Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Enyglid (repaglinide) – Sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott - A10BX02

Updated on site: 06-Oct-2017

Isem tal-MediċinaEnyglid
Kodiċi ATCA10BX02
Sustanzarepaglinide
ManifatturKrka, d.d., Novo mesto

1.ISEM IL-PRODOTT MEDIĊINALI

Enyglid 0,5 mg pilloli

Enyglid 1 mg pilloli

Enyglid 2 mg pilloli

2.GĦAMLA KWALITATTIVA U KWANTITATTIVA

Enyglid 0,5 mg pilloli

Kull pillola fiha 0,5 mg repaglinide.

Enyglid 1 mg pilloli

Kull pillola fiha 1 mg repaglinide.

Enyglid 2 mg pilloli

Kull pillola fiha 2 mg repaglinide.

Għal-lista kompluta ta’ eċċipjenti, ara sezzjoni 6.1.

3.GĦAMLA FARMAĊEWTIKA

Pillola

Enyglid 0,5 mg pilloli

Il-pilloli huma bojod, tondi u mżaqqa fuq żewġ naħat bi xfar iċċanfrati.

Enyglid 1 mg pilloli

Il-pilloli huma ta’ lewn kannella safranin, tondi, u mżaqqa fuq żewġ naħat bi xfar iċċanfrati u bi dbabar aktar skuri possibbli.

Enyglid 2 mg pilloli

Il-pilloli huma roża, mraħħma, tondi, mżaqqa fuq żewġ naħat bi xfar iċċanfrati u bi dbabar aktar skuri possibbli.

4.TAGĦRIF KLINIKU

4.1Indikazzjonijiet terapewtiċi

Repaglinide huwa indikat f’adulti li għandhom id-dijabete mellitus tat-tip 2 fejn l-ipergliċemija tagħhom ma tistax tiġi kkontrollata b'mod aktar sodisfaċenti b'dieta, bi tnaqqis fil-piż u b'eżerċizzju. Repaglinide huwa wkoll indikat flimkien ma' metformin f'adulti li għandhom id-dijabete mellitus tat- tip 2 li m'humiex ikkontrollati b'mod sodisfaċenti b’metformin biss.

It-trattament għandu jiġi mibdi bħala żieda mad-dieta u l-eżerċizzju sabiex jitbaxxa l-livell ta’ zokkor fid-demm fir-rigward tal-ikel.

4.2Pożoloġija u metodu ta’ kif għandu jingħata

Pożoloġija

Repaglinide jiġi mogħti qabel ikla u jiġi dożat individwalment sabiex jiġi kkontrollat bl-aħjar mod l-ammont ta’ zokkor fid-demm. Minbarra l-monitoraġġ li jagħmel l-pazjent nnifsu għaz-zokkor fid-demm u/jew fl-awrina, iz-zokkor fid-demm għandu jiġi monitorat kull tant żmien mit-tabib sabiex tiġi stabbilita d-doża minima effettiva għall-pazjent. Livelli ta’ emoglobina li jingħaqad maz-zokkor

huma wkoll ta’ valur fil-monitoraġġ tal-pazjent għat-terapija. Monitoraġġ perijodiku huwa meħtieġ sabiex jiġi magħruf l-ammont inadegwat imnaqqas ta’ zokkor fil-livell massimu ta’ doża rakkomandata (i.e. insuffiċjenza primarja) u sabiex jiġi mnaqqas ir-rispons għal tnaqqis adegwat ta’ zokkor wara perijodu inizjali ta’ effettività (i.e. insuffiċjenza sekondarja).

It-teħid ta’ repaglinide għal żmien qasir jista' jkun biżżejjed waqt perijodi ta’ nuqqas temporanju fil- kontroll tal-livelli tal-glucose fid-demm f'pazjenti li għandhom id-dijabete tat-tip 2 li s-soltu tiġi kkontrollata tajjeb b'dieta.

Doża inizjali

Id-doża għandha tiġi determinata mit-tabib, skond il-ħtiġijiet tal-pazjent. Id-doża rakkomandata li wieħed ġeneralment jibda biha hi ta’ 0,5 mg. Minn ġimgħa għal ġimagħtejn għandhom jgħaddu bejn stadji ta’ tittrazzjoni (kif stabbilit b’rispons għaz-zokkor fid-demm).

Jekk pazjenti jiġu trasferiti minn prodott mediċinali orali ieħor li jbaxxi l-livell ta’ glucose fid-demm, huwa rakkomandat li l-kura għandha tibda b’doża ta’ 1 mg.

Manteniment

Id-doża singolari massima rakkomandata hi ta’ 4 mg li tingħata mal-ikliet prinċipali. Id-doża massima totali ta’ kuljum m’għandiex taqbeż 16 mg.

Popolazzjonijiet speċjali

Anzjani

Ma sarux studji kliniċi fuq pazjenti > 75 sena.

Indeboliment renali

Repaglinide ma jiġix affettwata minn disturbi renali (ara sezzjoni 5.2).

Minn doża waħda ta’ repaglinide, tmienja fil-mija biss tiġi eliminata mill-kliewi u t-tneħħija totali tal- prodott mill-plażma jonqos f'pazjenti li għandhom indeboliment renali. Minħabba li s-sensittività għall-insulina togħla f'pazjenti dijabetiċi b’indeboliment renali, huwa importanti li f’dawn il-pazjenti l- aġġustament fid-doża jsir b’attenzjoni.

Indeboliment epatiku

Ma sarux studji kliniċi f'pazjenti b'insuffiċjenza epatika.

Pazjenti indebboliti jew neqsin minn ikel sustanzjuż

F'pazjenti indebboliti jew neqsin minn ikel sustanzjuż id-doża inizjali u ta' manteniment għandha tkun konservattiva u l-aġġustament fid-doża għandu jsir b'attenzjoni sabiex jiġu evitati reazzjonijiet ipogliċemiċi.

Pazjenti li qed jirċievu prodotti mediċinali ipogliċemiċi orali oħra

Pazjenti jistgħu jiġu trasferiti direttament minn prodotti mediċinali ipogliċemiċi orali oħra għal repaglinide. Madankollu, ma teżistix relazzjoni eżatta fid-dożaġġ bejn repaglinide u prodotti mediċinali oħra ipogliċemiċi li jittieħdu mill-ħalq. Fil-bidu tal-kura d-doża massima rakkomandata għall-pazjenti trasferiti għal repaglinide hija ta’ 1 mg mogħtija qabel l-ikliet prinċipali.

Repaglinide jista' jingħata flimkien ma' metformin, meta l-glukows fid-demm ma jkunx ikkontrollat b'mod suffiċjenti b’metformin waħdu. F'dan il-każ, id-doża ta' metformin għandha tibqa’ l-istess u repaglinide għandu jittieħed miegħu. Fil-bidu tal-kura d-doża ta’ repaglinide hija ta’ 0,5 mg, meħuda qabel l-ikliet prinċipali; l-aġġustament fid-doża għandu jsir skont ir-rispons gliċemiku bħal ma jsir meta repaglinide jingħata waħdu.

Popolazzjoni pedjatrika

Is-sigurtà u l-effikaċja ta’ repaglinide fit-tfal taħt it-18-il sena ma ġewx determinati s’issa. Dejta mhux

disponibbli.

Metodu ta’ kif għandu jingħata

Repaglinide għandu jittieħed qabel l-ikliet prinċipali.

Normalment id-dożi jittieħdu fiż-żmien 15-il minuta qabel l-ikel iżda l-ħin jista’ jvarja minn eżatt qabel l-ikel sa daqs 30 minuta qabel l-ikel (jiġifieri qabel 2, 3 jew 4 ikliet kuljum). Pazjenti li jaqbżu ikla (jew jieħdu ikla żejda) għandhom jiġu mgħarrfa biex jaqbżu (jew jżidu) doża għal dik l-ikla.

F’każ ta’ użu fl-istess ħin ta’ sustanzi attivi oħra irreferi għal sezzjonijiet 4.4 u 4.5 biex tiċċekkja d- dożaġġ.

4.3Kontraindikazzjonijiet

-Sensittività eċċessiva għal repaglinide jew għal kwalunkwe wieћed mill-eċċipjenti elenkati fis- sezzjoni 6.1.

-Dijabete mellitus tat-tip 1, C-peptide negattiv.

-Ketoaċidożi dijabetika b’koma jew mingħajr koma.

-Disturbi severi fil-funzjoni tal-fwied.

-Użu konkomitanti ta’ gemfibrozil (ara sezzjoni 4.5).

4.4Twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu

Ġenerali

Repaglinide għandu jingħata b’riċetta biss jekk minkejja tentattivi adegwati ta’ dieta, eżerċizzju u tnaqqis fil-piż jibqa jkun hemm kontroll gliċemiku fqir u s-sintom tad-dijabete jippersistu.

Meta pazjent stabbilizzat fuq xi prodott mediċinali ipogliċemiku orali jiġi espost għal xi tip ta’ stress bħal deni, trawma, infezzjoni jew kirurġija, jista' jintilef il-kontroll gliċemiku. Meta jiġri hekk, jista' jkun neċessarju illi jitwaqqaf repaglinide u ssir kura b'insulina fuq bażi temporanja.

Ipogliċemija

Repaglinide bħas-sustanzi l-oħra li jġelgħu li jkun hemm tnixxija tal-insulina, jista’ jikkawża ipogliċemija.

It-teħid flimkien ma’ sustanzi li jikkawża s-sekrezzjoni tal-insulina

L-effett ta' prodotti mediċinali ipogliċemiċi, orali, li jbaxxu l-glucose fid-demm maż-żmien jonqos f'ħafna pazjenti. Dan jista' jigri jew minħabba li d-dijabete issir iżjed gravi jew minħabba tnaqqis fir- rispons għall-prodott mediċinali. Dan il-fenomenu huwa magħruf bħala falliment sekondarju biex jiġi distint minn falliment primarju, fejn il-prodott mediċinali ma jkunx effettiv f'pazjent individwali mill- ewwel darba li tingħata. Qabel ma pazjent jiġi kklassifikat bħala falliment sekondarju, għandha tiġi aġġustata d-doża u wieħed għandu jivverifika li l-pazjent kien qed josserva d-dieta u jagħmel l- eżerċizzju.

Repaglinide jaġixxi permezz ta’ sit speċifiku ta’ rabta b'azzjoni qasira fuq ċ-ċelloli β. L-użu ta’ repaglinide f'każ ta' falliment sekondarju għal sustanzi li jikkawżaw it-tnixxija tal-insulina ma ġiex investigat fi studji kliniċi. Ma sarux provi kliniċi li jistħarrġu t-teħid tal-prodott flimkien ma' prodotti oħra li jikkawżaw it-tnixxija tal-insulina.

It-teħid flimkien mal-insulina Neutral Protamine Hagedorn (NPH) jew ma’ thiazolidinediones

Ġew magħmula studji ta' terapija kombinata ma' insulina Neutral Protamine Hagedorn (NPH) jew ma’ thiazolidinediones. Madankollu l-profil tal-benefiċċju riskju għad irid jiġi stabbilit meta mqabbel ma’

terapiji kombinati oħra.

It-teħid flimkien ta’ Enyglid ma’ metformin

Trattament bil-prodott flimkien ma' metformin hija assoċjata ma' żieda fir-riskju ta' ipogliċemija.

Is-sindromu koronarju akut

L-użu ta’ repaglinide jista’ jkun assoċjat ma’ żieda fl-inċidenza tas-sindromu koronarju akut (eż. infart mijokardjali), ara sezzjonijiet 4.8 u 5.1.

Użu konkomitanti

Repaglinide għandu jintuża b’kawtela jew jiġi evitat f’pazjenti li jirċievu prodotti mediċinali li jinfluwenza l-metaboliżmu ta’ repaglinide (ara sezzjoni 4.5). Jekk l-użu fl-istess ħin ikun meħtieġ, għandu jsir monitoraġġ bir-reqqa tal-glukows fid-demm u monitoraġġ kliniku mill-qrib.

4.5Interazzjoni ma’ prodotti mediċinali oħra u forom oħra ta’ interazzjoni

Numru ta' prodotti mediċinali huma magħrufa li jinfluwenzaw il-metaboliżmu ta’ repaglinide. Għalhekk, it-tabib għandu jikkunsidra l-interazzjonijiet possibbli:

Informazzjoni in vitro tindika li repaglinide hu metabolizzat il-biċċa l-kbira minn CYP2C8, iżda wkoll minn CYP3A4. Informazzjoni klinika f’voluntiera b’saħħithom tappoġġja l-fatt li CYP2C8 hi l-iktar enzima importanti involuta fil-metaboliżmu ta’ repaglinide, b’CYP3A4 tilgħab rwol iżgħar, iżda l- kontribuzzjoni relattiva ta’ CYP3A4 tista’ tiżdied jekk CYP2C8 tkun inibita. Konsegwentement il- metaboliżmu, u minħabba f’hekk it-tneħħija ta’ repaglinide, jista’ jinbidel minn sustanzi li jinfluwenzaw dawn l-enzimi ta’ ċitokrom P-450 permezz ta’ l-inibizzjoni jew l-induzzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali meta l- inibituri kemm ta’ CYP2C8 kif ukoll ta’ 3A4 jingħataw fl-istess ħin ma’ repaglinide

Minn informazzjoni in vitro, jidher li repaglinide huwa sustrat għall-assorbiment epatiku attiv (proteina organika għat-trasport anijoniku OATP1B1). Bl-istess mod, sustanzi li jinibixxu OATP1B1 jistgħu jkollhom il-potenzjal li jżidu l-konċentrazzjonijiet ta’ repaglinide fil-plażma kif ġie muri għal ciclosporin (ara aktar ’l isfel).

Is-sustanzi li ġejjin jistgħu jżidu u/jew itawlu l-effett ipogliċemiku ta’ repaglinide: Gemfibrozil, clarithromycin, itraconazole, ketoconazole, trimethoprim, ciclosporin, deferasirox,

clopidogrel, sustanzi oħra kontra d-dijabete, inibituri ta’ monoamine oxidase (MAOIs), sustanzi beta blokkanti mhux selettivi, inibituri ta’ angiotensin converting enzyme (ACE), saliċilati, NSAIDs, octreotide, alkoħol, u sterojdi anaboliċi.

Meta repaglinide (doża waħda ta’ 0.25 mg) ingħata flimkien ma’ gemfibrozil (600 mg darbtejn kuljum), inibitur ta’ CYP2C8, kien hemm żieda fl-AUC ta’ repaglinide ta’ 8.1 darbiet u fis-Cmax ta’ 2.4 darbiet f’voluntiera b’saħħithom. Kien hemm żieda fil-half-life minn 1.3 sa 3.7 sigħat, li jirriżulta possibbilment f’effett ipogliċemizzanti ta’ repaglinide aktar qawwi u aktar fit-tul u l-konċentrazzjoni fil-plażma ta’ repaglinide fis-seba’ siegħa żdied b’28.6 darbiet bit-teħid ta’ gemfibrozil. L-użu ta’ gemfibrozil flimkien ma’ repaglinide huwa kontraindikat (ara sezzjoni 4.3).

Meta repaglinide (doża waħda ta’ 0.25 mg) ingħata flimkien ma’ trimethoprim(160 mg darbtejn kuljum), inibitur moderat ta’ CYP2C8, kien hemm żieda fl-AUC, fis-Cmax u fit-t½ (1.6 darbiet, 1.4 darbiet u 1.2 darbiet rispettivament) ta’ repaglinide, mingħajr ebda effett statistikament sinifikanti fuq il-livelli tal-glucose fid-demm. Dan in-nuqqas ta’ effett farmakodinamiku kien osservat b’doża ta’ repaglinide li kienet inqas minn doża terapewtika. Minħabba li l-profil tas-sigurtà ta’ din il- kombinazzjoni ma ġiex stabbilit b’doża ogħla minn 0.25 mg għal repaglinide u b’doża ogħla minn 320 mg għal trimethoprim, l-użu fl-istess ħin ta’ trimethoprim ma’ repaglinide għandu jiġi evitat. Jekk

l-użu fl-istess ħin ikun meħtieġ, għandu jsir monitoraġġ bir-reqqa tal-glucose fid-demm u monitoraġġ kliniku mill-qrib (ara sezzjoni 4.4).

Rifampicin, li b’mod qawwi jikkawża l-induzzjoni ta’ CYP3A4, iżda wkoll ta’ CYP2C8, jaġixxi kemm ta’ induttur u kemm ta’ inibitur fil-metaboliżmu ta’ repaglinide. Kura minn qabel għal sebat ijiem b’rifampicin (600 mg), segwit b’teħid konkomitanti ta’ repaglinide (doża waħda ta’ 4 mg), fis- seba’ jum irriżulta f’tnaqqis ta’ 50% fl’AUC (effett kemm ta’ induzzjoni kif ukoll ta’ inibizzjoni). Meta repaglinide ngħata 24 siegħa wara l-aħħar doża ta’ rifampicin, kien osservat tnaqqis ta’ 80% fl- AUC ta’ repaglinide (effett ta’ l-induzzjoni waħidha). Għalhekk, l-użu fl-istess ħin ta’ rifampicin u repaglinide, jista’ jikkaġuna l-ħtieġa li d-doża ta’ repaglinide tiġi aġġustata. Dan għandu jkun ibbażat fuq il-konċentrazzjonijiet tal-glucose fid-demm li jkunu mmonitorjati bir-reqqa, kemm fil-bidu tal- kura b’rifampicin (inibizzjoni akuta), kemm fid-dożi suċċessivi (taħlita ta’ inibizzjoni u induzzjoni), kemm meta titwaqqaf il-kura (induzzjoni waħidha) u kif ukoll sa madwar ġimagħtejn wara li titwaqqaf il-kura b’rifampicin, meta l-effett induttiv ta’ rifampicin ma jkunx għadu hemm. Ma jistax jiġi eskluż li indutturi oħrajn, eż. phenytoin, carbamazepine, phenobarbital, St. John’s wort, jista’ jkollhom effett simili.

L-effett ta’ ketoconazole, l-eżempju klassiku ta’ inibituri qawwijin u kompetittivi ta’ CYP3A4, fuq il- farmakokinetika ta’ repaglinide, kien studjat f’pazjenti b’saħħithom. It-teħid flimkien ma’ 200 mg ta’ ketoconazole żied l-AUC u s- Cmax ta’ repaglinide b’1.2 darbiet, bil-profili tal-konċentrazzjonijiet tal- glucose fid-demm li nbidlu b’inqas minn 8% meta ngħataw fl-istess ħin (doża waħda ta’ 4 mg ta’ repaglinide). It-teħid flimkien ma’ 100 mg ta’ itraconazole, inibitur ta’ CYP3A4, kien studjat ukoll f’voluntiera b’saħħithom, u żied l-AUC b’1.4 darbiet. L-ebda effett sinifikanti fuq il-livell tal-glucose f’voluntiera b’saħħithom ma kien osservat. Fi studju dwar l-interazzjoni bejn il-mediċini, li sar f’voluntiera b’saħħithom, it-teħid flimkien ma’ 250 mg ta’ clarithromycin, inibitur qawwi ta’ CYP3A4 fuq livell ta’ mekkaniżmu ta’ azzjoni, żied bi ftit l-AUC ta’ repaglinide b’1.4 darbiet u s-Cmax

b’1.7 darbiet, u żied il-medja inkrementali ta’ l-AUC ta’ l-insulina tas-serum b’1.5 darbiet u l- konċentrazzjoni massima b’1.6 darbiet. Il-mekkaniżmu preċiż ta’ din l-interazzjoni m’huwiex ċar.

F’studju magħmul f’volontiera b’saħħithom, l-għoti fl-istess ħin ta’ repaglinide (doża waħda ta’

0.25 mg) u ciclosporin (doża ripetuta ta’ 100 mg) żied l-AUC u s-Cmax ta’ repaglinide b’madwar 2.5 u 1.8 darbiet rispettivament. Peress li l-interazzjoni ma ġietx stabbiliti għal dożi ta’ repaglinide ogħla minn 0.25 mg, l-użu fl-istess ħin ta’ ciclosporin u repagline għandu jiġi evitat. Jekk jidher li l-użu flimkien ikun bżonnjuż, għandu jkun hemm monitoraġġ mill-viċin kemm mil-lat kliniku u kemm taz- zokkor fid-demm (ara sezzjoni 4.4).

F’studju ta’ interazzjoni f’volontiera b’saħħithom, it-teħid flimkien ta’ deferasirox (30 mg/kg/ġurnata, 4 ġranet), inibitur moderat ta’ CYP2C8 u CYP3A4 u repaglinide (doża waħda, 0.5 mg) irriżulta f’żieda fl-espożizzjoni sistemika ta’ repaglinide (AUC) ta’ 2.3 darbiet tal-kontrol (90% CI [2.03-2.63]) l, żieda fis-Cmax ta’ 1.6 darbiet (90% CI [1.42-1.84]) u tnaqqis żgħir iżda sinifikanti fil-valuri taz- zokkor fid-demm. Peress li l-interazzjoni ma ġietx stabbilita b’dożi ogħla minn 0.5 mg għal repaglinide, l-użu fl-istess ħin ta’ repaglinide u deferasirox għandu jiġi evitat. Jekk jidher li jkun hemm il-bżonn tat-teħid flimkien, għandu jsir monitoraġġ tajjeb tal-aspett kliniku u tal-livell tal- glukożju fid-demm. (ara sezzjoni 4.4).

F’studju ta’ interazzjoni f’volontiera b’saħħithom, it-teħid flimkien ma’ clopidogrel (doża ta’ kkargar ta’ 300 mg), inibitur ta’ CYP2C8, żied l-espożizzjoni sistemika ta’ repaglinide (AUC0–∞) b’5.1 darbiet u b’teħid kontinwu (doża ta’ 75 mg kuljum) żied l-espożizzjoni sistemika ta’ repaglinide (AUC0–∞) b’3.9 darbiet. Ġie osservat tnaqqis żgħir sinifikanti fil-livelli tal-glukożju fid-demm.

Prodotti mediċinali β-blokkanti jistgħu jaħbu s-sintomi ta’ l-ipogliċemija.

It-teħid fl-istess ħin ta’ cimetidine, nifedipine, oestrogen, jew simvastatin ma’ repaglinide, kollha sustanzi li fuqhom jaġixxi CYP3A4, ma bidlux b’mod sinifikanti l-parametri farmakokinetiċi ta’ repaglinide.

Repaglinide ma kellu l-ebda effett kliniku rilevanti fuq il-karatteristiċi farmakokinetiċi ta' digoxin,theophylline jew warfarin fi stat fiss, meta ngħata lill-voluntiera b'saħħithom. Għalhekk, m’hemmx bżonn ta’ tibdil fid-doża ta' dawn is-sustanzi meta jingħataw flimkien ma’ repaglinide.

Is-sustanzi li ġejjin jistgħu jnaqqsu l-effett ipogliċemiku ta’ repaglinide:

Kontraċettivi orali, rifampicin, barbituriċi, carbamazepine, tijażidi, corticosterojdi, danazol, ormoni tat-tirojde u simpatomimetiċi.

Meta dawn il-mediċini jingħataw jew jitneħħew mit-terapija ta’ pazjent li jkun qed jirċievi repaglinide, il-pazjent għandu jiġi osservat mill-qrib għal tibdiliet fil-kontroll gliċemiku.

Meta repaglinide jintuża flimkien ma' prodotti mediċinali oħra li prinċipalment ikollhom tnixxija biljari, bħal repaglinide, wieħed għandu jikkunsidra kull interazzjoni li tista’ sseħħ.

Popolazzjoni pedjatrika

Ma sarux studji ta’ interazzjoni fit-tfal u fl-adolexxenti.

4.6Fertilità, tqala u treddigħ

Tqala

Ma hemmx studji ta’ repaglinide fuq nisa tqal. Repaglinide għandu jiġi evitat waqt it-tqala.

Treddigħ

Ma sarux studji f’nisa li qed ireddgħu. Repaglinide m'għandux jintuża f'nisa li qed ireddgħu.

Fertilità

Dejta minn studji fl-annimali li investigaw l-effetti fuq l-iżvilupp tal-embriju, tal-fetu u tal-frieħ, kif ukoll it-tneħħija mal-ħalib tas-sider huma deskritti f’sezzjoni 5.3.

4.7Effetti fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni

Enyglid m’għandu ebda effett jew ftit li xejn fuq il-kapaċità li ssuq jew tħaddem magni iżda jista’ jikkawża l-ipogliċemija.

Għandu jingħata parir lill-pazjenti biex jittieħdu l-prekawzjonijiet biex tiġi evitata l-ipogliċemija waqt is-sewqan. Dan huwa importanti speċjalment f'dawk li ma jafux jew ma jafux sewwa x’inhuma s- sinjali ta' l-ipogliċemija jew li spiss ikollhom episodji ta' ipogliċemija. F’dawn iċ-ċirkostanzi għandu jingħata parir li sewqan m’għandux isir.

4.8Effetti mhux mixtieqa

Sommarju tal-profil ta’ sigurtà

L-aktar reazzjonijiet avversi rrapportati b’mod frekwenti huma tibdil fil-livelli tal-glukosju fid-demm, i.e, l-ipogliċemija.Kemm-il darba jseħħu dawn ir-reazzjonijiet jiddependi fuq fatturi individwali, bħal abitudinijiet dijetetiċi, dożaġġ, eżerċizzju u stress.

Lista f’forma tabulari tar-reazzjonijiet avversi

Skont l-esperjenza b’repaglinide u prodotti mediċinali oħra ipogliċemiċi, ġew osservati r-reazzjonijiet avversi li ġejjin: Il-frekwenzi huma mfissra bħala: komuni (≥ 1/100 sa < 1/10); mhux komuni

(≥ 1/1000 sa 1/100); rari (≥ 1/10,000 sa < 1/1,000); rari ħafna (< 1/10,000) u mhux magħruf (ma tistax tittieħed stima mid-dejta disponibbli)

Disturbi fis-sistema immuni

Reazzjonijiet allerġiċi*

Rari ħafna

Disturbi fil-metaboliżmu u n-

Ipogliċemija

Komuni

nutrizzjoni

Koma ipogliċemika u telf

Mhux magħruf

 

tas-sensi ipogliċemika

 

Disturbi fl-għajnejn

Disturbi ta’ rifrazzjoni*

Rari ħafna

Disturbi fil-qalb

Mard kardjovaskulari

Rari

Disturbi gastro-intestinali

Uġigħ addominali, dijarea

Komuni

 

Rimettar, stitikezza

Rari ħafna

 

Dardir

Mhux magħruf

Disturbi fil-fwied u fil-marrara

Funzjoni epatika mhux

Rari ħafna

 

normali, żieda fil-livelli tal-

 

 

enzimi tal-fwied*

 

Disturbi fil-ġilda u fit-tessuti ta’

Sensittività eċċessiva*

Mhux magħruf

taħt il-ġilda

 

 

* ara s-sezzjoni Deskrizzjoni ta’ reazzjonijiet avversi partikulari aktar ’l isfel

Deskrizzjoni ta’ reazzjonijiet avversi partikulari

Reazzjonijiet allerġiċi

Reazzjonijiet ta’ sensittività eċċessiva ġeneralizzati (eż.reazzjoni anafilattika) jew reazzjonijiet immunoloġiċi bħal vaskulite

Disturbi ta’ rifrazzjoni

Tibdiliet fil-livell tal-glucose fid-demm huma magħrufa li jirriżultaw f'disturbi tranżitorji tal-vista, speċjalment fil-bidu tal-kura. Dawn id-disturbi ġew irrappurtati biss fi ftit każijiet wara l-bidu tal-kura b’repaglinide. L-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma wassal biex titwaqqaf il-kura b’repaglinide fi studji kliniċi.

Funzjoni epatika mhux normali, żieda fil-livelli tal-enzimi tal-fwied

Każijiet iżolati ta' żieda fl-enzimi tal-fwied ġew irrappurtati waqt kura b’repaglinide. Il-maġġoranza tal-każijiet kienu ħfief u tranżitorji, u ftit kienu dawk il-pazjenti li ma komplewx il-kura minħabba ż- żieda fl-enzimi tal-fwied. F’każijiet rari ħafna ġiet irrapportata disfunzjoni epatika severa.

Sensittività eċċessiva

Reazzjonijiet ta' sensittività eċċessiva fil-ġilda jistgħu jseħħu bħal eritema, ħakk, raxx u urtikarja. Ma hemm l-ebda raġuni għalxiex għandu jkun hemm xi suspett ta’ allerġija trasversali mal-mediċini tat-tip sulphonylurea peress li għandhom struttura kimika differenti.

Rappurtar ta’ reazzjonijiet avversi suspettati

Huwa importanti li jiġu rrappurtati reazzjonijiet avversi suspettati wara l-awtorizzazzjoni tal-prodott mediċinali. Dan jippermetti monitoraġġ kontinwu tal-bilanċ bejn il-benefiċċju u r-riskju tal-prodott mediċinali. Il-professjonisti dwar il-kura tas-saħħa huma mitluba jirrappurtaw kwalunkwe reazzjoni avversa suspettata permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V.

4.9Doża eċċessiva

Sintomi

Repaglinide ngħata b'żieda fid-doża kull ġimgħa minn 4-20 mg erba' darbiet kuljum f'perijodu ta' 6 ġimgħat. Ma ġewx irrappurtati ebda tip ta’ problema f’dak li għandu x’jaqsam is-siġurtà tal-

mediċina.. F'dan l-istudju l-ipogliċemija kienet evitata permezz ta' żieda fit-teħid ta' kaloriji, iżda doża eċċessiva relattiva tista' tirriżulta f'effett li jbaxxi l-glucose b’mod esaġerat u f’sintomi ipogliċemiċi (sturdament, għaraq, rogħda, uġigħ ta' ras eċc.).

Immaniġjar

Jekk ikun hemm dawn is-sintomi, għandha tittieħed azzjoni adegwata biex jiġi kkoreġut il-glucose baxx fid-demm (karboidrati mill-ħalq). Ipogliċemija aktar serja assoċjata ma’ konvulżjonijiet, telf tas- sensi jew koma għandha tiġi ttrattata bi glucose mogħti minn ġol-vini.

5.PROPRJETAJIET FARMAKOLOĠIĊI

5.1Proprjetajiet farmakodinamiċi

Grupp farmako-terapewtiku: Mediċini użati fid-dijabete, mediċini oħra li jnaqqsu l-livell taz-zokkor fid-demm, li mhumiex insulini, Kodiċi ATC: A10BX02

Mekkaniżmu ta’ azzjoni

Repaglinide huwa prodott li jikkawża s-sekrezzjoni ta’ l-insulina, jittieħed mill-ħalq u jaħdem għal ħin qasir. Repaglinide inaqqas b'mod akut il-livelli tal-glucose fid-demm billi jistimula l-ħruġ ta' l-insulina mill-frixa, effett li jiddependi fuq il-funzjoni taċ-ċelloli fl-islets pankreatiċi.

Repaglinide jagħlaq il-kanali tal-potassju dipendenti fuq l-ATP fil-membrana taċ-ċelloli permezz ta' proteina partikolari li hija differenti minn prodotti oħra li jikkawżaw is-sekrezzjoni ta’ l-insulina. Din l-azzjoni tiddepolarizza ċ-ċellola u twassal għall-ftuħ tal-kanali tal-kalċju. Iż-żieda fid-dħul intraċellulari ta’ kalċju li jirriżulta minn din l-azzjoni jistimula s-sekrezzjoni ta' l-insulina miċ-ċellula .

Effetti farmakodinamiċi

F'pazjenti bid-dijabete tat-tip 2, ir-rispons insulinotropiku għall-ikel, seħħ fi żmien 30 minuta wara li ttieħdet doża orali ta’ repaglinide. Dan wassal biex l-effett ta’ tnaqqis fil-livell tal-glucose fid-demm jibqa’ għall-perijodu kollu ta' l-ikla. Il-livelli għolja ta' l-insulina ma ppersistewx wara l-ħin ta’ l-ikla. Il-livelli ta’ repaglinide fil-plażma naqsu malajr, u l-konċentrazzjonijiet fil-plażma tal-pazjenti li għandhom id-dijabete tat-tip 2 kienu baxxi erba' sigħat wara t-teħid.

Effikaċja klinika u sigurtà

Meta pazjenti bid-dijabete tat-tip 2 ingħataw dożi minn 0.5 sa 4 mg ta’ repaglinide ġie muri li t-tnaqqis fil-livell tal-glucose fid-demm huwa dipendenti fuq id-doża. Riżultati ta' studji kliniċi wrew li l-aħjar mod li jiġi meħud repaglinide huwa li jingħata skont l-ikliet prinċipali (teħid qabel l-ikel). Normalment, id-dożi jittieħdu 15-il minuta qabel l-ikel, imma l-ħin jista' jvarja minn eżatt qabel l-ikel sa 30 minuta qabel l-ikel.

Studju epidemjoloġiku wieħed wera żieda fir-riskju tas-sindromu koronarju akut f’pazjenti kkurati b’repaglinide meta mqabbla ma’ pazjenti kkurati b’sulfonylureas (ara sezzjonijiet 4.4 u 4.8).

5.2Tagħrif farmakokinetiku

Assorbiment

Repaglinide jiġi assorbit malajr mill-passaġġ gastrointestinali, li jwassal għal żieda b’mod mgħaġġel fil-konċentrazzjoni tas-sustanza attiva fil-plażma. L-ogħla livell fil-plażma jintlaħaq wara siegħa li jkun ittieħed. Wara li jintlaħaq il-livell massimu, il-livell fil-plażma jonqos malajr. Il-farmakokinetika ta’ repaglinide hija kkaratterizzata minn medja ta’ bijodisponibilita` assoluta ta' 63% (CV 11%).

Ma deherx li kien hemm xi differenzi klinikament rilevanti fil-farmakokinetika ta’ repaglinide, meta repaglinide ngħata 0, 15 jew 30 minuta qabel ikla jew fi stat ta’ sawm.

Fl-istudji kliniċi, ġiet osservata differenza kbira fil-konċentrazzjonijiet ta’ repaglinide fil-plażma bejn individwu u ieħor (60%). Id-differenza fil-konċentrazzjonijiet ta’ repaglinide fl-istess individwu kienet

baxxa għal moderata (35%) u peress illi d-doża ta’ repaglinide għandha tiġi kkalkulata skont ir-rispons kliniku, id-differenzi ta’ bejn individwu u ieħor ma jaffettwawx l-effikaċja.

Distribuzzjoni

Il-farmakokinetika ta’ repaglinide hija kkaratterizzata minn volum baxx ta' distribuzzjoni, 30 L (konsistenti ma’ distribuzzjoni fil-fluwidu intraċellulari) u jintrabat sew ma' proteini tal-plażma fil- bniedem (aktar minn 98%).

Eliminazzjoni

Repaglinide jiġi eliminat malajr mid-demm fi żmien 4-6 sigħat. Il half-life ta’ eliminazzjoni mill- plażma hi ta’ madwar siegħa.

Repaglinide jiġi mmetabolizzat kważi kollu, u ma ġewx identifikati metaboli b'effett ipogliċemiku ta’ rilevanza klinika.

Il-metaboli ta’ repaglinide jiġu mneħħija primarjament permezz tal-bile. Frazzjoni żgħira (anqas minn 8%) tad-doża mogħtija tidher fl-awrina, primarjament bħala metaboli. Inqas minn 1% ta’ repaglinide joħroġ fl-ippurgar.

Gruppi speċjali ta’ pazjenti

L-espożizzjoni ta’ repaglinide tiżdied f'pazjenti b'insuffiċjenza tal-fwied u f'pazjenti anzjani li għandhom id-dijabete tat-tip 2. L-AUC (SD) wara espożizzjoni ta' doża waħda ta' 2 mg (4 mg f'pazjenti b'insuffiċjenza tal-fwied) kienet ta’ 31.4 ng/ml x siegħa (28.3) f'voluntiera b'saħħithom, 304.9 ng/ml x siegħa (228.0) f'pazjenti b'insuffiċjenza tal-fwied, u 117.9 ng/ml x siegħa (83.8) fil- pazjenti anzjani bid-dijabete tat-tip 2.

Wara kura ta' 5 tijiem b’repaglinide(2 mg x 3/ġurnata) f'pazjenti b’indeboliment renali gravi (tneħħija tal-krejatinina: 20-39 ml/min) ir-riżultati wrew żieda sinifikanti li kienu ta’ darbtejn iżjed fl- espożizzjoni (AUC) u fil-half-life (t½), meta mqabbla ma’ pazjenti b'funzjoni tal-kliewi normali.

Popolazzjoni pedjatrika

Dejta mhux disponibbli.

5.3Tagħrif ta’ qabel l-użu kliniku dwar is-sigurtà

Informazzjoni li mhiex klinika, magħmula fuq studji konvenzjonali ta’ sigurtà farmakoloġika, effett tossiku minn dożi ripetuti, effett tossiku fuq il-ġeni u riskju ta’ kanċer, ma turi l-ebda periklu speċjali għall-bnedmin.

Intwera li repaglinide ma kienx teratoġeniku f’studji fuq l-annimali. Fil-firien nisa, esposti għal dożi għoljin fl-aħħar stadju ta’ tqala u waqt il-perijodu ta’ treddigħ, ġie osservat effett tossiku fuq l-embriju u żvilupp mhux normali tal-għadam fil-feti ta’ firien u fil-frieħ tat-twelid. Repaglinide instab fil-ħalib tal-annimali.

6.TAGĦRIF FARMAĊEWTIKU

6.1Lista ta' eċċipjenti

Microcrystalline cellulose (E460)

Calcium hydrogen phosphate, anidru

Croscarmellose sodium

Povidone K25

Glycerol

Magnesium stearate

Meglumine

Poloxamer

Yellow iron oxide (E172) – f'pilloli ta' 1 mg biss

Red iron oxide (E172) – f'pilloli ta' 2 mg biss

6.2Inkompatibbilitajiet

Mhux applikabbli

6.3Żmien kemm idum tajjeb il-prodott mediċinali

3 snin

6.4Prekawzjonijiet speċjali għall-ħażna

Aħżen fil-pakkett oriġinali sabiex tilqa’ mid-dawl.

6.5In-natura u tal-kontenitur u ta’ dak li hemm ġo fih

Pakkett ta’ folji (OPA/Alu/PVC-Alu): 30, 60, 90, 120, 180, 270 u 360 pillola fil-kaxxa. Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

6.6Prekawzjonijiet speċjali li għandhom jittieħdu meta jintrema

L-ebda ħtiġijiet speċjali.

7.DETENTUR TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

KRKA, d.d., Novo mesto, Šmarješka cesta 6, 8501 Novo mesto, Is-Slovenja

8.NUMRU(I) TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

Enyglid 0,5 mg pilloli

30 pillola: EU/1/09/580/001

60 pillola: EU/1/09/580/002

90 pillola: EU/1/09/580/003

120 pillola: EU/1/09/580/004

180 pillola: EU/1/09/580/019

270 pillola: EU/1/09/580/005

360 pillola: EU/1/09/580/006

Enyglid 1 mg pilloli

30 pillola: EU/1/09/580/007

60 pillola: EU/1/09/580/008

90 pillola: EU/1/09/580/009

120 pillola: EU/1/09/580/010

180 pillola: EU/1/09/580/020

270 pillola: EU/1/09/580/011

360 pillola: EU/1/09/580/012

Enyglid 2 mg pilloli

30 pillola: EU/1/09/580/013

60 pillola: EU/1/09/580/014

90 pillola: EU/1/09/580/015

120 pillola: EU/1/09/580/016

180 pillola: EU/1/09/580/021

270 pillola: EU/1/09/580/017

360 pillola: EU/1/09/580/018

9.DATA TAL-EWWEL AWTORIZZAZZJONI/TIĠDID TAL-AWTORIZZAZZJONI

Data tal-ewwel awtorizzazzjoni: 14/10/2009

Data tal-aħħar tiġdid: 22 t’Awwissu 2014

10.DATA TA’ REVIŻJONI TAT-TEST

Informazzjoni dettaljata dwar dan il-prodott mediċinali tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu/.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati