Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Fareston (toremifene) – Fuljett ta’ tagħrif - L02BA02

Updated on site: 06-Oct-2017

Isem tal-MediċinaFareston
Kodiċi ATCL02BA02
Sustanzatoremifene
ManifatturOrion Corporation

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-utent

Fareston 60 mg pilloli

Toremifene

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tuża din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.

-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett:

1.X’inhu Fareston u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Fareston

3.Kif għandek tieħu Fareston

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Fareston

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Fareston u għalxiex jintuża

Fareston fih is-sustanza attiva toremifene, li hija anti-estroġenu. Fareston jintuża għall-kura ta’ ċertu tip ta’ tumur fis-sider f’nisa li jkunu għaddew mill-menopawsa.

2. X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Fareston

Tiħux Fareston

-jekk inti allerġika għal toremifene jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati fis- sezzjoni 6).

-jekk għandek tħaxxin tal-inforra tal-utru

-jekk għandek problemi gravi fil-fwied

-jekk twelidt bi jew għandek xi kondizzjoni li tikkawża ċerti bidliet anormali fl-irrekordjar elettriku tal-qalb (elettrokardjogramm jew ECG)

-jekk għandek żbilanċ ta’ melħ fid-demm, speċjalment konċentrazzjonijiet baxxi ta’ potassium fid- demm (ipokalimja) li fil-preżent mhumiex irranġati bil-kura

-jekk għandek ritmu tal-qalb bil-mod ħafna (bradikardija)

-jekk għandek insuffiċjenza tal-qalb

-jekk għandek storja ta’ ritmi tal-qalb anormali (arritmiji)

-jekk qed tieħu mediċini oħra li jista’ jkollhom effett fuq qalbek (ara sezzjoni 2 Mediċini oħra u Fareston).

Dan minħabba li Fareston jista’ jaffettwa lill-qalbek billi jittardja l-konduzzjoni ta’ sinjali elettriċi f’qalbek (titwil tal-intervall QT).

Twissijiet u prekawzjonijiet

Kellem lit-tabib jew l-ispiżjar tiegħek qabel tieħu Fareston:

-jekk għandek dijabete instabbli

-jekk l-istat ta’ saħħa ġenerali tiegħek mar għall-agħar ħafna

-Jekk qabel kellek kondizzjoni fejn emboli tad-demm iffurmaw fil-kanali tad-demm, per eżempju fil-pulmun tiegħek (emboliżmu fil-pulmun) jew fil-vini ta’ saqajk (trombożi fil-vini l-fondi).

-jekk ikollok ritmu tal-qalb mhux normali waqt li qed tieħu Fareston. It-tabib tiegħek għandu mnejn jagħtik parir biex tieqaf tieħu Fareston u tagħmel test mediku biex tara kif qed taħdem qalbek (ECG) (ara sezzjoni 2 Tiħux Fareston).

-jekk għendek xi kondizzjoni tal-qalb, inkluż uġigħ fis-sider (anġina)

-jekk il-kanċer tiegħek infirex għall-għadam (metastasi fl-għadam) peress li l-livelli ta’ calcium fid-demm jistgħu jiżdiedu fil-bidu tal-kura b’Fareston. It-tabib tiegħek se jagħmel eżamijiet mediċi b’mod regolari.

-jekk ġejt mgħarraf mit-tabib tiegħek li għandek intolleranza għal ċerti tipi ta’ zokkor, bħal lactose (ara sezzjoni 2 Fareston fih lactose).

Inti għandek tagħmel eżaminazzjonijiet ġinekoloġiċi qabel ma tibda l-kura b’Fareston u tal-inqas darba fis-sena wara l-bidu tal-kura b’Fareston. It-tabib tiegħek se jagħmel eżamijiet mediċi b’mod regolari jekk għandek pressjoni għolja, dijabete, jekk ħadt terapija ta’ sostituzzjoni tal-ormoni jew jekk għandek ħafna piż żejjed (BMI aktar minn 30).

Mediċini oħra u Fareston

Għid lit-tabib tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra. Id-doża ta’ wħud minn dawn il-mediċini jista’ jkun li jkollha tinbidel waqt li tkun qed tieħu Fareston. B’mod partikolari, jekk jogħġbok għid lit-tabib tiegħek jekk qed tieħu xi waħda minn dawn li ġejjin:

-pilloli tal-awrina (dijuretiċi tat-tip thiazide)

-mediċini biex jipprevjenu tagħqid tad-demm bħal warfarin

-mediċini li jintużaw biex jikkuraw l-epilessija bħal carbamazepine, phenytoin, phenonbarbital

-mediċini użati għall-kura ta’ infezzjonijiet ikkawżati minn fungi bħal ketoconazole, itraconazole, voriconazole, posaconazole

-mediċini użati għall-kura ta’ infezzjonijiet ikkawżati mill-batterja (antibijotiċi) bħal erythromycin, clarithromycin u telithromycin

-mediċini użati għall-kura ta’ infezzjonijiet ikkawżati minn virusis bħal ritonavir u nelfinavir.

Tiħux Fareston flimkien mal-mediċini li ġejjin peress li hemm żieda fir-riskju li r-rata ta’ taħbit ta’ qalbek tista’ tinbidel (ara sezzjoni 2 Tiħux Fareston):

-mediċini użati għall-kura ta’ ritmu tal-qalb mhux normali (antiarritmiċi); bħal quinidine, hydroquinidine, disopyramide, amiodarone, sotalol, dofetilide u ibutilide

-mediċini użati għall-kura ta’ disturbi mentali u ta’ mġiba (newroleptiċi); bħal phenothiazines, pimozide, sertindole, haloperidol u sultopride

-mediċini użati għall-kura ta’ infezzjonijiet (sustanzi kontra l-mikrobi); bħal moxifloxacin, erythromycin (infużjoni), pentamidine u sustanzi kontra l-malarja (b’mod partikolari halofantrine)

-ċertu mediċini għall-kura tal-allerġiji; bħal terfenadine, astemizole u mizolastine)

-oħrajn; cisapride, vincamine fil-vini, bepridil, diphemanil.

Jekk tidħol l-isptar jew jekk tiġi preskritta mediċina ġdida, jekk jogħġbok għid lit-tabib tiegħek li qiegħda tieħu Fareston.

Tqala u treddigħ

Tużax Fareston waqt it-tqala jew waqt it-treddigħ.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Fareston m’għandu l-ebda effett fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni.

Fareston fih lactose

Fareston fih lactose (28.5 mg f’kull pillola). Jekk it-tabib qallek li għandek intolleranza għal xi tipi ta’ zokkor, ikkuntattja lit-tabib tiegħek qabel tieħu dan il-prodott mediċinali.

3.Kif għandek tieħu Fareston

Dejjem għandek tieħu din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju. Id-doża li s-soltu tingħata hija pillola waħda ta’ 60 mg li tittieħed mill-ħalq, darba kuljum. Fareston jista’ jittieħed mal-ikel jew mingħajr ikel.

Jekk tieħu Fareston aktar milli suppost

Avża lit-tabib, lill-ispiżjar tiegħek jew l-eqreb sptar immedjatament. Is-sintomi ta’ doża eċċessiva jistgħu jkunu sturdament u uġigħ ta’ ras.

Jekk tinsa tieħu Fareston

Jekk tinsa tieħu doża waħda, ħu l-pillola li jmiss bħas-soltu u kompli bil-kura kif irrakkomandat. M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu. Jekk insejt tieħu diversi dożi, jekk jogħġbok avża lit-tabib u segwi l-istruzzjonijiet tiegħu.

Jekk tieqaf tieħu Fareston

Il-kura b’Fareston għandha titwaqqaf biss bil-parir tat-tabib.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.

Effetti sekondarji komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw aktar minn persuna waħda minn kull 10)

-Fwawar ta’ sħana, għaraq.

Effetti sekondarji komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 10)

-Għeja, sturdament , depressjoni

-dardir (tħossok se tirremetti), rimettar

-raxx, ħakk, edima (nefħa)

-tnixxija ta’ demm mill-utru, tnixxija bajda.

Effetti sekondarji mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 100)

-Uġigħ ta’ ras, disturbi fl-irqad

-żieda fil-piż, stitikezza, telf ta’ aptit

-tħaxxin tal-kisja tal-utru (ipertrofija endometrijali)

-embolu tad-demm per eżempju fil-pulmun (avvenimenti tromboemboliċi)

-qtugħ ta’ nifs.

Effetti sekondarji rari (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 1,000)

-Tħoss kollox idur bik (vertigo)

-tkabbir fil-kisja tal-utru (polipi endometrijali)

-żieda fl-enzimi tal-fwied (żieda fit-transaminases tal-fwied).

Effetti sekondarji rari ħafna (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 10,000)

-Bidliet fil-kisja tal-utru (endometriju), kanċer tal-kisja tal-utru (kanċer endometrijali)

-telf ta’ xagħar (alopeċja)

-superfiċje tal-għajn imċajpra (opaċità temporanja tal-kornea)

-sfurija tal-ġilda jew tal-abjad tal-għajnejn (suffejra).

Frekwenza mhux magħrufa (ma tistax tittieħed stima mid-dejta disponibbli)

-Numru baxx ta’ ċelluli bojod tad-demm, li huma importanti biex jiġġieldu l-infezzjonijiet (lewkopenija)

-Numru baxx ta’ ċelluli ħomor tad-demm (anemija)

-Numru baxx ta’ plejtlits (tromboċitopenija)

-infjammazzjoni tal-fwied (epatite).

Għandek tikkuntattja lit-tabib tiegħek immedjatament jekk tinnota xi wieħed mis-sintomi li ġejjin:

-nefħa jew uġigħ fil-qasba tas-sieq

-qtugħ ta’ nifs mingħajr raġuni jew uġigħ f’daqqa fis-sider

-ħruġ ta’ demm mill-vaġina jew bidliet fit-tnixxija vaġinali.

Fareston jikkawża ċerti bidliet mhux normali fl-irrekordjar elettriku tal-qalb (elettrokardjogramm jew ECG). Ara sezzjoni 2 Twissijiet u prekawzjonijiet.

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5.Kif taħżen Fareston

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq it-tikketta. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Din il-mediċina m’għandhiex bżonn ħażna speċjali.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Fareston

-Is-sustanza attiva hi toremifene; kull pillola fiha 60 mg (bħala citrate).

-Is-sustanzi l-oħrajn huma maize starch, lactose, povidone, sodium starch glycolate, microcrystalline cellulose, colloidal anhydrous silica u magnesium stearate.

Kif jidher Fareston u l-kontenut tal-pakkett

Pillola bajda, tonda, ċatta, bit-tarf imżerżaq b’TO 60 fuq naħa waħda.

30 u 100 pillola. Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq

Orion Corporation

Orionintie 1

FIN-02200 Espoo

Il-Finlandja

Manifattur

Orion Corporation Orion Pharma

Orionintie 1

FI-02200 Espoo

Il-Finlandja

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall- Mediċini http://www.ema.europa.eu.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati