Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Insulatard (insulin human) – Sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott - A10AC01

Updated on site: 08-Oct-2017

Isem tal-MediċinaInsulatard
Kodiċi ATCA10AC01
Sustanzainsulin human
ManifatturNovo Nordisk A/S

1.ISEM IL-PRODOTT MEDIĊINALI

Insulatard 40 unità internazzjonali/ml suspensjoni għall-injezzjoni f’kunjett. Insulatard 100 unità internazzjonali/ml suspensjoni għall-injezzjoni f’kunjett. Insulatard Penfill 100 unità internazzjonali/ml suspensjoni għall-injezzjoni f’skartoċċ.

Insulatard InnoLet 100 unità internazzjonali/ml suspensjoni għall-injezzjoni f’pinna mimlija għal-lest. Insulatard FlexPen 100 unità internazzjonali/ml suspensjoni għall-injezzjoni f’pinna mimlija għal-lest.

2.GĦAMLA KWALITATTIVA U KWANTITATTIVA

Insulatard f’kunjett (40 unità internazzjonali/ml)

Kunjett fih 10 ml ekwivalenti għal 400 unità internazzjonali. Millilitru ta’ suspensjoni fih 40 unità internazzjonali ta’ insulina isophane (NPH) umana* (ekwivalenti għal 1.4 mg).

Insulatard f’kunjett (100 unità internazzjonali/ml)

Kunjett fih 10 ml ekwivalenti għal 1,000 unità internazzjonali. Millilitru ta’ suspensjoni fih 100 unità internazzjonali ta’ insulina isophane (NPH) umana* (ekwivalenti għal 3.5 mg).

Insulatard Penfill

Skartoċċ fih 3 ml ekwivalenti għal 300 unità internazzjonali. Millilitru ta’ suspensjoni fih 100 unità internazzjonali ta’ insulina isophane (NPH) umana* (ekwivalenti għal 3.5 mg).

Insulatard InnoLet/Insulatard FlexPen

Pinna mimlija għal-lest fiha 3 ml ekwivalenti għal 300 unità internazzjonali. Millilitru ta’ suspensjoni fih 100 unità internazzjonali ta’ insulina isophane (NPH) umana* (ekwivalenti għal 3.5 mg).

* L-insulina umana hija magħmula f'Saccharomyces cerevisiae permezz tat-teknoloġija tad-DNA rikombinanti

Eċċipjent b’effett magħruf:

Insulatard fih inqas minn mmol 1 ta’ sodium (23 mg) għal kull doża, i.e Insulatard huwa essenzjalment ‘bla sodium’.

Għal-lista sħiħa ta’ eċċipjenti, ara sezzjoni 6.1.

3.GĦAMLA FARMAĊEWTIKA

Suspensjoni għall-injezzjoni.

Is-suspensjoni hija akweja, bajda u opaka.

4.TAGĦRIF KLINIKU

4.1Indikazzjonijiet terapewtiċi

Insulatard hu indikat għall-kura tad-dijabete mellitus.

4.2 Pożoloġija u metodu ta’ kif għandu jingħata

Pożoloġija

Il-qawwa tal-insulina umana hija mfissra f’unitajiet internazzjonali.

Id-dożaġġ ta’ Insulatard hu individwali u jiġi stabbilit skont il-ħtiġijiet tal-pazjent. It-tabib ser jiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn ta’ injezzjoni waħda kuljum jew ta’ ħafna injezzjonijiet kuljum. Insulatard jista’ jintuża waħdu jew jitħallat ma’ insulina li taħdem malajr. F’kura intensiva ta’ insulina, is-suspensjoni tista’ tintuża bħala insulina bażilari (injezzjoni filgħaxija u/jew filgħodu) bl- insulina li taħdem malajr tingħata mal-ħin tal-ikel. Sabiex jintlaħaq l-aħjar kontroll gliċemiku possibblu, hu rrakkomandat li jkun hemm monitoraġġ tal-glukosju fid-demm.

Normalment il-ħtieġa individwali għall-insulina hi ta’ bejn 0.3 u 1.0 unitajiet internazzjonali/kg/kuljum.

Jista’ jkun hemm bżonn ta’ aġġustament fid-doża jekk il-pazjenti jżidu l-attività fiżika tagħhom, ibidlu d-dieta normali tagħhom jew ikollhom xi mard ieħor fl-istess ħin.

Popolazzjonijiet speċjali

Anzjani ( ≥ 65 sena)

Insulatard jista’ jintuża fl-anzjani.

F’pazjenti anzjani, il-monitoraġġ tal-glukosju għandu jkun aktar intensiv u d-doża tal-insulina aġġustata skont il-bżonn individwali.

Indeboliment renali u epatiku

L-indeboliment renali jew epatiku jista’ jnaqqas il-ħtieġa għall-insulina tal-pazjent.

F’pazjenti b’indeboliment renali jew epatiku, il-monitoraġġ tal-glukosju għandu jkun aktar intensiv u d-doża tal-insulina umana aġġustata skont il-bżonn individwali.

Popolazzjoni pedjatrika

Insulatard jista’ jintuża fit-tfal u fl-adolexxenti.

It-trasferiment minn prodotti mediċinali oħra tal-insulina

Meta l-pazjenti jaqilbu minn prodotti mediċinali oħra ta’ insulina li jaħdmu b’mod intermedju jew fit- tul, jista’ jkun meħtieġ aġġustament fid-doża u fil-ħin ta’ meta jingħata Insulatard.

Huwa rrakkomandat li waqt it-trasferiment u għall-ewwel fit ġimgħat mit-trasferiment isir monitoraġġ mill-grib tal-glukosju (ara sezzjoni 4.4).

Metodu ta’ kif għandu jingħata

Insulatard hu insulina umana li jibda jaħdem bil-mod u li jaħdem fit-tul.

Insulatard jingħata minn taħt il-ġilda permezz ta’ injezzjoni, fil-koxxa, fiż-żaqq, fiż-żona gluteali jew fiż-żona tad-deltojd. Is-suspensjonijiet ta’ l-insulina m’għandhom qatt jingħataw minn ġol-vina. Injezzjoni ġol-ġilda mirfugħa ’l fuq tnaqqas ir-riskju li bi żball tagħti injezzjoni ġol-muskolu.

Għandek iżżomm il-labra taħt il-ġilda għal mill-anqas 6 sekondi biex tiżgura li tkun tajt id-doża kollha.

Ġo l-istess żona anatomika, il-postijiet fejn tingħata l-injezzjoni għandhom dejjem jinbidlu biex jitnaqqas ir-riskju tal-lipodistrofija. Injezzjoni taħt il-ġilda fil-koxxa tirriżulta f’assorbiment aktar bil- mod u inqas varjabbli meta mqabbel ma’ siti oħrajn ta’ l-injezzjoni. Il-ħin kemm se jdum jaħdem se jvarja skont id-doża, is-sit tal-injezzjoni, il-fluss tad-demm, it-temperatura u l-livell ta’ attività fiżika.

Suspensjonijiet tal-insulina m’għandhomx jintużaw f’pompi ta’ infużjoni tal-insulina.

Għal-istruzzjonijiet ddettaljati, jekk jogħġbok irreferi għall-fuljett ta’ tagħrif.

Insulatard f’kunjett (40 unità internazzjonali/ml)/Insulatard f’kunjett (100 unità internazzjonali/ml)

L-għoti b’siringa

Il-kunjetti ta’ Insulatard huma għall-użu ma’ siringi tal-insulina bi skala ta’ unitajiet korrispondenti.

Insulatard Penfill

It-teħid permezz ta’ sistema li tagħti l-insulina

Insulatard Penfill hu magħmul biex jintuża ma’ sistemi ta’ għoti ta’ insulina NovoNordisk u labar NovoFine jew NovoTwist.

Insulatard InnoLet

It-teħid b’InnoLet

Insulatard InnoLet hija pinna mimlija għal-lest magħmula biex tintuża mal-labar NovoFine jew NovoTwist li jintremew wara l-użu u b’tul ta’ mhux iżjed minn 8 mm. Innolet tagħti bejn unità 1 sa 50 unità f’żidiet ta’ unità 1.

Insulatard FlexPen

It-teħid b’FlexPen

Insulatard FlexPen hija pinna mimlija għal-lest magħmula biex tintuża mal-labar NovoFine jew NovoTwist li jintremew wara l-użu u b’tul ta’ mhux iżjed minn 8 mm. FlexPen tagħti bejn unità 1 sa 60 unità f’żidiet ta’ unità 1.

4.3Kontraindikazzjonijiet

Sensittività eċċessiva għas-sustanza attiva jew għal kwalunkwe sustanza mhux attiva elenkata fis- sezzjoni 6.1).

4.4Twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu

Il-pazjent għandu jingħata parir biex jikkonsulta mat-tabib qabel ma jivvjaġġa f’pajjiżi li għandhom żoni tal-ħin differenti għax dan jista’ jfisser li l-pazjent irid jieħu l-insulina u l-ikel f’ħinijiet differenti.

Ipergliċemija

Dożaġġ inadegwat jew it-twaqqif tal-kura, speċjalment f’pazjenti b’dijabete ta’ tip 1, jista’ jwassal għall-ipergliċemija u għall-ketoaċidożi dijabetika. Normalment, l-ewwel sintomi ta’ ipergliċemija jiżviluppaw bil-mod, fuq perijodu ta’ sigħat jew jiem. Dawn jinkludu għatx, żieda fil-frekwenza li tagħmel l-awrina, nawsja, rimettar, tħeddil, ġilda xotta u ħamra, ħalq xott, nuqqas ta’ aptit kif ukoll riħa ta’ acetone fin-nifs. F’pazjenti bid-dijabete ta’ tip 1, avvenimenti ipergliċemiċi li ma jkunux ikkurati, eventwalment iwasslu għal ketoaċidosi dijabetika, li hi potenzjalment fatali.

Ipogliċemija

Ikla maqbuża jew eżerċizzju fiżiku iebes mhux ippjanat jistgħu jwasslu għall-ipogliċemija.

L-ipogliċemija tista’ sseħħ jekk id-doża ta’ l-insulina tkun għolja wisq fil-konfront tal-ħtieġa ta’ l- insulina. F’każ ta’ ipogliċemija jew ta’ suspett ta’ ipogliċemija, Insulatard m’għandux jiġi injettat.

Wara li l-livell tal-glukosju fid-demm tal-pazjent ikun ġie lura għan-normal, wieħed għandu jikkonsidra xi aġġustament fid-doża (ara sezzjonijiet 4.8 u 4.9).

Dawk il-pazjenti, li l-kontroll tal-glukosju fid-demm tagħhom jitjieb bil-kbir, eż. permezz ta’ terapija intensifikata bl-insulina, għandhom jiġu avżati li jista’ jkollhom bidla fis-sintomi normali ta’ twissija tagħhom ta’ l-ipogliċemija. Is-sintomi normali ta’ twissija jistgħu ma jidhrux f’pazjenti li ilhom żmien twil bid-dijabete.

Mard ieħor fl-istess ħin, speċjalment infezzjonijiet u kundizzjonijiet bid-deni, ħafna drabi jżidu l- ħtieġa tal-pazjent għall-insulina. Mard ieħor fil-kliewi, fil-fwied jew li jaffettwa l-glandoli adrenali, pitwitarji jew tat-tirojde jista’ jikkawża tibdil fid-doża tal-insulina.

Meta pazjenti jiġu ttrasferiti għal tipi differenti ta’ prodotti mediċinali tal-insulina, l-ewwel sintomi ta’ twissija ta’ l-ipogliċemija jistgħu jinbidlu jew ikunu inqas qawwija minn dawk li kienu jħossu bl- insulina li kellhom qabel.

It-trasferiment minn prodotti mediċinali oħra tal-insulina

It-trasferiment ta’ pazjent għal tip jew għamla oħra ta’ insulina għandu jsir taħt superviżjoni medika stretta. Tibdil fil-qawwa, għamla (manifattur), tip, oriġini (insulina tal-annimali, insulina umana jew analogu tal-insulina ) u/jew metodu tal-manifattura (DNA rikombinanti kontra insulina li ġejja mill- annimali) jista’ jirriżulta fil-bżonn ta’ tibdil fid-doża. Pazjenti trasferiti fuq Insulatard minn tip ta’ insulina oħra jistgħu jkollhom bżonn numru ogħla ta’ injezzjonijiet kuljum jew li jkun hemm xi tibdil fid-doża minn dik użata fil-prodotti mediċinali tal-insulina normali tagħhom. Jekk ikun meħtieġ aġġustament, dan jista’ jseħħ ma’ l-ewwel doża jew waqt l-ewwel ftit ġimgħat jew xhur.

Reazzjonijiet fis-sit tal-injezzjoni

Bħal kull terapija bl-insulina, jista’ jkun hemm xi reazzjonijiet fil-post ta’ l-injezzjoni u dawn jinkludu uġigħ, ħmura, urtikarja, infjammazzjoni, tbenġil, nefħa u ħakk. Li fl-istess żona partikulari jkun hemm tibdil kontinwu tal-post ta’ l-injezzjoni jnaqqas ir-riskju li jiżvillupaw dawn ir-reazzjonijiet.

Normalment dawn ir-reazzjonijiet imorru wara xi ftit ġranet jew ġimgħat. F’okkażjonijiet rari, minħabba r-reazzjonijiet fil-post ta’ l-injezzjoni jista’ jkun hemm il-bżonn li Insulatard jitwaqqaf

It-teħid ta’ Insulatard flimkien ma’ pioglitazone

Ġew irrapportati każijiet ta’ insuffiċjenza kardijaka meta ġew użati fl-istess waqt pioglitazone u l- insulina, speċjalment f’dawk il-pazjenti li għandhom fatturi ta’ riskju għall-iżvilupp ta’ insuffiċjenza kardijaka. Wieħed għandu jżomm dan f’moħħu jekk tiġi kkunsidrata l-kura fejn pioglitazone u Insulatard jintużaw flimkien. Jekk jintużaw flimkien, il-pazjenti għandhom jiġu osservati għal sinjali u sintomi ta’ insuffiċjenza kardijaka, żieda fil-piż jew edima. Pioglitazone għandu jitwaqqaf jekk jeħżienu xi sintomi kardijaċi.

4.5Interazzjoni ma’ prodotti mediċinali oħra u forom oħra ta’ interazzjoni

Hemm numru ta’ prodotti mediċinali li huma magħrufa li għandhom effett fuq il-metaboliżmu ta’ glukosju.

Dawn is-sustanzi li ġejjin jistgħu jnaqqsu l-ħtieġa tal-pazjent għall-insulina:

Prodotti mediċinali antidijabetiċi orali, inibituri ta’ monamine oxidase (MAOI), beta-blokkanti, inibituri ta’ l-enzima li tikkonverti l-anġjotensin (ACE), saliċilati, sterojdi anaboliċi u sulfonamidi.

Dawn is-sustanzi li ġejjin jistgħu jżidu l-ħtieġa tal-pazjent għall-insulina:

Kontraċettivi orali, tijażidi, glukokortikojdi, ormoni tat-tirojde, simpatomimetiċi, l-ormon tat-tikbir u danazol.

Il-beta-blokkanti jistgħu jaħbu s-sintomi tal-ipogliċemija.

Octreotide/lanreotide jistgħu jew iżidu jew inaqqsu l-ħtieġa għall-insulina.

L-alkoħol jista’ jżid jew inaqqas l-effett ipogliċemiku tal-insulina.

4.6Fertilità, tqala u treddigħ

Tqala

M’hemmx restrizzjonijiet fil-kura tad-dijabete bl-insulina matul it-tqala, minħabba li l-insulina ma tgħaddix mill-barriera tal-plaċenta.

Kemm l-ipogliċemija kif ukoll l-ipergliċemija, li jistgħu jseħħu f’terapija fejn id-dijabete ma tkunx ikkontrollata b’mod adegwat, iżidu r-riskju ta’ malformazzjonijiet u mewt in utero. Għalhekk hu rrakkomandat li jkun hemm kontroll intensifikat tal-glukosju fid-demm u monitoraġġ ta’ nisa tqal bid- dijabete waqt it-tqala u waqt l-ippjanar tat-tqala. Il-ħtiġijiet għall-insulina normalment jonqsu fl- ewwel trimester u jiżdiedu sussegwentement matul it-tieni u t-tielet trimestri.

Wara l-ħlas, normalment il-ħtiġijiet għall-insulina jerġgħu lura malajr għal-livelli ta’ qabel it-tqala.

Treddigħ

M’hemmx restrizzjonijiet għall-kura b’Insulatard waqt it-treddigħ. Il-kura bl-insulina, ta’ l-omm li tkun qed tredda’, ma toħloq l-ebda riskju għat-tarbija. Madankollu, jista’ jkun hemm bżonn li d-doża ta’ Insulatard tiġi aġġustata.

Fertilità

Studji ta’ riproduzzjoni fl-annimali bl-insulina umana ma wrew ebda effett avvers fuq il-fertilità.

4.7Effetti fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni

Il-ħila tal-pazjent li jikkonċentra u jirreaġixxi tista’ tonqos minħabba l-ipogliċemija. Dan jista’ joħloq riskju f’sitwazzjonijiet meta dawn il-ħiliet huma ta’ importanza speċjali (eż. fis-sewqan ta’ karozza jew tħaddim ta’ makkinarju).

Il-pazjenti għandhom jingħataw parir sabiex jieħdu prekawzjonijiet biex jevitaw l-ipogliċemija waqt is-sewqan. Dan hu partikularment importanti f’dawk li għandhom nuqqas ta’ għarfien jew l-ebda għarfien tas-sinjali ta’ twissija ta’ l-ipogliċemija jew li għandhom episodji frekwenti ta’ ipogliċemija. Wieħed għandu jikkunsidra jekk isuqx jew le f’dawn iċ-ċirkustanzi.

4.8Effetti mhux mixtieqa

Sommarju tal-profil ta’ sigurtà

L-aktar reazzjoni avversa rrapportata b’mod frekwenti waqt il-kura hija l-ipogliċemija. Il-frekwenzi ta’ ipogliċemija jvarjaw skont il-popolazzjoni tal-pazjent, l-iskeda ta’ dożaġġ u l-livell tal-kontroll gliċemiku, jekk jogħġbok ara Deskrizzjoni ta’ reazzjonijiet avversi partikulari aktar ’l isfel.

Fil-bidu tal-kura bl-insulina, jistgħu jseħħu anomaliji ta’ rifrazzjoni, edima u reazzjonijiet fis-sit tal- injezzjoni (uġigħ, ħmura, urtikarja, infjammazzjoni, tbenġil, nefħa u ħakk fis-sit tal-injezzjoni). Normalment dawn ir-reazzjonijiet jgħaddu. Titjib ta’ malajr fil-kontroll tal-glukosju fid-demm jista’ jkun assoċjat ma’ wġigħ newropatiku akut li ħafna drabi huwa riversibbli. Żieda fil-qawwa tat-terapija bl-insulina b’titjib f’daqqa fil-kontroll gliċemiku jista’ jwassal li b’mod temporanju r-retinopatija dijabetika tmur għall-agħar, waqt li titjib fit-tul tal-kontroll gliċemiku jnaqqas ir-riskju tal-iżvilupp tar-retinopatija dijabetika.

Lista f’forma tabulari tar-reazzjonijiet avversi

Ir-reazzjonijiet avversi mniżżla hawn taħt huma bbażati fuq tagħrif minn studji kliniċi u kklassifikati skont il-frekwenza MedDRA u s-Sistema tal-Klassifika tal-Organi. Il-kategoriji ta’ frekwenza ġew stabbiliti skont il-konvenzjoni li ġejja: Komuni ħafna (≥1/10); komuni (≥1/100 u <1/10); mhux komuni (≥1/1,000 u <1/100); rari (≥1/10,000 u <1/1,000); rari ħafna (<1/10,000), mhux magħrufa (ma tistax tittieħed stima mid-dejta disponibbli).

Disturbi fis-sistema immuni

Mhux komuni - Urtikarja, raxx

 

 

 

Rari ħafna - Reazzjonijiet anafilattiċi*

 

 

Disturbi fil-metaboliżmu u n-nutrizzjoni

Komuni ħafna - Ipogliċemija*

 

 

Disturbi fis-sistema nervuża

Mhux komuni - Newropatija periferali

 

(newropatija bl-uġigħ)

 

 

Disturbi fl-għajnejn

Rari ħafna - Disturbi rifrazzjonali

 

Mhux komuni - Retinopatija dijabetika

 

 

Disturbi fil-ġilda u fit-tessuti ta’ taħt il-ġilda

Mhux komuni – Lipodistrofija*

 

 

Disturbi ġenerali u kondizzjonijiet ta’ mnejn

Mhux komuni – Reazzjonijiet fis-sit tal-injezzjoni

jingħata

 

 

 

 

Mhux komuni – Edima

* ara Deskrizzjoni ta’ reazzjonijiet avversi partikulari

 

Deskrizzjoni ta’ reazzjonijiet avversi partikulari

 

Reazzjonijiet anafilattiċi

Li jseħħu reazzjonijiet ta’ sensittività eċċessiva ġeneralizzata (li jinkludu raxx tal-ġilda ġeneralizzat, ħakk, għaraq, disturbi gastrointestinali, edima anġjonewrotika, diffikultajiet fit-teħid tan-nifs, tħabbit mgħaġġel tal-qalb u tnaqqis fil-pressjoni tad-demm) huwa rari iżda jistgħu jkunu ta’ periklu għall- ħajja

Ipogliċemija

L-aktar reazzjoni avversa rrapportata b’mod frekwenti hija l-ipogliċemija. Tista’ sseħħ jekk id-doża ta’ l-insulina hija għolja wisq fir-rigward tal-ħtieġa ta’ l-insulina. L-ipogliċemija severa tista’ twassal għal telf tas-sensi u/jew konvulżjonijiet u tista’ tirriżulta fi ħsara temporanja jew permanenti fil- funzjoni tal-moħħ jew saħansitra f’mewt.Ħafna drabi, is-sintomi ta’ ipogliċemija jseħħu f’daqqa. Dawn jistgħu jinkludu għaraq kiesaħ, ġilda pallida u kiesħa, għeja, nervożità jew rogħda, ansjetà, għeja jew debbulizza mhux tas-soltu, konfużjoni, diffikultà biex tikkonċentra, ħedla, ġuħ eċċessiv, tibdil fil-vista, uġigħ ta’ ras, dardir u palpitazzjoni.

Fi studji kliniċi, il-frekwenza ta’ ipogliċemija tvarja skont il-popolazzjoni ta’ pazjenti, skeda tad-doża u l-livell tal-kontroll gliċemiku.

Lipodistrofija

Lipodistrofija (li tinkludi lipoipertrofija) tista’ sseħħ fil-post minn fejn tingħata l-injezzjoni. Tibdil kontinwu tas-sit tal-injezzjoni f’daq il-post partikulari ta’ injezzjoni jnaqqas ir-riskju li jiżviluppaw dawn ir-reazzjonijiet.

Popolazzjoni pedjatrika

Skont sorsi ta’ wara li l-prodott tqiegħed fis-suq u ta’ studji kliniċi, m’hemmx indikazzjoni li hemm xi differenza fil-frekwenza, fit-tip u fis-severità tar-reazzjonijiet avversi osservati fil-popolazzjoni pedjatrika u dawk li dehru fil-popolazzjoni ġenerali.

Popolazzjonijiet speċjali oħra

Skont sorsi ta’ wara li l-prodott tqiegħed fis-suq u ta’ studji kliniċi, m’hemmx indikazzjoni li hemm xi differenza fil-frekwenza, fit-tip u fis-severità tar-reazzjonijiet avversi osservati f’pazjenti anzjani u f’pazjenti b’indeboliment renali jew epatiku u dawk li dehru fil-popolazzjoni ġenerali.

Rappurtar ta’ reazzjonijiet avversi suspettati

Huwa importanti li jiġu rrappurtati reazzjonijiet avversi suspettati wara l-awtorizzazzjoni tal-prodott mediċinali. Dan jippermetti monitoraġġ kontinwu tal-bilanċ bejn il-benefiċċju u r-riskju tal-prodott mediċinali. Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma mitluba jirrappurtaw kwalunkwe reazzjoni avversa suspettata permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V.

4.9Doża eċċessiva

Doża eċċessiva speċifika għall-insulina ma tistax tiġi definita, madankollu l-ipogliċemija tista’ tiżviluppa fi stadji sekwenzjali jekk jiġu mogħtija dożi għoljin wisq fil-konfront tal-ħtieġa tal-pazjent:

Episodji ħfief ta’ ipogliċemija jistgħu jkunu kkurati bit-teħid orali tal-glukosju jew ta’ prodotti li fihom iz-zokkor. Huwa għalhekk irrakkomandat li l-pazjent dijabetiku dejjem iġorr xi prodotti li fihom iz-zokkor

Episodji ta’ ipogliċemija severa, fejn il-pazjent jintilef minn sensih, jistgħu jiġu kkurati bil- glucagon (0.5 sa 1 mg) mogħti minn ġol-muskoli jew minn taħt il-ġilda minn persuna mħarrġa, jew bil-glukosju mogħti minn ġol-vini minn professjonist fil-kura tas-saħħa. Il-glukosju għandu jingħata minn ġol-vini jekk fi żmien 10 sa 15-il minuta l-pazjent ma jirrispondix għal glucagon. Meta jerġa’ jiġi f’sensih, huwa rrakkomandat li l-pazjent jingħata l-karboidrati b’mod orali sabiex ma jerġax jirkadi.

5.PROPRJETAJIET FARMAKOLOĠIĊI

5.1Proprjetajiet farmakodinamiċi

Kategorija farmakoterapewtika: Mediċini użati fid-dijabete. Insulini u analogi għall-injezzjoni, insulina li taħdem b’mod intermedju. Kodiċi ATC A10AC01.

Mekkaniżmu ta’ azzjoni u effetti farmakodinamiċi

L-effett ta’ l-insulina li tbaxxi l-livell ta’ glukosju fid-demm iseħħ minħabba li l-insulina tingħaqad mar-riċetturi fuq iċ-ċelluli tal-muskolu u tax-xaħam u b’hekk tiġi ffaċilitata d-dħul ta’ glukosju f’dawn iċ-ċelluli u minħabba l-inibizzjoni fl-istess ħin tal-produzzjoni ta’ glukosju mill-fwied.

Insulatard hu insulina umana li jibda jaħdem bil-mod u li jaħdem fit-tul.

Jibda jaħdem fi żmien siegħa u nofs, jilħaq l-effett massimu fi żmien 4-12-il siegħa, u l-ħin totali ta’ kemm idum jaħdem hu ta’ madwar 24 siegħa.

5.2Tagħrif farmakokinetiku

L-insulina fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm għandha half-life ta’ ftit minuti. Konsegwentement, il-profil taż-żmien ta’ azzjoni ta’ preparazzjoni insulinika jiddependi biss mill-karatteristiċi ta’ l-assorbiment tagħha.

Dan il-proċess hu influwenzat minn diversi fatturi (eż. id-dożaġġ ta’ l-insulina, il-mod u s-sit ta’ l- injezzjoni, l-ammont ta’ xaħam taħt il-ġilda, it-tip tad-dijabete). Għalhekk, il-proprjetajiet farmakokinetiċi tal-prodotti mediċinali tal-insulina huma influwenzati minn varjazzjonijiet sinifikanti kemm fl-individwu stess u kemm bejn individwu u ieħor.

Assorbiment

Il-konċentrazzjoni massima ta’ l-insulina fil-plażma tintlaħaq fi żmien 2-18-il siegħa wara l-għoti minn taħt il-ġilda.

Distribuzzjoni

Ma kien osservat l-ebda tgħaqqid b’saħħtu mal-proteini tal-plażma, ħlief għall-antikorpi ta’ l-insulina li kienu qed jiċċirkolaw (jekk kienu preżenti).

Metaboliżmu

Hu rrappurtat li l-insulina umana tiġi degradata mill-protease insulinika jew mill-enzimi degradanti ta’ l-insulina u possibbilment mill-proteina disulfide isomerase. Ġew proposti numru ta’ siti fuq il- molekula ta’ l-insulina umana fejn jista’ jsir il-qtugħ (idrolisi); l-ebda wieħed mill-metaboliti li jiffurmaw wara l-qtugħ ma hu attiv.

Eliminazzjoni

Il-half-life terminali hi stabbilita mir-rata ta’ l-assorbiment mit-tessuti ta' taħt il-ġilda. Għalhekk il- half-life (t½) hi kejl ta’ l-assorbiment u mhux tat-tneħħija per se ta’ l-insulina mill-plażma (l-insulina fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm għandha t½ ta’ ftit minuti). L-istudji indikaw t½ ta' madwar 5-10 sigħat.

5.3Tagħrif ta’ qabel l-użu kliniku dwar is-sigurtà

Tagħrif mhux kliniku ibbażat fuq studji konvenzjonali ta’ sigurtà farmakoloġika, effett tossiku minn dożi ripetuti, effett tossiku fuq il-ġeni, riskju ta’ kanċer, effett tossiku fuq is-sistema riproduttiva u l- iżvilupp, ma turi l-ebda periklu speċjali għall-bnedmin.

6.TAGĦRIF FARMAĊEWTIKU

6.1Lista ta’ eċċipjenti

Zinc chloride

Glycerol

Metacresol

Phenol

Disodium phosphate dihydrate

Sodium hydroxide (għall-aġġustament tal-pH)

Hydrochloric acid (għall-aġġustament tal-pH)

Protamine sulfate

Ilma għall-injezzjonijiet

6.2Inkompatibbilitajiet

Prodotti mediċinali tal-insulina għandhom jiġu miżjuda biss ma’ dawk is-sustanzi li huwa magħruf li huma kompatibbli magħhom. Is-suspensjonijiet ta’ l-insulina m’għandhomx jiżdiedu ma’ fluwidi ta’ l- infużjoni.

6.3Żmien kemm idum tajjeb il-prodott mediċinali

Qabel ma jinfetaħ: 30 xahar.

Insulatard f’kunjett (40 unità internazzjonali/ml)

Waqt l-użu jew meta jinġarr għal li jista’ jinqala’: Il-prodott jista’ jinħażen għal mhux iżjed minn 4 ġimgħat. Aħżen f’temperatura taħt 25°C.

Insulatard f’kunjett (100 unità internazzjonali/ml)

Waqt l-użu jew meta jinġarr għal li jista’ jinqala’: Il-prodott jista’ jinħażen għal mhux iżjed minn 6 ġimgħat. Aħżen f’temperatura taħt 25°C.

Insulatard Penfill/Insulatard InnoLet/Insulatard FlexPen

Waqt l-użu jew meta jinġarr għal li jista’ jinqala’: Il-prodott jista’ jinħażen għal mhux iżjed minn 6 ġimgħat. Aħżen f’temperatura taħt 30°C.

6.4Prekawzjonijiet speċjali għall-ħażna

Qabel ma jinfetaħ: Aħżen fi friġġ (2°C – 8°C). Tagħmlux fil-friża.

Insulatard f’kunjett (40 unità internazzjonali/ml)/ Insulatard f’kunjett (100 unità internazzjonali/ml) Waqt l-użu jew meta jinġarr għal li jista’ jinqala’: Aħżen f’temperatura taħt 25°C.Tagħmlux fil-friġġ jew fil-friża.

Żomm il-kunjett fil-kartuna ta’ barra sabiex tilqa’ mid-dawl.

Insulatard Penfill

Waqt l-użu jew meta jinġarr għal li jista’ jinqala’: Aħżen f’temperatura taħt 30°C. Tagħmlux fil-friġġ jew fil-friża.

Żomm il-kunjett fil-kartuna ta’ barra sabiex tilqa’ mid-dawl.

Insulatard InnoLet/Insulatard FlexPen

Waqt l-użu jew meta jinġarr għal li jista’ jinqala’: Aħżen f’temperatura taħt 30°C. Tagħmlux fil-friġġ jew fil-friża.

Żomm il-kunjett fil-kartuna ta’ barra sabiex tilqa’ mid-dawl.

6.5In-natura tal-kontenitur u ta’ dak li hemm ġo fih

Insulatard f’kunjett (40 unità internazzjonali/ml)/ Insulatard f’kunjett (100 unità internazzjonali/ml) Kunjett (tal-ħġieġ ta’tip 1) magħluq b’disk (gomma tal-bromobutyl/polyisoprene) u b’għatu protettiv tal-plastik li jingħalaq b’sikurezza u li fih suspensjoni ta’ 10 ml.

Daqsijiet ta’ pakketti ta’ 1 u 5 kunjetti ta’ 10 ml jew pakkett multiplu ta’ 5 pakketti ta’ kunjett ta’ 1 x 10 ml. Jista' jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

Insulatard Penfill

Skartoċċ (tal-ħġieġ ta’tip 1) bi planġer (bromobutyl) u għatu tal-lastku (bromobutyl/polyisoprene) u li fih suspensjoni ta’ 3 ml. L-iskartoċċ fih ballun tal-ħġieġ biex jagħmilha aktar faċli li terġa’ ssir is- suspensjoni mill-ġdid.

Daqsijiet ta’ pakketti ta’ 1, 5 u 10 skrataċ. Jista' jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis- suq.

Insulatard InnoLet/Insulatard FlexPen

Skartoċċ (tal-ħġieġ ta’ tip 1) bi planġer (bromobutyl) u għatu tal-lastku (bromobutyl/polyisoprene) li fih suspensjoni ta’ 3 ml ġo pinna mimlija għal-lest li tagħti dożi multipli u li tintrema wara l-użu u magħmula mill-polypropylene. L-iskartoċċ fih ballun tal-ħġieġ biex jagħmilha aktar faċli li terġa’ ssir is-suspensjoni mill-ġdid.

Daqsijiet ta’ pakketti ta’ 1, 5 u 10 pinen mimlijin għal-lest. Jista' jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

6.6Prekawzjonijiet speċjali għar-rimi u għal immaniġġar ieħor

Wara li tneħħi l-kunjett, l-iskartoċċ jew il-pinna mimlija għal-lest ta’ Insulatard mill-friġġ, huwa rrakkomandat li tħalli l-kunjett, l-iskartoċċ jew il-pinna mimlija għal-lest ta’ Insulatard jilħaq it- temperatura ambjentali tal-kamra qabel ma l-insulina terġa’ tiġi magħmula f’suspensjoni skont l- istruzzjonijiet għall-ewwel użu.

Tużax dan il-prodott mediċinali jekk tinduna li l-likwidu li rega’ ġie magħmul f’suspensjoni mhuwiex abjad u opak b’mod uniformi.

Insulatard li ġie ffriżat m’għandux jintuża.

Il-pazjent għandu jingħata parir li jarmi l-labra u s-siringa wara kull injezzjoni.

Kull fdal tal-prodott mediċinali li ma jkunx intuża jew skart li jibqa’ wara l-użu tal-prodott għandu jintrema kif jitolbu l-liġijiet lokali.

Il-labar, is-siringi, l-iskrataċ u l-pinen mimlijin għal-lest m’għandhomx jiġu mislufa.

L-iskaroċċ m’għandux jerġa’ jimtela mill-ġdid.

7.DETENTUR TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

Novo Nordisk A/S

Novo Allé

DK-2880 Bagsværd

Id-Danimarka

8.NUMRUI TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

Insulatard f’kunjett (40 unità internazzjonali/ml)

EU/1/02/233/001

EU/1/02/233/002

EU/1/02/233/016

Insulatard f’kunjett (100 unità internazzjonali/ml)

EU/1/02/233/003

EU/1/02/233/004

EU/1/02/233/017

Insulatard Penfill

EU/1/02/233/005

EU/1/02/233/006

EU/1/02/233/007

Insulatard InnoLet

EU/1/02/233/010

EU/1/02/233/011

EU/1/02/233/012

Insulatard FlexPen

EU/1/02/233/013

EU/1/02/233/014

EU/1/02/233/015

9.DATA TAL-EWWEL AWTORIZZAZZJONI/TIĠDID TAL-AWTORIZZAZZJONI

Data tal-ewwel awtorizzazzjoni: 07 Ottubru 2002

Data tal-aħħar tiġdid: 18 ta’ Settembru 2007

10.DATA TA’ REVIŻJONI TAT-TEST

Informazzjoni dddettaljata dwar dan il-prodott mediċinali tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati