Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-utent
Hirobriz Breezhaler 150 mikrogramma trab li jittieħed man-nifs, kapsuli iebsa Hirobriz Breezhaler 300 mikrogramma trab li jittieħed man-nifs, kapsuli iebsa
Indacaterol
Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tuża din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.
-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.
-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.
-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.
-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.
F’dan il-fuljett:
1.X’inhu Hirobriz Breezhaler u għalxiex jintuża
2.X’għandek tkun taf qabel ma tuża Hirobriz Breezhaler
3.Kif għandek tuża Hirobriz Breezhaler
4.Effetti sekondarji possibbli
5.Kif taħżen Hirobriz Breezhaler
6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra
1.X’inhu Hirobriz Breezhaler u għalxiex jintuża
X'inhu Hirobriz Breezhaler
Hirobriz Breezhaler fih is-sustanza attiva indacaterol li tagħmel parti minn grupp ta’ mediċini msejħa bronkodilataturi. Meta tiġbidha man-nifs, din il-mediċina tirrilassa l-muskoli tal-ħitan tal-passaġġi ż- żgħar tal-arja fil-pulmuni. Dan jgħin ħalli jinfetħu l-passaġġi tal-arja, u b'hekk tkun tista' tieħu n-nifs u toħorġu b’aktar faċilità.
Għalxiex jintuża Hirobriz Breezhaler
Hirobriz Breezhaler jintuża sabiex jgħin lil pazjenti adulti li għandhom diffikultajiet biex jieħdu n-nifs minħabba mard fil-pulmun imsejjaħ mard pulmonari ostruttiv (COPD) biex jieħdu n-nifs b’ħeffa. F’pazjenti b’COPD il-muskoli madwar il-passaġġi tal-arja jidjiequ. Dan joħloq diffikultà biex jittieħed in-nifs. Minħabba f’hekk isir diffiċli biex dak li jkun jieħu n-nifs. Din il-mediċina tirrilassa dawn il-muskoli fil-pulmun, b’hekk tgħin biex l-arja tidħol fil-pulmun u toħroġ mill-pulmun.
2.X'għandek tkun taf qabel ma tuża Hirobriz Breezhaler
Tużax Hirobriz Breezhaler
jekk inti allerġiku għal indacaterol jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati fis-sezzjoni 6).
Twissijiet u prekawzjonijiet
Kellem lit-tabib jew l-ispiżjar tiegħek qabel tuża Hirobriz Breezhaler
jekk tbati bl-ażma (f’dan il-każ m’għandekx tuża Hirobriz Breezhaler).
jekk għandek problemi fil-qalb.
jekk tbati minn epilessija.
jekk għandek problemi fil-glandola tat-tirojde (tirotossikożi).
jekk għandek id-dijabete.
Waqt li qed tieħu l-kura b’Hirobriz Breezhaler,
Ieqaf ħu l-mediċina u għid minnufih lit-tabib tiegħek jekk tħoss tagħfis f’sidrek, sogħla, tħarħir jew qtugħ ta’ nifs eżatt wara li tkun użajt il-mediċina. Dawn jistgħu jkunu sinjali ta’ kundizzjoni msejħa spażmi tal-bronki.
Għid minnufih lit-tabib tiegħek jekk is-sintomi tiegħek tas-COPD (qtugħ ta’ nifs, tħarħir, sogħla) ma jmorrux għall-aħjar jew imorru għall-agħar.
Tfal u adolexxenti
Hirobriz Breezhaler m’għandux jingħata lil tfal jew lil adoloxxenti ta’ taħt it-18-il sena.
Mediċini oħra u Hirobriz Breezhaler
Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra.
B’mod speċjali, jekk jogħġbok għid lit-tabib tiegħek jekk qed tuża:
mediċini minħabba problemi tan-nifs li jixbhu lil Hirobriz Breezhaler (jiġifieri mediċini bħalma huma salmeterol u formoterol). Jista’ jkun hemm ċans akbar li jkollok effetti sekondarji.
mediċini msejħa imblukkaturi beta li jintużaw għall-pressjoni għolja tad-demm jew għal problemi oħrajn tal-qalb (bħall-propranolol), jew għal problemi tal-għajn msejħa glawkoma (bħat- timolol).
mediċini li jbaxxu l-ammont ta’ potassju fid-demm tiegħek. Dawn jinkludu:
o | sterojdi (eż. prednisolone), |
o | dijuretiċi (pilloli tal-pipì) użati għall-pressjoni għolja tad-demm bħall- |
| hydrochlorothiazide, |
o | mediċini minħabba problemi tan-nifs bħat-theophylline. |
Tqala u treddigħ
Jekk inti tqila jew qed tredda’, taħseb li tista’ tkun tqila jew qed tippjana li jkollok tarbija, itlob il-parir tat-tabib jew tal-ispiżjar tiegħek qabel tieħu din il-mediċina.
M’għandekx tuża Hirobriz Breezhaler sakemm ma jgħidlekx biex tagħmel dan it-tabib.
Itlob il-parir tat-tabib jew tal-ispiżjar tiegħek qabel tieħu xi mediċina.
Sewqan u tħaddim ta’ magni
Mhuwiex komuni li Hirobriz Breezhaler jaffettwa l-ħila tiegħek li ssuq u li tħaddem magni.
Hirobriz Breezhaler fih il-lactose
Din il-mediċina fiha l-lactose (zokkor tal-ħalilb). Jekk it-tabib qallek li inti intolleranti għal xi tipi ta’ zokkor, kellem lit-tabib tiegħek qabel tuża din il-mediċina.
3.Kif għandek tuża Hirobriz Breezhaler
Dejjem għandek tuża din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.
Kemm għandek tuża Hirobriz Breezhaler
Id-doża normali hi li tiġbed man-nifs il-kontenut ta’ kapsula waħda kuljum. It-tabib tiegħek jista' jgħidlek biex tuża kapsula ta’ 150 mikrogramma jew kapsula ta’ 300 mikrogramma skont il-kundizzjoni tiegħek u skont kif tirrispondi għall-kura. Tużax aktar milli jgħidlek tuża t-tabib tiegħek.
Uża l-inhaler tiegħek kuljum fl-istess ħin, l-effetti jibqgħu għal 24 siegħa. Dan jiżgura li dejjem hemm biżżejjed mediċina fil-ġisem tiegħek biex tgħinek tieħu n-nifs b’aktar faċilità matul il- ġurnata u l-lejl. Dan jgħinek ukoll tiftakar tużah.
Kif għandek tuża Hirobriz Breezhaler
F’dan il-pakkett, se ssib inhaler u kapsuli (f'folji) li fihom il-mediċina bħala trab li jittieħed man-nifs. Bl-inhaler Hirobriz Breezhaler tkun tista’ tieħu l-mediċina li hemm fil-kapsula man- nifs.
Uża dawn il-kapsuli mal-inhaler li hawn f’dan il-pakkett biss (l-inhaler Hirobriz Breezhaler). Il-kapsuli għandhom jinżammu fil-folja sakemm ma jasalx il-bżonn li tużahom.
Meta tiftaħ pakkett ġdid, uża l-inhaler Hirobriz Breezhaler il-ġdid misjub fil-pakkett.
Armi l-inhaler wara 30 ġurnata minn meta tkun bdejt tużah.
Tiblax il-kapsuli.
Jekk jogħġbok aqra l-istruzzjonijiet lejn tmiem dan il-fuljett għal aktar tagħrif dwar kif għandek tuża l-inhaler.
Jekk tuża Hirobriz Breezhaler aktar milli suppost
Jekk ġbidt wisq Hirobriz Breezhaler jew jekk xi ħaddieħor juża l-kapsuli tiegħek, kellem minnufih lit- tabib tiegħek jew mur fl-eqreb ċentru ta' emerġenza. Uri l-pakkett ta’ Hirobriz Breezhaler. Jista’ jkollok bżonn ta’ attenzjoni medika. Tista’ tinnota li qalbek qed tħabbat b’aktar ħeffa minn qabel, jew jista’ jkollok uġigħ ta’ ras, tħossok stordut, tħossok imdardar jew ikollok tirremetti.
Jekk tinsa tuża Hirobriz Breezhaler
Jekk tinsa tiġbed xi doża, iġbed doża waħda man-nifs fil-ħin tas-soltu tal-għada. M’għandekx tiġbed doża doppja biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu.
Kemm għandek tibqa’ għaddej bil-kura b’Hirobriz Breezhaler.
Ibqa’ uża l-kura li ngħatatlek b’Hirobriz Breezhaler sakemm jgħidlek it-tabib tiegħek.
Is-COPD hija marda fit-tul u għandek tuża Hirobriz Breezhaler kuljum u mhux biss meta
jkollok problemi tan-nifs jew sintomi oħrajn marbuta mas-COPD.
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar kemm għandek tibqa’ għaddej tieħu Hirobriz Breezhaler, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.
Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.
4.Effetti sekondarji possibbli
Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’ kulħadd.
Uħud mill-effetti sekondarji jafu jkunu gravi. Kellem minnufih lit-tabib tiegħek
jekk tħoss tagħfis f’sidrek, (komuni).
jekk ikollok livelli għoljin ta’ zokkor fid-demm tiegħek (dijabete). Tħossok għajjien, b’ħafna ġuħ u għatx (mingħajr ma żżid il-piż) u qed tgħaddi aktar awrina mis-soltu (komuni).
iekk ikollok qalbek tħabbat b’mod irregolari (mhux komuni).
jekk ikollok sintomi ta’ reazzjoni allerġika bħal raxx, ħakk, urtikarja, diffikultà biex tieħu nifs jew biex tibla', sturdament (mhux komuni).
jekk ikollok diffikultà tieħu n-nifs, bi tħarħir jew sogħla (mhux komuni).
Effetti sekondarji oħrajn jistgħu jkunu:
Effetti sekondarji komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw lil aktar minn persuna waħda f’kull 10)sintomi jixbhu lil dawk ta’ riħ. Jista’ jkollok dawn kollha li ġejjin jew ħafna minnhom: griżmejk
juġgħuk, flissjoni, imnieħrek misdud, għatis, sogħla, uġigħ ta’ ras.
Effetti sekondarji komuni (jistgħu jaffettwaw persuna waħda f’kull 10)
tħoss pressjoni jew uġigħ f’ħaddejk jew fuq ġbinek (infjammazzjoni tas-sinus)
flissjoni
sogħla
griżmejk juġgħuk
uġigħ ta’ ras
sturdament
palpitazzjonijiet
spażmi fil-muskoli
idejn, għaksijiet u saqajn minfuħin (edima)
ħakk/raxx
uġigħ fis-sider
uġigħ fil-muskoli, fl-għadam jew fil-ġogi
Effetti sekondarji mhux komuni (jistgħu jaffettwaw persuna waħda f’kull 100)
taħbit mgħaġġel tal-qalb
textix jew tnemnim
uġigħ fil-muskoli
Uħud kultant jisogħlu ftit wara li jkunu ħadu l-mediċina man-nifs. Is-sogħla hija sintomu komuni tas- COPD. Jekk tibda tisgħol ftit wara li tkun ħadt il-mediċina man-nifs, tinkwetax. Iċċekkja l-inhaler tiegħek biex tara jekk il-kapsula tbattlitx u li ħadt id-doża sħiħa. Jekk il-kapsula tbattlet, m’għandekx għalfejn tinkwieta. Jekk il-kapsula ma tbattletx allura erġa’ iġbed nifs ieħor kif spjegat.
Rappurtar tal-effetti sekondarji
Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l- effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il- mediċina.
5.Kif taħżen Hirobriz Breezhaler
Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.
Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq il-kartuna u l-folja wara “EXP”. Id- data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.
Taħżinx f’temperatura ’l fuq minn 30°C.
Aħżen fil-pakkett oriġinali sabiex tilqa’ mill-umdità u oħorġu eżatt qabel ma tużah. Tużax din il-mediċina jekk tinnota li l-pakett imqatta’ jew imbagħbas.
Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.
X'fih Hirobriz Breezhaler
-Kull kapsula Hirobriz Breezhaler ta’ 150 mikrogramma fiha 150 mikrogramma indacaterol bħala indacaterol maleate. Is-sustanzi l-oħra jinkludu l-lactose u l-kapsula magħmula mill-ġelatina.
-Kull kapsula Hirobriz Breezhaler ta’ 300 mikrogramma fiha 300 mikrogramma indacaterol bħala indacaterol maleate. Is-sustanzi l-oħra jinkludu l-lactose u kapsula magħmula mill-ġelatina.
Kif jidher Hirobriz Breezhaler u l-kontenut tal-pakkett
F’dan il-pakkett, se ssib inhaler, flimkien mal-kapsuli f'folja. Il-kapsuli huma trasparenti (bla kulur) u fihom trab abjad.
Il-kapsuli Hirobriz Breezhaler ta’ 150 mikrogramma għandhom il-kodiċi tal-prodott “IDL 150”
stampat bl-iswed fuq linja sewda u l-marka tal-kumpanija stampata bl-iswed (
) taħt il-linja s- sewda.
Il-kapsuli Hirobriz Breezhaler ta’ 300 mikrogramma għandhom il-kodiċi tal-prodott “IDL 300” stampat bil-blu fuq linja blu u l-marka tal-kumpanija stampata bil-blu (
) taħt il-linja l-blu.
Dawn huma l-qisien tal-paketti disponibbli: Kartuna li fiha 10 kapsuli u inhaler wieħed. Kartuna li fiha 30 kapsula u inhaler wieħed.
Pakkett b’ħafna li jinkludi żewġ pakketti (kull wieħed fih 30 kapsula u inhaler wieħed). Pakkett b’ħafna li jinkludi tliet pakketti (kull wieħed fih 30 kapsula u inhaler wieħed). Pakkett b’ħafna li jinkludi tletin pakkett (kull wieħed fih 10 kapsuli u inhaler wieħed).
Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet jew il-qawwiet kollha jkunu għal skop kummerċjali f’pajjiżek.
Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq
Novartis Europharm Limited
Frimley Business Park
Camberley GU16 7SR
Ir-Renju Unit
Manifattur
Novartis Pharma GmbH
Roonstraße 25
D-90429 Nuremberg
Il-Ġermanja
Għal kull tagħrif dwar din il-mediċina, jekk jogħġbok ikkuntattja lir-rappreżentant lokali tad-Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq:
België/Belgique/Belgien | Lietuva |
Novartis Pharma N.V. | Novartis Pharma Services Inc. |
Tél/Tel: +32 2 246 16 11 | Tel: +370 5 269 16 50 |
България | Luxembourg/Luxemburg |
Novartis Pharma Services Inc. | Novartis Pharma N.V. |
Тел.: +359 2 489 98 28 | Tél/Tel: +32 2 246 16 11 |
Česká republika | Magyarország |
Novartis s.r.o. | Novartis Hungária Kft. Pharma |
Tel: +420 225 775 111 | Tel.: +36 1 457 65 00 |
Danmark | Malta |
Novartis Healthcare A/S | Novartis Pharma Services Inc. |
Tlf: +45 39 16 84 00 | Tel: +356 2122 2872 |
Deutschland | Nederland |
Novartis Pharma GmbH | Novartis Pharma B.V. |
Tel: +49 911 273 0 | Tel: +31 26 37 82 111 |
Eesti | Norge |
Novartis Pharma Services Inc. | Novartis Norge AS |
Tel: +372 66 30 810 | Tlf: +47 23 05 20 00 |
Ελλάδα | Österreich |
Novartis (Hellas) A.E.B.E. | Novartis Pharma GmbH |
Τηλ: +30 210 281 17 12 | Tel: +43 1 86 6570 |
España | Polska |
Laboratorios Farmacéuticos ROVI, S.A. | Novartis Poland Sp. z o.o. |
Tel.: +34 91 375 62 30 | Tel.: +48 22 375 4888 |
France | Portugal |
Novartis Pharma S.A.S. | Novartis Farma - Produtos Farmacêuticos, S.A. |
Tél: +33 1 55 47 66 00 | Tel: +351 21 000 8600 |
Hrvatska | România |
Novartis Hrvatska d.o.o. | Novartis Pharma Services Romania SRL |
Tel. +385 1 6274 220 | Tel: +40 21 31299 01 |
Ireland | Slovenija |
Novartis Ireland Limited | Novartis Pharma Services Inc. |
Tel: +353 1 260 12 55 | Tel: +386 1 300 75 50 |
Ísland | Slovenská republika |
Vistor hf. | Novartis Slovakia s.r.o. |
Sími: +354 535 7000 | Tel: +421 2 5542 5439 |
Italia | Suomi/Finland |
Chiesi Farmaceutici S.p.A. | Novartis Finland Oy |
Tel: +39 05 21 27 91 | Puh/Tel: +358 (0)10 6133 200 |
Κύπρος | Sverige |
Novartis Pharma Services Inc. | Novartis Sverige AB |
Τηλ: +357 22 690 690 | Tel: +46 8 732 32 00 |
Latvija | United Kingdom |
Novartis Pharma Services Inc. | Novartis Pharmaceuticals UK Ltd. |
Tel: +371 67 887 070 | Tel: +44 1276 698370 |
Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’
Sorsi oħra ta’ informazzjoni
Informazzjoni ddettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu
TAGĦRIF DWAR KIF GĦANDEK TUŻA L-INHALER HIROBRIZ BREEZHALER
Jekk jogħġbok aqra sew l-istruzzjonijiet li ġejjien biex tkun taf kif għandek tuża l-inhaler Hirobriz Breezhaler u tieħu ħsiebu.
Uża biss l-inhaler Hirobriz Breezhaler misjub f’dan il-pakkett. Tużax il-kapsuli Hirobriz Breezhaler ma’ xi inhaler ieħor, u tużax l-inhaler Hirobriz Breezhaler biex tieħu xi mediċina oħra maħżuna f’kapsuli.
Meta tiftaħ pakkett ġdid, uża biss l-inhaler Hirobriz Breezhaler il-ġdid misjub fil-pakkett.
Armi l-inhaler wara 30 ġurnata minn meta tkun bdejt tużah.
Staqsi lill-ispiżjar dwar kif għandek tarmi mediċini u inhalers li m’għandekx bżonn.
Tiblax il-kapsuli. It-trab li hemm fil-kapsuli qiegħed biex tiġbdu man-nifs.
Il-pakkett tiegħek ta’ Hirobriz Breezhaler:
Kull pakkett Hirobriz Breezhaler fih:
inhaler wieħed Hirobriz Breezhaler
folja waħda jew aktar b’kapsuli Hirobriz Breezhaler biex jintużaw mal-inhaler.
Bl-inhaler Hirobriz Breezhaler tkun tista’ tiġbed il-mediċina li hemm fil-kapsula Hirobriz Breezhaler man-nifs.
Bokkin
Tapp
Ilqugħ
| | | | | | | Buttuna |
| | | | | | | |
| | | | | | |
| Qiegħ | | | | | | |
Folji | | | | |
| Toqba tal-kapsula | | |
| | | | |
| | | | | | |
| | | | | | | |
Inhaler Hirobriz Breezhaler | Folja | Qiegħ tal-inhaler |
Kif tuża l-inhaler tiegħek
Aqla’ t-tapp.
Iftaħ l-inhaler:
Żomm sew il-qiegħ tal-inhaler u mejjel il-bokkin. B’hekk jinfetaħ l-inhaler.
Ħejji l-kapsula:
Eżattament qabel ma tużaha, b’idejk xotti, oħroġ kapsula waħda minn ġol-folja.
Daħħal il-kapsula:
Qiegħed il-kapsula fit-toqba tal-kapsula.
Qatt m’għandek tpoġġi l-kapsula direttament ġol- bokkin.
Agħlaq l-inhaler:
Agħlaq l-inhaler sakemm tisimgħu jfaqqa’.
Taqqab il-kapsula:
Żomm l-inhaler wieqaf bil-bokkin iħares ’il fuq.
Taqqab il-kapsula billi tagħfas bis-saħħa ż-żewġ naħat tal-buttuni fl-istess ħin. Agħmel dan darba biss.
Waqt li qed tittaqqab il-kapsula, għandek tismagħha tfaqqa’.
Erħi għal kollox il-buttuni tal-ġenb.
Ħu nifs ’il barra minn ħalqek:
Qabel tqiegħed il-bokkin f’ħalqek, ħu nifs qawwi ’l barra minn ħalqek.
Tonfoħx fil-bokkin.
Iġbed il-mediċina man-nifs
Sabiex tiġbed sew il-mediċina għal ġol-passaġġi tal-arja:
Żomm l-inhaler kif qed jidher fl-istampa. Il-buttuni tal-
ġenb għandhom iħarsu lejn ix-xellug u l-lemin. Tagħfasx il-buttuni tal-ġenb.
Qiegħed il-bokkin f’ħalqek u ross xofftejk sew madwaru.
Ħu nifs malajr ’il ġewwa imma b’saħħtu u fil-fond kemm jista' jkun.
Attenzjoni:
Inti u tiġbed in-nifs mill-inhaler, il-kapsula tibda tagħqad fit- toqba u għandek tisma’ ħoss ta’ tidwir mgħaġġel. Għandek ittiegħem togħma ħelwa hekk kif il-mediċina tgħaddi għal ġol-pulmuni tiegħek.
Tagħrif ieħor
Xi kultant, biċċiet żgħar ħafna tal-kapsula jistgħu jgħaddu mill-ilqugħ li hemm fl-inhaler u jidħlu f’ħalqek. Jekk jiġri dan, jista' jkun li tħoss dawn il-biċċiet fuq ilsienek. Mhuwiex perikoluż jekk dawn il-biċċiet jinbelgħu jew jgħaddu man- nifs. Il-probabbiltajiet li l-kapsula titfarrak jiżdiedu jekk il- kapsula tittaqqab bi żball għal aktar minn darba (stadju 6).
Jekk ma tismax ħoss ta’ tidwir mgħaġġel:
Jista’ jkun li l-kapsula tkun weħlet fit-toqba tal-kapsula. Jekk jiġri dan:
Iftaħ l-inhaler u aqla' l-kapsula bilmod billi ttekktek mal- qiegħ tal-inhaler. Tagħfasx il-buttuni tal-ġenb.
Erġa’ ħu l-mediċina man-nifs billi tirrepeti stadji 8 u 9.
Żomm in-nifs:
Wara li tkun ġbidt il-mediċina:
Żomm in-nifs għal mill-inqas 5-10 sekondi jew sakemm jirnexxilek tissaporti filwaqt li toħroġ l-inhaler minn ħalqek.
Wara ħu nifs ’il barra.
Iftaħ l-inhaler biex tara jekk fadalx xi trab fil-kapsula.
Jekk fadal it-trab fil-kapsula:
Agħlaq l-inhaler.
Irrepeti l-istadji 8, 9, 10 u 11.
Ħafna min-nies ikunu kapaċi jbattlu l-kapsula mal-ewwel nifs jew it-tieni.
Tagħrif ieħor
Xi wħud jistgħu kultant jisogħlu eżatt wara li jkunu ġibdu l- mediċina. Jekk jiġrilek hekk, tinkwetax. Ġaladarba l-kapsula tkun tbattlet, ifisser li tkun ħadt biżżejjed mill-mediċina tiegħek.
Wara li tkun spiċċajt tieħu l-mediċina tiegħek:
Erġa’ iftaħ il-bokkin, u oħroġ il-kapsula mbattla billi taqlagħha mit-toqba tal-kapsula. Itfa’ l-kapsula mbattla fil-landa tal-iskart.
Agħlaq l-inhaler u qiegħed it-tapp f’postu.
Taħżinx il-kapsuli fl-inhaler Hirobriz Breezhaler.
Immarka dejjem l-iskeda tad-dożi:
Fuq ġewwa tal-pakkett għandek issib skeda tad-dożi. Agħmel salib fil-kaxxa tal-lum jekk dan jgħinek tiftakar meta jmissek tieħu d-doża li jmiss.
FTAKAR:
Tiblax il-kapsuli Hirobriz Breezhaler.
Uża biss l-inhaler Hirobriz Breezhaler misjub f’dan il-pakkett.
Il-kapsuli Hirobriz Breezhaler għandhom dejjem jinħażnu fil-folja, u għandhom jinħarġu eżatt qabel ma jintużaw.
Qatt m’għandek tqiegħed il-kapsula Hirobriz Breezhaler direttament fil-bokkin tal-inhaler Hirobriz Breezhaler.
Tagħfasx il-buttuni tal-ġenb aktar minn darba.
Qatt m’għandek tonfoħ fil-bokkin tal-inhaler Hirobriz Breezhaler.
Dejjem erħi l-buttuni qabel ma tiġbed in-nifs.
Qatt m’għandek taħsel l-inhaler Hirobriz Breezhaler bl-ilma. Żommu xott. Ara “Kif tnaddaf l- inhaler tiegħek”.
Qatt m’għandek iżżarma l-inhaler Hirobriz Breezhaler.
Dejjem uża l-inhaler Hirobriz Breezhaler il-ġdid li jiġi mal-pakkett il-ġdid tiegħek. Armi l-inhaler wara 30 ġurnata minn meta tkun bdejt tużah.
Taħżinx il-kapsuli fl-inhaler Hirobriz Breezhaler.
Dejjem żomm l-inhaler Hirobriz Breezhaler u l-kapsuli f’post xott.
Kif tnaddaf l-inhaler tiegħek
Naddaf l-inhaler tiegħek darba fil-ġimgħa.
Ixxotta l-bokkin minn ġewwa u minn barra b’biċċa nadifa, xotta u mingħajr tnietex sabiex tneħħi kull trab.
Taħsilx l-inhaler tiegħek bl-ilma. Żommu xott.
Iżżarmax l-inhaler.
Kummenti