Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Latuda (lurasidone) – Fuljett ta’ tagħrif - N05AE05

Updated on site: 08-Oct-2017

Isem tal-MediċinaLatuda
Kodiċi ATCN05AE05
Sustanzalurasidone
ManifatturSunovion Pharmaceuticals Europe Ltd

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-pazjent

Latuda 18.5 mg pilloli miksija b’rita Latuda 37 mg pilloli miksija b’rita Latuda 74 mg pilloli miksija b’rita lurasidone

Dan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali. Dan ser jippermetti identifikazzjoni ta’ malajr ta’ informazzjoni ġdida dwar is-sigurtà. Inti tista’ tgħin billi tirrapporta kwalunkwe effett sekondarju li jista’ jkollok. Ara t-tmiem ta’ sezzjoni 4 biex tara kif għandek tirrapporta effetti sekondarji.

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tieħu din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.

-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

-Jekk ikollok xi effetti sekondarji kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett:

1.X’inhu Latuda u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Latuda

3.Kif għandek tieħu Latuda

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Latuda

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Latuda u għalxiex jintuża

Latuda fih is-sustanza attiva lurasidone u jappartjeni għall-grupp ta’ mediċini msejħa antipsikotiċi. Huwa jintuża biex jikkura s-sintomi ta’ skizofrenija f’adulti li għandhom 18 sena jew aktar. Lurasidone jaħdem billi jimblokka riċetturi fil-moħħ li jeħlu magħhom is-sustanza dopamine u serotonin. Dopamine u serotonin huma newrotrażmettituri (sustanzi li jippermettu liċ-ċelloli nervużi jikkomunikaw ma’ xulxin) li huma involuti fis-sintomi ta’ l-iskiżofrenja. Billi jimblokka r-riċetturi tagħhom, lurasidone jgħin fin-normalizzazzjoni tal-attività tal-moħħ, jnaqqas is-sintomi tal-iskiżofrenja

Skiżofrenja hija disturb b’sintomi bħal li tisma’, tara jew tħoss affarijiet li ma jkunux hemm, twemmin żbaljat, suspetti mhux tas-soltu, tinqata’ għalik waħdek, diskors u imġiba mhux koerenti u nuqqas ta’ emozzjoni. Nies b’dan id-disturb għandhom mnejn iħossuhom wkoll depressi, anzjużi, ħatja, jew taħt tensjoni. Din il-mediċina tintuża biex ittejjeb is-sintomi tiegħek ta’ skiżofrenja.

2. X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Latuda

TIĦUX Latuda jekk inti:

allerġiku għal lurasidone jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (elenkati fis-sezzjoni 6)

qed tieħu mediċini li jistgħu jaffettwaw il-livell ta’ lurasidone fid-demm tiegħek bħal:

-mediċini għall-infezzjonijiet ikkawżati mill-moffa bħal itraconazole, ketoconazole (ħlief bħala xampu), posaconazole jew voriconazole

-mediċini għal infezzjoni bħall-antibijotiku clarithromycin jew telithromycin

-mediċini għall-infezzjonijiet tal-HIV bħal cobicistat, indinavir, nelfinavir, ritonavir, u saquinavir

-boceprevir, u telaprevir (mediċini għall-epatite kronika)

-nefazodone (mediċina għad-depressjoni)

-rifamicin (mediċina għat-tuberkulosi)

-carbamazepine, phenobarbital u phenytoin (mediċini għall-aċċessjonijiet)

-St John’s wort (Hypericum perforatum) (mediċina mill-ħxejjex għad-depressjoni).

Twissijiet u prekawzjonijiet

Jista’ jieħu diversi ġranet jew anki ġimgħat qabel din il-mediċina jkollha effett sħiħ. Ikkuntattja lit-tabib tiegħek jekk għandek mistoqsijiet dwar din il-mediċina.

Kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek qabel tieħu din il-mediċina, jew waqt il-kura, speċjalment jekk għandek:

Il-marda ta’ Parkinson jew demenzja

qatt ġejt iddijanjostikat b’kondizzjoni li s-sintomi jinkludu temperatura għolja u ebusija tal-muskoli (magħrufa wkoll bħala sindrome newrolettiku malinn) jew jekk qatt kellek riġidità, rogħda jew problemi biex tiċċaqlaq (sintomi ekstrapiramidali) jew movimenti mhux normali tal-ilsien jew tal-wiċċ (diskajneżja ttardjata). Għandek tkun taf li dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jiġu kkawżati minn din il-mediċina

marda tal-qalb jew kura għall-mard tal-qalb li jagħmluk suxxettibli għall-pressjoni baxxa jew jekk għandek storja fil-familja ta’ taħbit tal-qalb irregolari (inkluż titwil ta’ QT)

storja ta’ aċċessjonijiet jew epilessija

storja ta’ emboli tad-demm, jew jekk xi ħadd ieħor fil-familja tiegħek għandu/ha storja ta’ emboli tad-demm, peress li mediċini għall-iskiżofrenja ġew assoċjati mal-formazzjoni ta’ emboli tad-demm

livelli għoljin tal-ormon prolactin fid-demm tiegħek

dijabete jew suxxettibbli għad-dijabete

funzjoni tal-kliewi mnaqqsa

funzjoni tal-fwied mnaqqsa

żieda fil-piż tiegħek

titbaxxa l-pressjoni tad-demm meta inti tqum bilwieqfa li tistgħa tikkawża ħass ħażin.

Jekk għandek xi waħda minn dawn il-kondizzjonijiet, jekk jogħġbok kellem lit-tabib tiegħek peress li dan għandu mnejn ikun jixtieq jaġġusta d-doża tiegħek, jissorveljak aktar mill-qrib jew iwaqqaf il-kura b’Latuda.

Tfal u adolexxenti

Din il-mediċina mhux irrakkomandata għal tfal u adolexxenti taħt 18 il sena minħabba nuqqas ta’ dejta f’dawn il-pazjenti.

Mediċini oħra u Latuda

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra. Dan huwa importanti ħafna jekk qed tieħu:

xi mediċini li wkoll jaħdmu fuq il-moħħ, peress li l-effetti tagħhom jistgħu jkunu addittivi b’mod negattiv mal-effetti ta’ Latuda fuq il-moħħ tiegħek

mediċini li jbaxxu l-pressjoni, peress li din il-mediċina wkoll tista’ tbaxxi l-pressjoni

mediċini għall-marda ta’ Parkinson u għas-sindrome ta’ riġlejn jiċċaqalqu (eż. levodopa) peress li din il-mediċina tista’ tnaqqas l-effetti tagħhom

mediċini li fihom derivattivi ta’ ergot alkaloid (użati għall-kura tal-emigranja), u mediċini oħra inkluż terfenadine u astemizole (użati għall-kura tar-riħ tal-ħuxlief (hay fever) u kondizzjonijiet allerġiċi oħra), cisapride (użat għall-kura ta’ problemi fid-diġestjoni), pimozide (użat għall-kura ta’ mard psikjatriku), quinidine (użat għall-kura ta’ kondizzjonijiet tal-qalb), bepridil (użat għall-kura ta’ uġigħ fis-sider).

Għid lit-tabib tiegħek jekk qiegħed tieħu xi mediċini minn dawn għax it-tabib tiegħek għandu mnejn ikollu jibdel id-doża ta’ dik il-mediċina waqt kura b’Latuda.

Il-mediċini li ġejjin jistgħu jżidu l-livell ta’ lurasidone fid-demm tiegħek:

diltiazem (għall-kura ta’ pressjoni għolja)

erythromycin (għall-kura ta’ infezzjonijiet)

fluconazole (għall-kura ta’ infezzjonijiet mill-moffa)

verapamil (għall-kura ta’ pressjoni għolja jew uġigħ fis-sider).

Il-mediċini li ġejjin jistgħu jnaqqsu l-livell ta’ lurasidone fid-demm tiegħek:

amprenavir, efavirenz, etravirine (għall-kura tal-infezzjoni HIV)

aprepitant (għall-kura ta’ dardir u rimettar)

armodafinil, modafinil (għall-kura ta’ ngħas)

bosentan (għall-kura ta’ pressjoni għolja jew ulċeri fis-swaba)

nafcillin (għall-kura ta’ infezzjonijiet)

prednisone (għall-kura ta’ mard infjammatorju)

rufinamide (għall-kura ta’ aċċessjonijiet).

Għid lit-tabib tiegħek jekk qiegħed tieħu xi mediċini minn dawn għax it-tabib tiegħek għandu mnejn ikollu bżonn ibiddel id-doża tiegħek ta’ Latuda.

Latuda ma’ ikel, xorb u alkoħol

L-alkoħol għandu jiġi evitat meta tieħu din il-mediċina. Dan huwa għax l-alkoħol ikollu effett addittiv negattiv .

Tixrobx meraq tal-grejpfrut waqt li qed tieħu din il-mediċina. Il-grejpfrut jista’ jaffettwa l-mod kif taħdem din il-mediċina.

Tqala u treddigħ

Jekk inti tqila jew qed tredda’, taħseb li tista’ tkun tqila jew qed tippjana li jkollok tarbija, itlob il-parir tat-tabib tiegħek qabel tieħu din il-mediċina.

M’għandekx tieħu din il-mediċina waqt it-tqala sakemm dan ma jkunx ġie miftiehem mat-tabib tiegħek.

Jekk it-tabib tiegħek jiddeċiedi li l-benefiċċju potenzjali ta’ kura waqt it-tqala jiġġustifika r-riskju potenzjali għat-tarbija mhux imwielda tiegħek, it-tabib tiegħek se jimmonitorja lit-tarbija tiegħek mill-qrib wara t-twelid. Dan għax is-sintomi li ġejjin jistgħu jseħħu fi trabi tat-twelid ta’ ommijiet li wżaw lurasidone fl-aħħar trimestru (l-aħħar tliet xhur) tat-tqala tagħhom:

rogħda, ebusija u/jew dgħufija tal-muskoli, ngħas, aġitazzjoni, problemi bin-nifs, u diffikultà biex tiekol.

Jekk it-tarbija tiegħek tiżviluppa xi sintomi minn dawn għandek tikkuntattja lit-tabib tiegħek.

Mhuwiex magħruf jekk lurasidone jgħaddix fil-ħalib tas-sider. Kellem lit-tabib tiegħek jekk qed tredda’, jew jekk qed tippjana li tredda’.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Ngħas, sturdament u problemi fil-vista jistgħu jseħħu waqt kura b’din il-mediċina (ara sezzjoni 4, Effetti sekondarji possibli). M’għandekx issuq jew tuża għodda jew magni qabel ma tkun taf li din il-mediċina m’għandhiex effett negattiv fuqek.

3.Kif għandek tieħu Latuda

Dejjem għandek tieħu din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib jew l-ispiżjar tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Id-doża rrakkomandata tal-bidu hija ta’ 37 mg darba kuljum.

Id-doża tista’ tiġi miżjuda jew imnaqqsa mit-tabib tiegħek fi ħdan il-firxa tad-doża ta’ 18.5 mg sa 148 mg darba kuljum. Il-doża massima m’għandhiex taqbeż 148 mg darba kuljum.

Id-doża tiegħek se tiġi deċiża mit-tabib tiegħek u tista’ tiddependi fuq:

kemm tirrispondi tajjeb għal doża

jekk qed tieħu xi mediċini oħra (ara sezzjoni 2, Mediċini oħra u Latuda)

jekk għandek problemi tal-kliewi jew tal-fwied.

Ibla’ l-pillola/i tiegħek sħiħa/sħaħ mal-ilma, sabiex tgħatti t-togħma morra. Għandek tieħu d-doża tiegħek b’mod regolari kuljum fl-istess ħin tal-ġurnata, b'tali mod li jkun aktar faċli biex tiftakar fiha.. Għandek tieħu din il-mediċina mal-ikel jew eżatt wara l-ikel, għax dan jgħin lill-ġisem jieħu l-mediċina u jippermetti li taħdem aħjar.

Jekk tieħu Latuda aktar milli suppost

Jekk tieħu aktar minn din il-mediċina milli suppost, kellem lit-tabib tiegħek immedjatament. Jista’ jkollok ngħas, għeja, movimenti mhux normali tal-ġisem, problemi bil-wieqfa u biex timxi, sturdament ikkawżat minn pressjoni baxxa, u taħbit tal-qalb mhux normali.

Jekk tinsa tieħu Latuda

M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu. Jekk tinsa tieħu doża waħda, ħu d-doża li jmiss tiegħek fil-jum ta’ wara. Jekk tinsa tieħu żewġ dożi jew aktar, ikkuntattja lit-tabib tiegħek.

Jekk tieqaf tieħu Latuda

Jekk tieqaf tieħu din il-mediċina inti se titlef l-effetti tal-mediċina. M’għandekx twaqaf din il-mediċina sakemm ma jgħidlekx biex tagħmel dan it-tabib tiegħek għax is-sintomi tiegħek jistgħu jerġgħu jitfaċċaw.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.

Jekk tinnota xi wieħed mis-sintomi li ġejjin fittex attenzjoni medika immedjatament:

reazzjoni allerġika severa osservata bħala deni, nefħa fil-ħalq, wiċċ, xufftejn jew ilsien, qtugħ ta’ nifs, ħakk, raxx tal-ġilda u xi kultant tnaqqis fil-pressjoni . Dawn ir-reazzjonijiet huma osservati b’mod rari (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 1,000).

Raxx b’infafet ta’ natura serja li jaffettwa l-ġilda, il-ħalq u l-partijiet ġenitali (sindrome ta’ Stevens-Johnson).

Deni, għaraq, ebusija fil-muskoli, u koxjenza mnaqqsa. Dawn jistgħu jkunu sintomi ta’ kondizzjoni magħrufa bħala sindrome newrolettiku malinn. Dawn ir-reazzjonijiet huma osservati b’mod rari (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 1,000).

Emboli tad-demm fil-vini speċjalment fir-riġlejn (sintomi jinkludu nefħa, uġigħ u ħmura fir-riġel), li jistgħu jimxu fil-kanali tad-demm għall-pulmun u jikkawżaw uġigħ fis-sider u diffikultà fit-teħid tan-nifs. Jekk tinnota xi sintomi minn dawn fittex parir mediku minnufih.

Jistgħu jseħħu wkoll l-effetti sekondarji li ġejjin:

Komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw aktar minn persuna waħda minn kull 10):

sensazzjoni ta’ aġitazzjoni u inabbiltà biex ma tiċċaqlaqx

ngħas.

Komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 10):

Parkinsoniżmu: Dan huwa terminu mediku li jiddeskrivi ħafna sintomi li jinkludu żieda fit-tnixxija ta’ bżieq jew ħalq imxarrab, tnixxija ta’ bżieq mill-ħalq, skossi meta tilwi d-dirgħajn jew ir-riġlejn, movimenti tal-ġisem bil-mod, imnaqqsa jew indeboliti, nuqqas ta’ espressjoni fil-wiċċ, muskoli marsusa, ebusija fl-għonq, ebusija fil-muskoli, passi żgħar, imkaxkra u mgħaġġla u nuqqas ta’ movimenti normali tad-dirgħajn mal-mixi, teptip persistenti bi tweġiba għal taptip fuq il-moħħ (rifless mhux normali)

problemi biex titkellem, movimenti mhux tas-soltu tal-muskoli; kollezzjoni ta’ sintomi magħrufa bħala sintomi ekstrapiramidali (EPS - extrapyramidal symptoms) li tipikament jinvolvu movimenti mhux tas-soltu, bla skop, involontarji tal-muskoli.

sturdament

spażmi u ebusija fil-muskoli

tqalligħ (tħossok imdardar), rimettar (tirremetti)

indiġestjoni

ħalq xott jew bżieq eċċessiv

uġigħ addominali

diffikulta biex torqod, għeja, aġitazzjoni u ansjetà

żieda fil-piż

żieda ta’ creatine phosphokinase (enzima fil-muskoli) osservata f’testijiet tad-demm

żieda ta’ krejatinina (markatur tal-funzjoni tal-kliewi) fit-testijiet tad-demm.

Mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 100):

tgedwid

ħmar il-lejl

weġgħat fil-muskoli

uġigħ fil-ġogi

problemi fil-mixi

qagħda riġida

żieda ta’ prolactin fid-demm, żieda ta’ glucose fid-demm (zokkor fid-demm), żieda ta’ xi enzimi tal-fwied, osservati f’testijiet tad-demm

żieda fil-pressjoni

pressjoni titbaxxa kif tqum bilwieqfa li tista’ twassal għal ħass ħażin

qalb mgħaġġla

riħ komuni

fawra

vista mċajpra

aptit imnaqqas

għaraq

uġigħ meta tgħaddi l-awrina

ċaqlieq mhux ikkontrollat tal-ħalq, l-ilsien u r-riġlejn u d-dirgħajn (diskajneżja tardiva).

Rari (jistgħu jaffettwaw sa persuna waħda minn kull 1,000):

Rabdomijolisi li hija t-tifrik ta’ fibri tal-muskoli li jwassal għar-rilaxx tal-kontenut tal-fibra tal-muskoli (mijoglobina) fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm, osservat bħala uġigħ fil-muskoli, rimettar, tħossok konfuż, rata u ritmu tal-qalb mhux normali, u possibilment awrina skura

żieda fl-esinofili (tip ta’ ċelluli bojod tad-demm).

Mhux magħruf (il-frekwenza ma tistax tiġi stmata mid-dejta disponibbli):

livelli mnaqqsa ta’ ċelluli bojod tad-demm (li jiġġieldu l-infezzjoni) u ta’ ċelluli ħomor tad-demm (li jġorru l-ossiġnu madwar il-ġisem)

korriment intenzjonat lill-persuna nnifisha

sensazzjonijiet ta’ ansjetà f’daqqa waħda

disturb fl-irqad

tħoss kollox idur bik

aċċessjonijiet

uġigħ fis-sider

impulsi mhux normali tan-nervaturi fil-qalb

rata tal-qalb baxxa

dijarea

diffikultà biex tibla’

nefħa f’ilsien jew fil-griżmejn

irritazzjoni tal-kisja tal-istonku

raxx, li jista’ jkun bil-ħakk u jinkludi nefħa, infafet jew dbabar ħomor fuq il-ġilda

insuffiċjenza tal-kliewi

trabi tat-twelid jistgħu juru dan li ġej: aġitazzjoni, żieda jew tnaqqis fit-ton tal-muskoli, rogħda, ngħas, problemi fin-nifs jew biex jieklu

tkabbir mhux normali tas-sider, uġigħ fis-sider, sekrezzjoni ta’ ħalib mis-sider

problemi biex ikollok erezzjoni

uġigħ jew nuqqas ta’ pirjids mestrwali

mewt f’daqqa assoċjat ma’ mard tal-qalb.

F’persuni anzjani bid-dimenzja, kienet irrappurtata żieda żgħira fin-numru ta’ mwiet għal pazjenti li jieħdu mediċini għall-iskiżofrenja meta mqabbla ma’ dawk li ma jirċivux dawn il-mediċini.

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’ Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5.Kif taħżen Latuda

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq il-kartuna u l-folja wara EXP. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Aħżen fil-pakkett oriġinali sabiex tilqa’ mid-dawl.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Latuda

Is-sustanza attiva hi lurasidone.

Kull 18.5 mg pillola fiha lurasidone hydrochloride ekwivalenti għal 18.6 mg lurasidone. Kull 37 mg pillola fiha lurasidone hydrochloride ekwivalenti għal 37.2 mg lurasidone. Kull 74 mg pillola fiha lurasidone hydrochloride ekwivalenti għal 74.5 mg lurasidone

Is-sustanzi l-oħra huma mannitol, starch magħmul ġelatina, croscarmellose sodium, hypromellose, magnesium stearate (E 470b), titanium dioxide (E171), macrogol, iron oxide isfar

(E172) (preżenti fil-pilloli ta’ 74 mg), indigotine (E132) (preżenti fil-pilloli ta’ 74 mg) u carnauba wax (E903).

Kif jidher Latuda u l-kontenut tal-pakkett

Latuda 18.5 mg pilloli miksija b’rita huma ta’ lewn abjad sa abjad maħmuġ, pilloli tondi miksija b’rita, imnaqqxa b’"LA"

Latuda 37 mg pilloli miksija b’rita huma ta’ lewn abjad sa abjad maħmuġ, pilloli tondi miksija b’rita, imnaqqxa b’"LB"

Latuda 74 mg pilloli miksija b’rita huma ta’ lewn aħdar ċar, pilloli ovali miksija b’rita, imnaqqxa b’"LD".

Latuda pilloli miksija b’rita huma disponibbli f’daqsijiet ta’ pakketti li fihom 14 x 1, 28 x 1, 30 x 1, 56 x 1, 60 x 1, 90 x 1 jew 98 x 1 pillola miksija b’rita f’folji magħmulin minn aluminju/aluminju mtaqqab biex tkun tista’ tinqata’ doża waħda.

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq

Sunovion Pharmaceuticals Europe Ltd. First Floor

Southside

97-105 Victoria Street London

SW1E 6QT

Ir-Renju Unit

Tel: +44 (0) 207 821 2899

Il-Manifattur

AndersonBrecon (UK) Ltd.

Wye Valley Business Park

Brecon Road

Hay-on-Wye

Hereford

HR3 5PG

Ir-Renju Unit

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’ {XX/SSSS}

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini: http://www.ema.europa.eu.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati