu komplikazzjoni assoċjata ma’ terapiji li jingħataw bin-nebulizzatur. Bronkospażmu kien irrappurtat wara l-għoti ta’ Cayston (ara sezzjoni 4.8). Il-pazjenti għandhom jużaw bronkodilatur qabel kull doża ta’ Cayston. Jekk każ ta’ bronkospażmu jkun issuspettat li hu parti minn reazzjoni allerġika, għandhom jittieħdu miżuri adattati (ara l-paragrafu “reazzjonijiet allerġiċi” hawn fuq).

Emoptisi

Il-ġbid man-nifs ta’ soluzzjonijiet nebulizzanti jista’ jikkaġuna azzjoni riflessa ta’ sogħla. L-użu ta’

Cayston f’pazjenti pedjatriċi b’CF ġie assoċjat ma’ emoptisi waqt iċ-ċikli ta’ kura u seta’ aggrava kundizzjonijiet diġà eżistenti. L-għoti ta’ Cayston f’pazjenti bis-CF b’emoptisi attiva għandu jsir biss jekk il-benefiċċji tal-kura jiġu kkunsidrati li jiżbqu r-riskji li jinduċu emorraġija addizzjonali.

Prekawzjonijiet oħra

L-effikaċja ma ġietx determinata f’pazjenti b’FEV1 mbassra ta’ > 75%.Pazjenti b’Burkholderia cepacia iżolata mill-isputum fl-aħħar sentejn, kienu esklużi mill-istudji kliniċi.

Aztreonam għall-injezzjoni m’għandux jintuża fl-Altera jew f’nebulizzaturi oħrajn. Aztreonam għall­ injezzjoni ma kienx ifformulat għal ġbid man-nifs, u fih arginine, sustanza magħrufa li tikkawża infjammazzjoni pulmonari.

Reżistenza għal aztreonam, antibijotiċi oħrajn u mikroorganiżmi li joħorġu mill-kura

L-iżvilupp ta’ P. aeruginosa reżistenti għall-antibijotiċi u superinfezzjoni b’patoġeni oħra, tirrappreżenta riskji potenzjali assoċjati ma’ terapija antibijotika. L-iżvilupp tar-reżistenza matul it­ terapija ta’ aztreonam li jinġibed man-nifs, tista’ tillimita l-għażliet tal-kura matul aggravamenti akuti. Tnaqqis fis-suxxettibbilità ta’ P. aeruginosa għal aztreonam jew antibijotiċi beta-lactam oħrajn ġie osservat fi studji kliniċi dwar Cayston. Fi studju kliniku kkontrollat attivament li dam 24 ġimgħa dwar it-terapija b’Cayston, ġew osservati żidiet fil-MIC90 għall-iżolati kollha ta’ P. aeruginosa kif ukoll fil­ perċentwali ta’ pazjenti b’iżolati ta’ P. aeruginosa reżistenti (MIC ogħla mill-breakpoint parenterali) għal aztreonam, għal mill-inqas antibijotiku beta-lactam 1, u għas-6 antibijotiċi beta-lactam kollha ttestjati (ara sezzjoni 5.1). Madankollu, tnaqqis fis-suxxettibbilità ta’ P. aeruginosa ma bassarx l­ effikaċja klinika ta’ Cayston matul l-istudju. Fost pazjenti li kellhom P. aeruginosa reżistenti għal aktar minn mediċina waħda, kien osservat titjib fis-sintomi respiratorji u fil-funzjoni pulmonari wara l­ kura b’Cayston. L-iżvilupp ta’ P. aeruginosa parenterali reżistenti għal aztreonam jew antibijotiċi beta-lactam oħrajn jista’ jkollu konsegwenzi potenzjali għall-kura ta’ aggravamenti pulmonari akuti b’antibijotiċi sistemiċi.

Żieda fil-prevalenza Staphylococcus aureus reżistenti għal methicillin (MRSA – methicillin-resistant Staphylococcus aureus), S. aureus sensittiva għal methicillin (MSSA - methicillin-sensitive Staphylococcus aureus) speċi t’Aspergillus u Candida kienet osservata maż-żmien f’pazjenti kkurati b’diversi korsijiet ta’ kura b’Cayston. Rabta bejn iżolament persistenti ta’ MRSA u riżultat kliniku agħar ġiet irrappurtata fil-letteratura medika. Matul l-istudji kliniċi ta’ Cayston, l-iżolament ta’ MRSA ma rriżultax fl-aggravament tal-funzjoni pulmonari.

4.5Interazzjoni ma’ prodotti mediċinali oħra u forom oħra ta’ interazzjoni

Ma twettaq l-ebda studju ta’ interazzjoni. Madankollu, l-ebda evidenza ta’ kwalunkwe interazzjonijiet tal-mediċina ma’ aztreonam ma kienu identifikati minn studji kliniċi fejn Cayston ittieħed fl-istess ħin ma’ bronkodilaturi, dornase alfa, enzimi pankreatiċi, azithromycin, tobramycin, sterojdi orali (inqas minn 10 mg kuljum/20 mg kull jumejn) u sterojdi li jinġibdu man-nifs.

4.6Fertilità, tqala u treddigħ

Tqala

M’hemmx dejta dwar l-użu ta’ aztreonam f’nisa tqal. Studji f’annimali ma urewx effetti diretti jew indiretti tossiċi fuq is-sistema riproduttiva (ara sezzjoni 5.3).

Il-konċentrazzjoni sistemika ta’ aztreonam wara l-għoti permezz tal-ġbid man-nifs ta’ Cayston hi baxxa meta mqabbla ma’ doża standard ta’ aztreonam għall-injezzjoni (madwar 1% tal­ konċentrazzjoni li tirriżulta minn doża ta’ 500 mg ta’ aztreonam għall-injezzjoni).

Cayston m’għandux jintuża waqt it-tqala ħlief meta jkun hemm bżonn speċifiku tat-trattament b’aztreonam minћabba l-kundizzjoni klinika tal-mara.

Treddigħ

Wara l-għoti ta’ aztreonam għall-injezzjoni, aztreonam jitneħħa fil-ħalib tas-sider tal-bniedem f’konċentrazzjonijiet baxxi ħafna. Il-konċentrazzjoni sistemika ta’ aztreonam wara l-għoti permezz tal­ ġbid man-nifs ta’ Cayston hi ta’ madwar 1% tal-konċentrazzjoni li tirriżulta minn doża standard ta’ aztreonam għall-injezzjoni. Għalhekk, u minħabba assorbiment orali baxx, l-espożizzjoni għal aztreonam fi trabi li jkunu qed jerdgħu minħabba ommijiet li jkunu qed jirċievu Cayston, x’aktarx li tkun estremament baxxa.

Cayston jista’ jintuża waqt it-treddigħ.

Fertilità

Dejta mhux klinika dwar il-fertilità għal aztreonam għall-injezzjoni ma tindika l-ebda effetti avversi.

4.7Effetti fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni

Cayston m’għandu l-ebda influwenza jew influwenza negliġibbli fuq il-kapaċità ta’ sewqan u tħaddim ta’ magni.

4.8Effetti mhux mixtieqa

Sommarju tal-profil tas-sigurtà

L-evalwazzjoni ta’ reazzjonijiet avversi hi bbażata fuq esperjenza fi studji kliniċi ta’ Fażi 3 li jinvolvu pazjenti bis-CF b’infezzjoni kronika b’P. aeruginosa u rappurtaġġ spontanju ta’ wara t-tqegħid fis­ suq.

Fiż-żewġ studji kliniċi ta’ Fażi 3 kkontrollati bil-plaċebo fejn il-pazjenti rċivew Cayston għal 28 jum, l-iktar reazzjonijiet avversi għal Cayston li seħħew b’mod frekwenti kienu sogħla (58%), konġestjoni nażali (18%), tħarħir (15%), uġigħ faringolarinġeali (13.0%), deni (12%) u qtugħ ta’ nifs (10%).

Tnaqqis akut ta’ ≥ 15% fl-FEV1 hi komplikazzjoni assoċjata ma’ terapiji li jingħataw bin-nebulizzatur, li jinkludu Cayston (ara sezzjoni 4.4).

Sommarju tabulat ta’ reazzjonijiet avversi

Ir-reazzjonijiet avversi li huma kkunsidrati tal-anqas possibbilment relatati mal-kura mill-istudju kliniku u esperjenza wara t-tqegħid fis-suq, huma elenkati hawn taħt skond il-klassi tal-organi tas­ sistema tal-ġisem u l-frekwenza.

Il-frekwenzi huma definiti kif ġej: komuni ħafna (≥ 1/10), komuni (≥ 1/100 sa < 1/10) u mhux komuni (≥ 1/1,000 sa < 1/100).

Disturbi respiratorji, toraċiċi u medjastinali:

Komuni ħafna: sogħla, konġestjoni nażali, tħarħir, uġigħ faringolarinġeali, qtugħ ta’ nifs

Komuni: bronkospażmu1, skonfort fis-sider, ħruġ ta’ likwidu mill-imnieħer, emoptisi1

Disturbi fil-ġilda u fit-tessuti ta’ taħt il-ġilda:

Komuni: raxx1

Disturbi muskolu-skeletriċi u tat-tessuti konnettivi:

Komuni:

Artralġja

Mhux komuni:

nefħa fil-ġogi

Disturbi ġenerali u kundizzjonijiet ta’ mnejn jingħata:

Komuni ħafna:

Deni

Investigazzjonijiet:

 

Komuni:

tnaqqis fir-riżultat tat-test tal-funzjoni pulmonari1

1 Ara sezzjoni ċ. Deskrizzjoni ta’ reazzjonijiet avversi magħżula

Deskrizzjoni ta’ reazzjonijiet avversi magħżula

Bronkospażmu

Terapiji li jingħataw bin-nebulizzatur, li jinkludu Cayston, jistgħu jiġu assoċjati ma’ bronkospażmu (tnaqqis akut ta’ ≥ 15% fl-FEV1). Irreferi għal sezzjoni 4.4.

Emoptisi

Il-ġbid man-nifs ta’ soluzzjonijiet nebulizzanti jista’ jikkaġuna azzjoni riflessa ta’ sogħla li tista’ tiggrava kundizzjonijiet diġà eżistenti (ara sezzjoni 4.4).

Reazzjonijiet allerġiċi

Ir-raxx ġie rrappurtat bl-użu ta’ Cayston u jista’ jindika reazzjoni allerġika għal aztreonam (ara sezzjoni 4.4).

Tnaqqis fir-riżultat tat-test tal-funzjoni pulmonari

Tnaqqis fir-riżultat tat-test tal-funzjoni pulmonari ġie rrappurtat bl-użu ta’ Cayston, iżda ma kienx assoċjat ma’ tnaqqis sostnut f’FEV1 (ara sezzjoni 5.1).

Ir-reazzjonijiet avversi rari u severi li ġejjin kienu rrappurtati wara l-użu parenterali ta’ prodotti oħrajn li fihom aztreonam: nekrolisi epidermali tossika, anafilassi, purpura, eritema multiforme, dermatite bil-qxur, urtikarja, tbenġil, ħakk, dijaforesi.

Popolazzjoni pedjatrika

Total ta’ 137 pazjent pedjatriku li kellhom minn 6 sa 17-il sena b’infezzjoni kronika b’P. aeruginosa u FEV1 ≤ 75% imbassra rċivew Cayston fi studji kliniċi ta’ Fażi 2 u Fażi 3 (6-12-il sena, n = 35; 13-17-il sena, n = 102).

Id-deni ġie osservat f’rata ta’ inċidenza ogħla f’pazjenti pedjatriċi li kellhom minn 6 sa 17-il sena meta mqabbla mal-adulti.

Rappurtar ta’ reazzjonijiet avversi suspettati

Huwa importanti li jiġu rrappurtati reazzjonijiet avversi suspettati wara l-awtorizzazzjoni tal-prodott mediċinali. Dan jippermetti monitoraġġ kontinwu tal-bilanċ bejn il-benefiċċju u r-riskju tal-prodott mediċinali. Il-professjonisti dwar il-kura tas-saħħa huma mitluba jirrappurtaw kwalunkwe reazzjoni avversa suspettata permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V.

4.9Doża eċċessiva

Reazzjonijiet avversi speċifikament assoċjati ma’ doża eċċessiva ta’ Cayston ma kinux identifikati. Billi l-konċentrazzjoni fil-plażma ta’ aztreonam wara l-għoti ta’ Cayston (75 mg) hi ta’ madwar

0.6 µg/ml, meta mqabbla mal-livelli fis-serum ta’ 54 µg/ml wara l-għoti ta’ aztreonam għall-injezzjoni (500 mg), l-ebda problemi tas-sigurtà marbuta ma’ doża eċċessiva ta’ aztreonam ma huma mistennija.

5.PROPRJETAJIET FARMAKOLOĠIĊI

5.1Proprjetajiet farmakodinamiċi

Kategorija farmakoterapewtika: Antibatterjali għall-użu sistemiċi, antibatterjali beta-lactam oħrajn, Kodiċi ATC: J01DF01

Mekkaniżmu ta’ azzjoni

Aztreonam juri attività in vitro kontra patoġeni aerobiċi gram-negattivi li jinkludu P. aeruginosa. Aztreonam jeħel ma’ proteini li jeħlu mal-penicillin ta’ batterji suxxettibbli, li jwassal għal inibizzjoni tas-sintesi tal-ħajt taċ-ċelluli batterjali, segwita minn filamentazzjoni u mil-lisi taċ-ċelluli.

Mekkaniżmi tar-reżistenza

Telf ta’ suxxettibbilità għal aztreonam f’pazjenti bis-CF b’P. aeruginosa jseħħ jew permezz tal-għażla ta’ razez b’mutazzjonijiet li jinsabu fuq il-kromosoma, jew rarament permezz tal-akkwist ta’ ġeni medjati bi plasmid/integron.

Il-mekkaniżmi magħrufa tar-reżistenza għal aztreonam medjati mill-mutazzjoni ta’ ġeni kromosomali jinkludu: iperespressjoni tal-beta-lactamase ta’ Klassi Ċ AmpC u up-regulation tal-pompa tal-effluss MexAB-OprM. Il-mekkaniżmu magħruf tar-reżistenza għal aztreonam, medjat mill-akkwist ta’ ġeni, jinvolvi l-akkwist ta’ extended spectrum beta-lactam enzymes (ESBLs) li jidrolizzaw iċ-ċirku li fih erba’ partijiet, bin-nitrogen, ta’ aztreonam.

ESBLs minn beta-lactamases ta’ Klassi A, B u D, jista’ jkollhom attività kontra aztreonam. Beta­ lactamases ta’ Klassi A irrappurtati li jidrolizzaw aztreonam jinkludu t-tip VEB (primarjament fix- Xlokk tal-Asja), it-tip PER (Turkija), u t-tipi GES u IBC (Franza, Greċja, u Afrika t’Isfel). Kien hemm rapporti rari ta’ organiżmi b’metallo-beta-lactamases (MBLs), Klassi B, li huma reżistenti għal aztreonam, VIM-5 (K. pneumoniae u P. aeruginosa - Turkija), VIM-6 (P. putida - Singapore) u VIM-7 (P. aeruginosa - Stati Uniti), madankollu, hu possibbli li dawn l-organiżmi kienu qed jesprimu mekkaniżmi multipli tar-reżistenza u għaldaqstant MBL ma kienx responsabbli għar-reżistenza osservata għal aztreonam. Kien hemm rapporti rari ta’ beta-lactamases ta’ Klassi D mill-iżolati kliniċi ta’ P. aeruginosa, OXA-11 (Turkija) u OXA-45 (Stati Uniti) li jidrolizzaw aztreonam.

Mikrobijoloġija

Kampjun wieħed ta’ sputum minn pazjent bis-CF jista’ jkun fih iżolati multipli ta’ P. aeruginosa u kull iżolat jista’ jkun fih livell differenti ta’ suxxettibbilità in vitro għal aztreonam. Il-metodi tal­ ittestjar tas-suxxettibbilità in vitro kontra l-mikrobi li jintużaw għat-terapija parenterali b’aztreonam, jistgħu jintużaw biex jimmonitorjaw is-suxxettibbilità ta’ iżolati ta’ P. aeruginosa minn pazjenti bis- CF.

Fi studji kkontrollati bil-plaċebo ta’ Fażi 3 dwar Cayston, il-konċentrazzjonijiet lokali ta’ aztreonam ġeneralment qabżu l-valuri MIC ta’ aztreonam għal P. aeruginosa, irrispettivament mil-livell ta’ suxxettibbilità ta’ P. aeruginosa.

Il-kura b’ sa disa’ korsijiet ta’ 28 jum ta’ terapija b’Cayston b’75 mg 3 darbiet kuljum, irriżultat f’titjib klinikament importanti tas-sintomi respiratorji, il-funzjoni pulmonari u d-densità CFU tal-isputum

minn P. aeruginosa; ma ġew osservati l-ebda żidiet f’P. aeruginosa MIC50 (± 2 bidla ta’ dilwizzjoni), filwaqt li MIC90 żdied b’mod intermittenti sa 4 darbiet il-MIC inizjali. Fi studju kkontrollat attivament li dam 24 ġimgħa ta’ terapija b’Cayston, ma kienu osservati l-ebda żidiet f’P. aeruginosa MIC50 (± 2 bidla ta’ dilwizzjoni), filwaqt li MIC90 żdied għal 4 darbiet tal-MIC inizjali. Fit-tmiem tal-istudju, il­ perċentwali ta’ pazjenti b’MIC għal aztreonam għal P. aeruginosa fuq il-breakpoint parenterali

(> 8 µg/ml) żdied minn 34% fil-linja bażi għal 49%, il-perċentwal ta’ pazjenti b’P. aeruginosa reżistenti għal mill-inqas antibijotiku beta-lactam 1 żdied minn 56% fil-linja bażi għal 67%, u l­ perċentwal ta’ pazjenti b’P. aeruginosa reżistenti għas-6 antibijotiċi beta-lactam kollha ttestjati żdied minn 13% fil-linja bażi għal 18%. Hemm riskju li iżolati ta’ P. aeruginosa jistgħu jiżviluppaw reżistenza għal aztreonam jew antibijotiċi beta-lactam oħrajn f’pazjenti kkurati b’Cayston. L-iżvilupp ta’ P. aeruginosa parenterali reżistenti għal aztreonam u antibijotiċi beta-lactam oħrajn jista’ jkollu konsegwenzi potenzjali għall-kura ta’ aggravamenti pulmonari akuti b’antibijotiċi sistemiċi. Madankollu titjib simili fil-funzjoni pulmonari ġie osservat wara l-kura b’Cayston fost pazjenti b’iżolati ta’ aztreonam suxxettibbli jew reżistenti għal P. aeruginosa.

Fi studji li saru fuq sa disa’ korsijiet ta’ 28 jum bit-terapija ta’ Cayston, l-ebda żidiet ta’ rilevanza klinika ma ġew osservati fl-iżolament li joħroġ mill-kura ta’ patoġeni respiratorji batterjali gram­ negattivi (speċi Burkholderia, Stenotrophomonas maltophilia u l-ispeċi Alcaligenes). Matul il-fażi ta’ studju GS-US-205-0110 li dam 6 xhur li fih il-parteċipanti ntgħażlu b’mod każwali, iżolament li joħroġ mill-kura ta’ MSSA u MRSA ġie osservat b’mod iktar komuni fost pazjenti kkurati b’ aztreonam milli f’pazjenti kkurati b’Tobramycin Nebuliser Solution (TNS). Il-maġġoranza ta’ iżolamenti li joħorġu mill-kura kienu intermittenti. Iżolament persistenti li joħroġ mill-kura (definit bħala assenti fl-iscreening/linja bażi u mbagħad preżenti fi 3 viżti sussegwenti jew aktar) ta’ MSSA seħħ f’6% tal-pazjenti kkurati b’aztreonam meta mqabbla ma’ 3% ta’ pazjenti kkurati b’TNS. Iżolament intermittenti li joħroġ mill-kura ta’ MRSA seħħ f’7% ta’ pazjenti kkurati b’aztreonam meta mqabbla ma’ 1% ta’ pazjenti kkurati b’TNS u iżolament persistenti li joħroġ mill-kura ta’ MRSA seħħ fi 3% ta’ pazjenti kkurati b’aztreonam meta mqabbla mal-ebda pazjenti kkurati b’TNS. Fil-letteratura medika ġiet irrappurtata rabta bejn iżolament persistenti ta’ MRSA u mard iktar sever u żieda fil­ mortalità. Matul l-istudji kliniċi ta’ Cayston, l-iżolament ta’ MRSA ma rriżultax fl-aggravament tal­ funzjoni pulmonari.

Effikaċja klinika u sigurtà

Cayston ġie mqabbel ma’ TNS fuq tliet korsijiet ta’ kura li damu 28 jum, fi studju li fih il-parteċipanti ntgħażlu b’mod każwali, ikkontrollat b’mod attiv u multiċentriku (Studju GS-US-205-0110). Il-pazjenti li pparteċipaw f’dan l-istudju fl-Ewropa li temmew mill-inqas kors wieħed ta’ Cayston jew

TNS matul il-fażi li fiha l-parteċipanti ntgħażlu b’mod każwali, setgħu jirċievu sussegwentement sa tliet korsijiet ta’ kura b’Cayston li jdumu 28 jum f’fażi ta’ estensjoni open-label. Il-kriterji tal-parteċipazzjoni kienu jinkludu CF, FEV1 ≤ 75% imbassra, mard pulmonari stabbli, koltura riċenti ta’ sputum pożittiva għal P. aeruginosa, u kura fil-passat b’antibijotiċi aerosolizzati mingħajr l-ebda sinjal ta’ intolleranza għall-mediċina.

Cayston kien evalwat fuq perjodu ta’ 28 jum ta’ kura (kors wieħed) f’żewġ studji randomised, double- blind, ikkontrollati bil-plaċebo, u multiċentriċi (CP-AI-005 u CP-AI-007). Il-pazjenti li kienu qed jipparteċipaw f’dawn l-istudji setgħu sussegwentement jirċievu aktar minn kors wieħed ta’ Cayston fi studju open-label follow-on (CP-AI-006). Il-kriterji tal-parteċipazzjoni kienu jinkludu CF, FEV1 fil­ linja bażi bejn 25% u 75% imbassra, u infezzjoni kronika fil-pulmun b’P. aeruginosa.

B’kollox, 539 persuna (78% adulti) kienu kkurati f’dawn l-istudji. L-istudji saru bl-użu tal-Altera Nebuliser System biex jingħata Cayston.

GS-US-205-0110

Fi studju GS-US-205-0110, 268 pazjent bis-CF u infezzjoni pulmonari kronika b’P. aeruginosa ntgħażlu b’mod każwali u rċivew Cayston (n = 136) jew TNS (n = 132). Disa’ u ħamsin pazjent pedjatriku li kellhom minn 6 sa 17-il sena ġew inklużi fl-istudju. Il-pazjenti ntgħażlu b’mod każwali fi proporzjon ta’ 1:1 biex jirċievu jew aztreonam (75 mg) mogħti permezz ta’ ġbid man-nifs 3 darbiet

kuljum jew TNS (300 mg) mogħti darbtejn kuljum. Il-kuri ngħataw għal tliet ċikli ta’ 28 jum fuq terapija segwiti minn 28 jum mingħajr terapija. L-endpoints koprimarji kienu nuqqas ta’ inferjorità ta’ Cayston għal TNS f’bidla relattiva mil-linja bażi sa jum 28 f’FEV1 % imbassra u superjorità ta’ Cayston għal TNS fil-bidla attwali mil-linja bażi f’FEV1 % imbassra matul it-3 korsijiet ta’ kura (il­ medja tal-bidla attwali f’FEV1 % imbassra osservata fit-tmiem ta’ kull kors ta’ kura).

Il-medja aġġustata f’perċentwali tal-bidla mil-linja bażi sa jum 28 f’FEV1 % imbassra kienet 8.35 u 0.55 fil-gruppi ta’ Cayston u TNS, rispettivament (differenza fil-kura: 7.80; p = 0.0001; 95% CI: 3.86, 11.73). Il-medja aġġustata mil-linja bażi tal-bidla attwali f’FEV1 % imbassra matul it-3 korsijiet ta’ kura kienet 2.05 u -0.66 fil-gruppi ta’ Cayston u TNS, rispettivament (differenza fil-kura: 2.70; p=0.0023; 95% CI: 0.98, 4.43). Pazjenti kkurati b’aztreonam damu aktar żmien qabel kellhom bżonn ta’ antibijotiċi antipsewdomonali i.v. assoċjati ma’ avvenimenti respiratorji meta mqabbla ma’ pazjenti kkurati b’TNS (p = 0.0025). L-istimi Kaplan-Meier għal din ir-rata ta’ avvenimenti f’ġimgħa 24 kienu 36% f’pazjenti kkurati b’aztreonam u 54% f’pazjenti kkurati b’TNS. Flimkien ma’ dan, pazjenti kkurati b’aztreonam iddaħħlu inqas l-isptar minħabba avvenimenti respiratorji (40 versus 58,

p = 0.044) u kellhom inqas avvenimenti respiratorji li kienu jeħtieġu l-użu ta’ i.v. jew antibijotiċi antipsewdomonali li jinġibdu man-nifs (84 versus 121, p = 0.004) minn pazjenti kkurati b’TNS. Pazjenti kkurati b’aztreonam urew ukoll medja akbar ta’ titjib fil-punteġġi tas-sintomi respiratorji CFQ-R meta mqabbla ma’ pazjenti kkurati b’TNS fit-3 korsijiet ta’ kura (6.30 versus 2.17, p = 0.019).

Fis-sottogrupp limitat ta’ pazjenti li rċivew tobramycin li jinġibed man-nifs għal inqas minn 84 jum fit-12-il xahar ta’ qabel (n = 40), it-titjib fil-funzjoni pulmonari f’jum 28 u matul it-tliet korsijiet ta’ kura ta’ 28 jum, kien numerikament iżgħar fost pazjenti kkurati b’aztreonam milli f’pazjenti kkurati b’TNS.

CP-AI-007

CP-AI-007 irreġistra 164 persuna adulta (fil-biċċa l-kbira tagħhom) u pazjenti pedjatriċi li ntgħażlu b’mod każwali fi proporzjon ta’ 1:1 li qabbel Cayston 75 mg(80 pazjent) jew plaċebo (84 pazjent), mogħti 3 darbiet kuljum għal 28 jum (kors wieħed). Kien hemm bżonn li l-pazjenti ma jkunux ħadu antibijotiċi antipsewdomonali għal mill-inqas 28 jum qabel il-kura bil-mediċina tal-istudju.

Il-funzjoni pulmonari u sintomi respiratorji tjiebu b’mod sinifikanti mil-linja bażi sa Jum 28 f’pazjenti kkurati b’kors wieħed ta’ Cayston.

CP-AI-005

CP-AI-005 irreġistra 246 persuna adulta (fil-biċċa l-kbira tagħhom) u pazjenti pedjatriċi. Il-pazjenti kollha kienu kkurati bi Tobramycin Nebuliser Solution (TNS) 300 mg, darbtejn kuljum fl-erba’

ġimgħat immedjatament qabel ma rċivew Cayston jew il-plaċebo, jew darbtejn jew 3 darbiet kuljum għal 28 jum. Il-pazjenti komplew fuq il-mediċini tagħhom fil-linja bażi, li kienu jinkludu antibijotiċi macrolide. Il-pazjenti ntgħażlu b’mod każwali fi proporzjon ta’ 2:2:1:1 biex ikunu kkurati b’aztreonam 75 mg darbtejn jew 3 darbiet kuljum, jew plaċebo volume-matched darbtejn jew 3 darbiet kuljum għal 28 jum immedjatament wara l-kors lead-in ta’ t-28 jum ta’ open-label TNS.

It-terapija b’aztreonam irriżultat f’titjib sinifikanti fil-funzjoni pulmonari u sintomi respiratorji f’Jum 28 fis-66 pazjent ikkurati b’kors wieħed b’Cayston 75 mg 3 darbiet kuljum.

CP-AI-006

CP-AI-006 kien studju open-label follow-on għal CP-AI-005 u CP-AI-007 li evalwa s-sigurtà ta’ espożizzjoni ripetuta għal aztreonam u l-effett fuq l-endpoints marbuta mal-marda fuq aktar minn kors wieħed ta’ 28 jum. Il-pazjenti rċivew Cayston fl-istess frekwenza (darbtejn jew 3 darbiet kuljum) kif

ħadu Cayston jew il-plaċebo fl-istudji randomised. Il-pazjenti komplew jieħdu l-mediċini tagħhom fil­ linja bażi u kull meta kien indikat, intużaw antibijotiċi addizzjonali fil-maġġoranza tal-pazjenti biex jiġu kkurati aggravamenti tal-marda. Kull kors ta’ 28 jum b’Cayston kien segwit minn perjodu ta’

28 jum bla mediċina. Fuq perjodu ta’ disa’ korsijiet ta’ terapija, il-kejl tal-funzjoni pulmonari (FEV1),

punteġġi tas-sintomi respiratorji CFQ-R, u densità tal-isputum ta’ P. aeruginosa wrew tendenza għal titjib waqt li l-pazjenti kienu fuq il-kura meta mqabbel ma’ meta ma kinux fuq il-kura. Madankollu, minħabba n-natura mhux ikkontrollata tal-istudju u l-mediċini li ngħataw fl-istess ħin, ma setgħet tittieħed l-ebda konklużjoni dwar is-sostenibbiltà tal-benefiċċju osservat fuq perjodu ta’ żmien qasir matul korsijiet sussegwenti ta’ kura.

Popolazzjoni pedjatrika

Total ta’ 137 pazjent pedjatriku li kellhom minn 6 sa 17-il sena b’infezzjoni kronika b’P. aeruginosa u FEV1 ≤ 75% imbassra rċivew Cayston fi studji kliniċi ta’ Fażi 2 u Fażi 3. Pazjenti pedjatriċi kellhom titjib kliniku b’aztreonam kif stabbilit minn żieda fl-FEV1, titjib fil-punteġġi tas-sintomi respiratorji CFQ-R u tnaqqis fid-densità tal-isputum ta’ P. aeruginosa. Cayston hu indikat għall-użu f’pazjenti pedjatriċi li kellhom 6 snin u aktar b’ċikli ripetuti ta’ 28 jum fuq terapija segwiti minn 28 jum mingħajr terapija b’Cayston ibbażat fuq l-esperjenza klinika t’hawn fuq.

Fi studju open-label ta’ Fażi 2, (GS-US-205-0162), 105 pazjenti pedjatriċi li kellhom minn 3 xhur sa < 18-il sena (24 pazjent b’età minn 3 xhur sa < sentejn; 25 pazjent b’età minn sentejn sa < 6 snin; 56 pazjent b’età minn 6 sa < 18-il sena) bis-CF u infezzjoni/kolonizzazzjoni inizjali/bikrija

b’P. aeruginosa dokumentata irċevew Cayston 3 darbiet kuljum għal kors wieħed ta’ 28 jum.

Mill-101 pazjenti, li kollha kellhom kolturi pożittivi għal P. aeruginosa fi żmien 30 jum minn meta ddaħħlu fl-istudju, li minnhom 56 (55.4%) kienu ħielsa minn P. aeruginosa fil-linja bażi li komplew kors ta’ kura ta’ 28 jum 89.1% (n = 90) kienu ħielsa minn P. aeruginosa fl-aħħar tal-kura (Jum 28) u 75.2% (n = 76) kienu ħielsa minn P. aeruginosa xahar wara l-aħħar tal-kura (Jum 56). Total ta’

79 pazjent li komplew kors ta’ kura ta’ 28 jum u li ma rċivewx antibijotiku antipsewdomonali addizzjonali matul il-perjodu ta’ kura setgħu jiġu evalwati 6 xhur wara t-tmiem tal-kura; minn dawn, 58.2% (n = 46) baqgħu ħielsa minn P. aeruginosa matul dan il-perjodu ta’ żmien kollu.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini iddifferiet l-obbligu li jiġu ppreżentati riżultati tal-istudji b’Cayston f’wieħed jew iktar settijiet tal-popolazzjoni pedjatrika f’pazjenti b’fibrożi ċistika b’infezzjoni pulmonari/kolonizzazzjoni b’Pseudomonas aeruginosa (ara sezzjoni 4.2 għal informazzjoni dwar l-użu pedjatriku).

5.2Tagħrif farmakokinetiku

Assorbiment

Konċentrazzjonijiet fl-isputum

Il-konċentrazzjonijiet ta’ aztreonam fl-isputum ta’ pazjenti individwali wrew varjabilità konsiderevoli. Għall-istudji kombinati ta’ Fażi 3, ikkontrollati bil-plaċebo, għaxar minuti wara doża singola ta’ 75 mg aztreonam miġbud man-nifs f’Jiem 0, 14, u 28, il-medja tal-konċentrazzjonijiet fl-isputum

f’195 pazjent bis-CF kienet ta’ 726 µg/g, 711 µg/g, u 715 µg/g, rispettivament, li ma tindika l-ebda

żieda fl-akkumulazzjoni ta’ aztreonam wara dożaġġ ripetut.

Konċentrazzjonijiet fil-plażma

Il-konċentrazzjonijiet ta’ aztreonam fil-plażma ta’ pazjenti individwali wrew varjabilità konsiderevoli.

Siegħa wara doża singola ta’ 75 mg aztreonam miġbud man-nifs (bejn wieħed u ieħor fil­ konċentrazzjoni massima fil-plażma), il-medja tal-livell fil-plażma f’pazjenti bis-CF kienet ta’ 0.59 µg/ml. Il-medja tal-livelli massimi fil-plażma f’Jiem 0, 14, u 28 ta’ kors b’75 mg aztreonam

miġbud man-nifs 3 darbiet kuljum kienet ta’ 0.55 µg/ml, 0.67 µg/ml, u 0.65 µg/ml, rispettivament, li ma tindika l-ebda akkumulazzjoni sistemika ta’ aztreonam wara dożaġġ li jingħata 3 darbiet kuljum. B’kuntrast ma’ dan, il-konċentrazzjoni fis-serum ta’ aztreonam wara l-għoti ta’ aztreonam għall­ injezzjoni (500 mg) hi ta’ madwar 54 µg/ml.

Il-konċentrazzjonijiet ta’ aztreonam fil-plażma f’pazjenti pedjatriċi b’età minn 3 xhur sa < 6 snin huma komparabbli ma’ dawk osservati għal tfal b’età ta’ > 6 snin, adoloxxenti u adulti.

Distribuzzjoni

It-twaħħil ta’ aztreonam mal-proteini fil-plażma huwa madwar 77% f’konċentrazzjonijiet fil-plażma ta’ rilevanza klinika.

Metaboliżmu

Aztreonam ma jiġix metabolizzat b’mod estensiv. Il-metabolit ewlieni (SQ26,992) hu inattiv u jiġi ffurmat mill-ftuħ taċ-ċirku tal-beta-lactam minħabba idroliżi. Id-dejta tal-irkupru tindika li madwar 10% tad-doża titneħħa bħala dan il-metabolit.

Eliminazzjoni

Il-half-life tal-eliminazzjoni ta’ aztreonam mis-serum hi ta’ madwar 2.1 sigħat għall-għoti permezz tal­ ġbid man-nifs, li hi simili għal dak li kien irrappurtat għal aztreonam għall-injezzjoni. Madwar 10% tad-doża totali ta’ aztreonam miġbud man-nifs titneħħa fl-awrina bħala mediċina mhux mibdula, meta mqabbel ma’ 60-65% wara l-għoti ġol-vini ta’ aztreonam għall-injezzjoni. Aztreonam assorbit b’mod sistemiku jitneħħa bejn wieħed u ieħor b’mod ugwali mit-tnixxija tubulari attiva kif ukoll mill­ filtrazzjoni glomerulari.

Il-farmakokinetika f’popolazzjonijiet speċjali

Età u sess

Ma kien hemm l-ebda effett klinikament rilevanti tal-età jew sess fuq il-farmakokinetika ta’ aztreonam.

Indeboliment renali u epatiku

Ma saru l-ebda studji farmakokinetiċi fuq pazjenti b’indeboliment renali jew epatiku.

Proprjetajiet farmakokinetiċi għal aztreonam għall-injezzjoni

Il-livelli massimi ta’ aztreonam jintlaħqu bejn wieħed u ieħor siegħa wara l-għoti i.m. Wara dożi identiċi singoli i.m. jew i.v., il-konċentrazzjonijiet fis-serum ikunu komparabbli wara siegħa

(1.5 sigħat mill-bidu tal-infużjoni i.v.), bi slopes simili tal-konċentrazzjonijiet fis-serum wara dak il­ ħin. Il-half-life ta’ aztreonam fis-serum kien ta’ medja ta’ 1.7 sigħat f’persuni b’funzjoni renali normali, indipendentement mid-doża u l-mod kif jingħata. F’persuni b’saħħithom, 60-70% ta’ doża singola i.m. jew i.v. kienet irkuprata fl-awrina sa 8 sigħat wara, u t-tneħħija mill-awrina kienet essenzjalment lesta sa 12-il siegħa wara.

Popolazzjoni pedjatrika

L-istudji registrazzjonali ta’ Fażi 2 u 3 ikkontrollati bil-plaċebo, ippermettew il-paragun ta’ konċentrazzjonijiet fil-plażma siegħa wara l-għoti tad-doża ta’ Cayston skont l-età (minn 6 sa 12-il sena, 13 sa 17-il sena, u ≥ 18-il sena). Dejta minn dawn l-istudji żvelat differenzi minimi fil­ medja tal-konċentrazzjonijiet fil-plażma ta’ aztreonam bejn il-gruppi ta’ età f’pazjenti li kienu qed jirċievu Cayston 3 darbiet kuljum.

Dejta kollettiva tal-konċentrazzjoni fl-isputum minn studji registrazzjonali ta’ Fażi 2 u 3, żvelat xi evidenza ta’ konċentrazzjoniet medji fl-isputum iktar baxxi f’pazjenti li kellhom minn 13 sa 17-il sena wara doża waħda ta’ Cayston 3 darbiet kuljum. Madankollu, il-valuri medji kollha tal­ konċentrazzjoniet fl-isputum kienu assoċjati ma’ devjazzjonijiet standard relattivament kbar.

5.3Tagħrif ta' qabel l-użu kliniku dwar is-sigurtà

Studju dwar it-tossikoloġija mal-ġbid man-nifs li sar fuq il-firien u li dam 104 ġimgħat, li kellu l-għan li jevalwa r-riskju ta’ kanċer ta’ dożi ta’ aztreonam li jiżdiedu, ma wera l-ebda żieda ta’ tumuri malinni marbuta mal-mediċina.

Studji dwar l-effett tossiku fuq il-ġeni (Aberrazzjoni kromosomali u assaġġ tal-mutazzjoni tal-limfoma fil-ġrieden) li saru b’aztreonam kienu negattivi.

Saru studji dwar il-fertilità, it-teratoloġija, u dwar il-perjodu perinatali u dak ta’ wara t-twelid, b’aztreonam għall-injezzjoni i.v. fil-firien f’dożi ta’ kuljum sa 750 mg/kg mingħajr l-ebda effetti avversi. Ir-rata ta’ sopravivenza matul il-perjodu ta’ treddigħ naqset bi ftit fil-frieħ ta’ firien li rċivew l-ogħla doża.

6.TAGĦRIF FARMAĊEWTIKU

6.1Lista ta’ eċċipjenti

Trab

L-Lysine

Solvent

Sodium chloride

Ilma għall-injezzjonijiet

6.2Inkompatibbiltajiet

Fin-nuqqas ta’ studji ta’ kompatibbiltà, dan il-prodott mediċinali m’għandux jitħallat ma’ prodotti mediċinali oħrajn.

6.3Żmien kemm idum tajjeb il-prodott mediċinali

Kunjett bit-trab: 4 snin.

Solvent: 3 snin.

Wara r-rikostituzzjoni, l-użu immedjat ta’ Cayston hu rakkomandat. Jekk ma tintużax immedjatament, is-soluzzjoni rikostitwita trid tinħażen f’temperatura ta’ 2°C - 8°C u tintuża fi żmien 8 sigħat. Iż-żmien tal-ħażna waqt l-użu u l-kundizzjonijiet ta’ qabel l-użu huma r-responsabbiltà tal-utent.

6.4Prekawzjonijiet speċjali għall-ħażna

Kunjett bit-trab u ampulla bis-solvent: Aħżen fi friġġ (2°C - 8°C). Jistgħu jinħażnu wkoll barra mill­ friġġ iżda taħt temperatura ta’ 25°C sa 28 jum.

Għall-kondizzjonijiet ta’ ħażna wara r-rikostituzzjoni tal-prodott mediċinali, ara sezzjoni 6.3.

6.5In-natura u tal-kontenitur u ta’ dak li hemm ġo fih

Kunjett bit-trab: Kunjett tal-ħġieġ ta’ Tip I ta’ kulur safrani b’tapp tal-lastku griż silikonizzat u għatu tal-aluminju tear off bi jew mingħajr għatu blu.

Solvent: Ampulla ta’ 1 ml ta’ polyethylene b’densità baxxa.

Kull pakkett ta’ 28 jum ta’ Cayston fih 84 kunjett ta’ aztreonam lajofilizzat u 88 ampulla bis-solvent. L-erba’ ampulli bis-solvent addizzjonali qegħdin hemm f’każ li jkun hemm xi tixrid.

Id-daqsijiet tal-pakketti li ġejjin huma disponibbli:

pakkett ta’ 28 jum ta’ Cayston

pakkett li fih pakkett wieħed ta’ 28 jum ta’ Cayston flimkien ma’ Altera Nebuliser Handset wieħed

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

6.6Prekawzjonijiet speċjali li għandhom jittieħdu meta jintrema u għal immaniġġar ieħor

Rikostituzzjoni

Cayston għandu jkun rikostitwit biss bis-solvent ipprovdut. Wara r-rikostituzzjoni, Cayston ikun soluzzjoni ċara u bla kulur jew kemm kemm bil-kulur.

Hu rakkomandat li Cayston jingħata immedjatament wara r-rikostituzzjoni bis-solvent. Cayston m’għandux jiġi rrikostitwit sakemm doża tkun lesta biex tingħata. Kunjett wieħed tal-ħġieġ li fih

Cayston jinfetaħ billi ċċarrat u tilwi ’l fuq l-għatu blu jew ittella’ ’l fuq il-flap tal-metall, iċ-ċirku tal­ metall jitneħħa billi tiġbed il-flap bl-attenzjoni (jistgħu jintużaw xi pinzetta jew tnalja żgħira biex tneħħi ċ-ċirku tal-metall jekk ikun hemm bżonn), u jitneħħa t-tapp tal-lastku griż. Il-likwidu jingħafas

’il barra minn ampulla waħda bis-solvent għal ġol-kunjett tal-ħġieġ. Il-kunjett imbagħad jiddawwar bil-mod sakemm il-kontenut jinħall kollu. Cayston rikostitwit imbagħad jitferra’ ġol-Altera Nebuliser Handset u d-doża tingħata.

Cayston jingħata permezz tal-ġbid man-nifs fuq perjodu ta’ minn 2 sa 3 minuti, bl-użu ta’ Altera

Nebuliser Handset speċifiku għal Cayston u Altera Aerosol Head ikkonnettjata ma’ eBase Controller jew eFlow rapid Control Unit. Cayston m’għandux jintuża ma’ kwalunkwe tip ieħor ta’ handset jew aerosol head. Cayston m’għandux jitħallat ma’ kwalunkwe prodotti mediċinali oħrajn fl-Altera Nebuliser Handset. Tpoġġix prodotti mediċinali oħrajn fl-Altera Nebuliser Handset.

Tirrikostitwixxix jew tħallat Cayston ma’ kwalunkwe solvent jew prodott mediċinali ieħor. Tirrikostitwixxix iktar minn doża waħda kull darba. Kull fdal tal-prodott mediċinali li ma jkunx intuża jew skart li jibqa’ wara l-użu tal-prodott għandu jintrema kif jitolbu l-liġijiet lokali.

7.DETENTUR TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

Gilead Sciences International Ltd

Granta Park

Abington

Cambridge

CB21 6GT

Ir-Renju Unit

8.NUMRU(I) TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

EU/1/09/543/001

EU/1/09/543/002

9.DATA TAL-EWWEL AWTORIZZAZZJONI/TIĠDID TAL-AWTORIZZAZZJONI

Data tal-ewwel awtorizzazzjoni: 21 ta’ Settembru 2009

Data tal-aħħar tiġdid:

10.DATA TA’ REVIŻJONI TAT-TEST

Informazzjoni dettaljata dwar dan il-prodott mediċinali tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija

Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati