Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Litak (cladribine) – Fuljett ta’ tagħrif - L01BB04

Updated on site: 08-Oct-2017

Isem tal-MediċinaLitak
Kodiċi ATCL01BB04
Sustanzacladribine
ManifatturLipomed GmbH

FULJETT TA’ TAGĦRIF: INFORMAZZJONI GĦAL MIN QED JAGĦMEL UŻU MINNU

LITAK 2 mg/ml soluzzjoni għall-injezzjoni cladribine

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tuża din il-mediċina

-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa taqrah.

-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, jekk jogħġbok staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

-Jekk xi wieħed mill-effetti sekondarji jiggrava jew jekk tinnota xi effetti sekondarji li mhumiex imsemmijin f’dan il-fuljett, jekk jogħġbok għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

F’dan il-fuljett

1.X’inhu LITAK u għalxiex jintuża

2.Qabel ma tuża LITAK

3.Kif għandek tuża LITAK

4.Effetti sekondarji li jista’ jkollu

5.Kif taħżen LITAK

6.Aktar tagħrif

1.X’INHU LITAK U GĦALXIEX JINTUŻA

LITAK fih is-sustanza attiva cladribine. Cladribine hi sustanza ċitostatika. Taffettwa t-tkabbir ta’ ċelluli bojod tad-demm malinni (kanċerużi) li għandhom irwol fil-lewkimja taċ-ċelluli ċiljati. LITAK jintuża biex jikkura din il-marda.

2. QABEL MA TUŻA LITAK

Tużax LITAK

-jekk inti allerġiku/a (tbati minn sensittività eċċessiva) għal cladribine jew sustanzi oħra f’LITAK,jekk inti tqila jew qed tredda’

-jekk għandek inqas minn 18-il sena

-jekk għandek indeboliment minn moderat sa sever tal-kliewi jew tal-fwied,

-jekk qed tuża mediċini oħra li jaffettwaw il-produzzjoni taċ-ċelluli tad-demm fil-mudullun (majelosoppressjoni).

Oqgħod attent ħafna b’LITAK

Għid lit-tabib tiegħek jekk għandek jew kellek:

-problemi tal-fwied jew tal-kliewi

-infezzjonijiet

Jekk tbati minn xi infezzjoni, din għandha tiġi trattata qabel ma tibda t-trattament b’LITAK

Jekk tinnota xi sinjali ta’ deni jew infezzjonijiet (bħalma huma sintomi tal-influwenza) waqt jew wara t-trattament b’LITAK, kun żgur li tinforma lit-tabib tiegħek minnufih.

-deni

Qabel u waqt it-trattament b’LITAK, int ser ikollok testijiet regolari tad-demm sabiex jiġi verifikat li ma jkunx ta’ periklu għalik li tkompli bit-trattament. It-tabib tiegħek jista’ jiddeċiedi li għandek tirċievi trasfużjonijiet tad-demm biex ittejjeb il-livell tiegħek ċelluli tad-demm. Barra minn hekk, il- funzjoni xierqa tal-fwied u l-kliewi tiegħek ser tiġi eżaminata.

Jekk trid tnissel tarbija, jekk jogħġbok għarraf lit-tabib tiegħek qabel ma tibda t-trattament b’LITAK. M’għandekx tnissel tarbija matul il-kura u sa 6 xhur wara li jieqaf it-trattament b’LITAK. It-tabib tiegħek jista’ jinfurmak dwar il-possibbiltà li taħżen sperma fi friża speċjali (konservazzjoni krijoġenika).

Meta tuża mediċini oħra

Jekk jogħġbok għid lit-tabib tiegħek jekk qiegħed tieħu jew ħadt dan l-aħħar xi mediċini oħra, anki dawk mingħajr riċetta. B’mod partikulari, għid lit-tabib tiegħek jekk qed tuża kwalunkwe mediċina li fiha:

-kortikosterojdi, li komunement jintużaw għal kura ta’ infjammazzjoni

-mediċini antivirali, li jintuża għal kura ta’ infezzjonijiet virali

M’għandekx tuża LITAK ma’ mediċini oħrajn li jaffettwaw il-produzzjoni ta’ ċelluli tad-demm fil- mudullun majelosoppressjoni).

Tqala u treddigħ

M’għandekx tuża LITAK jekk inti tqila. Għandek tieħu prekawzjonijiet kontraċettivi xierqa waqt it- terapija u għal mill-anqas sitt xhur wara l-aħħar doża tiegħek ta’ LITAK. Jekk toħroġ tqila waqt it- trattament, għandek tinforma t-tabib tiegħek minnufih.

M’għandekx tredda’ waqt li tkun qegħda itrattata b’LITAK u għal mill-inqas sitt xhur wara l-aħħar doża tiegħek ta’ LITAK

Sewqan u tħaddim ta’ magni

LITAK għandu effett kbir fuq l-abilità biex issuq u biex tuża l-magni. Jekk tħossok bi nagħas, li jista’ jseħħ minħabba numru baxx ta’ ċelluli tad-demm ħomor ikkawżati mill-kura b’LITAK, jew stordut, m’għandekx issuq xi vettura jew tħaddem magni.

3.KIF GĦANDEK TUŻA LITAK

Dejjem għandek tuża LITAK skond il-parir eżatt tat-tabib. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

It-tabib tiegħek ser jikkalkula d-doża tiegħek skont il-piż tal-ġisem tiegħek u ser jispjegalek l-iskeda tal-kura fid-dettall. Id-doża rakkomandata ta’ kuljum hi ta’ 0.14 mg kull kg piż tal-ġisem għal ħamest ijiem konsekuttivi (kors wieħed tal-kura).

LITAK għandu jiġi injettat taħt il-ġilda tiegħek (injezzjoni subkutanea), bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin kuljum. Jekk qed tinjetta LITAK inti stess, l-ewwel trid tirċievi taħriġ adegwat mit-tabib jew infermier/a tiegħek. Għandek issib struzzjonijiet dettaljati għall-injezzjoni fl-aħħar ta’ dan il-fuljett.

Tista’ wkoll tirċievi mediċina addizzjonali li jkun fiha s-sustanza attiva allopurinol, sabiex tnaqqas il- uric acid żejjed.

Jekk tuża LITAK aktar milli suppost

F’każ li tinjetta doża inkorretta, għid lit-tabib tiegħek immedjatament.

Jekk tinsa tuża LITAK

M’għandekx tinjetta doża doppja biex tpatti għad-doża li tkun insejt tieħu. Fil-każ li tinsa injezzjoni jew doża, jekk jogħġbok għid lit-tabib tiegħek immedjatament.

Jekk ikollok aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ dan il-prodott, jekk jogħġbok staqsi lit-tabib jew lill- ispiżjar tiegħek.

4.EFFETTI SEKONDARJI LI JISTA’ JKOLLU

Bħal kull mediċina oħra, LITAK jista’ jkollu effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux fuq kulħadd.

Għid it-tabib tiegħek immedjatament jekk ikollok dawn is-sintomi li ġejjin waqt jew wara l-kura b’LITAK:

-kwalunkwe sinjali ta’ infezzjonijiet (bħal sintomi qishom influwenza)

-deni

Ripetizzjoni ta’ okkorrenza ta’ marda malinna (kanċeruża) ma tistax tiġi eskluża. Dan ifisser li r-riskju li tiżviluppa marda malinna fil-futur ikun ftit ogħla milli jkun għal nies b’saħħithom. Dan ir-riskju ftit miżjud jista’ jkun minħabba lewkimja taċ-ċelluli ċiljati jew minħabba terapiji li jintużaw għal kura tal- marda li jinkludu LITAK.

Dawn l-effetti sekondarji jistgħu jseħħu b’ċerti frekwenzi, li huma definiti kif ġej:

-komuni ħafna: jaffettwaw iktar minn utent 1 minn kull 10

-komuni: jaffettwaw minn 1 sa 10 utenti minn kull 100

-mhux komuni: jaffettwaw minn 1 sa 10 utenti minn kull 1,000

-rari: jaffettwaw minn 1 sa 10 utenti minn kull 10,000

-rari ħafna: jaffettwaw inqas minn utent 1 minn kull 10,000

-mhux magħrufa: ma tistax tittieħed stima mid-data disponibbli.

Effetti sekondarji komuni ħafna

Infezzjonijiet.

Deni.

Numri baxxi ta’ ċerti ċelluli bojod tad-demm (newtrofili u limfoċiti) u plejtlits fit-testijiet tad- demm.

Numru baxx ta’ ċelluli tad-demm ħomor, li jista’ jirriżulta f’anemija, b’sintomi bħal għeja u ngħas.

Tnaqqis fil-funzjoni tas-sistema immuni ta’ ġismek.

Uġigħ ta’ ras, sturdament.

Ħsejjes anormali tan-nifs, ħsejjes anormali tas-sider, sogħla.

Tħossok imdardar, rimettar, stitikezza u dijarea.

Eruzzjoni fil-ġilda (raxx), nefħa, ħmura kif ukoll uġigħ madwar is-sit tal-injezzjoni, tkun għarqan.

Ir-reazzjonijiet tal-ġilda huma l-biċċa l-kbira minn ħfief sa moderati u ġeneralment ifiequ fi ftit jiem.

Għeja, tertir ta’ bard, nuqqas t’aptit.

Dgħjufija.

Effetti sekondarji komuni

Ripetizzjoni ta’ okkorrenza ta’ marda malinna (kanċeruża).

Numru baxx ta’ plejtlits, li jista’ jikkawża ħruġ ta’ demm mhux tas-soltu (per eżempju, ħruġ ta’ demm mill-imnieħer jew mill-ġilda).

Ma tkunx tista’ torqod, ansjetà.

Żieda fir-rata ta’ taħbit tal-qalb, ħoss anormali tal-qalb, pressjoni tad-demm baxxa, tnaqqis fil- provvista tad-demm lill-muskolu tal-qalb.

Qtugħ ta’ nifs, nefħa fit-tessut tal-pulmun minħabba infezzjoni, infjammazzjoni tal-ħalq u tal- ilsien.

Uġigħ addominali u l-preżenza ta’ ammont eċċessiv ta’ gass fl-istonku jew fl-imsaren, żidiet li fil-biċċa l-kbir tagħhom ikunu ħfief, fil-valuri tal-laboratorju (bilirubina, transaminases) li jiġu lura għall-valuri normali ġaladarba l-kura tkun intemmet.

Ħakk, eruzzjoni tal-ġilda (urtikarja), ħmira tal-ġilda u wġigħ fil-ġilda.

Nefħa fit-tessuti (edema), ma tħossokx tajjeb, uġigħ (uġigħ fil-muskoli, uġigħ fil-ġogi u wġigħ fl-għadam)

Effetti sekondarji mhux komuni

Anemija kkawżata mill-qerda ta’ ċelluli tad-demm ħomor.

Ngħas, tmewwit u tnemnim fil-ġilda, debbulizza, inattività, disturb fin-nervaturi periferali, konfużjoni, indebolimet fil-ħila biex tikkoordina l-movimenti.

Infjammazzjoni tal-għajnejn.

Uġigħ fil-griżmejn.

Infjammazzjoni ta’ xi vina.

Telf sever ta’ piż.

Effetti sekondarji rari

Tnaqqis fil-funzjoni tal-fwied.

Tnaqqis fil-funzjoni tal-kliewi.

Kumplikazzjonijiet ikkawżati minn kura tal-kanċer minħabba t-tkissir taċ-ċelluli tal-kanċer.

Rispons ta’ tiċħid għat-trasfużjonijiet tad-demm.

Żieda fin-numru ta’ ċerti ċelluli bojod tad-demm (eosinofili).

Puplesija.

Disturbi fid-diskors u biex tibla’.

Insuffiċjenza tal-qalb.

Rittmu anormali ta’ taħbit tal-qalb.

Il-qalb ma tkunx kapaċi żżomm ċirkolazzjoni tad-demm adegwata.

Ostruzzjoni tal-imsaren.

Reazzjonijiet allerġiċi serji tal-ġilda (sindrome ta’ Stevens-Johnson u sindrome ta’ Lyell).

Effetti sekondarji rari ħafna

Dipressjoni, attakk epilettiku.

Nefħa ta’ tebqet il-għajn.

Embolu fil-pulmun.

Nefħa tal-bużżieqa tal-marrara.

Tnaqqis fil-funzjoni tal-organi minħabba ammonti għoljin ta’ sustanza speċifika magħmula mill- ġisem (glikoproteina)

Jekk xi wieħed mill-effetti sekondarji jiggrava, jew jekk tinnota xi effetti sekondarji li mhumiex imsemmijin f’dan il-fuljett, jekk jogħġbok għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

5.KIF TAĦŻEN LITAK

Żomm fejn ma jintlaħaqx u ma jidhirx mit-tfal.

Aħżen fi friġġ (2°C-8°C). Tagħmlux fil-friża.

Tużax LITAK wara d-data ta’ skadenza, li tidher fuq it-tikketta tal-kunjett u fuq il-kartuna ta’ barra wara JIS. Id-data ta’ skadenza tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Mill-aspett mikrobijoloġiku, ħlief jekk il-ftuħ jipprekludi r-riskju ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika, il-prodott għandu jintuża immedjatament. Jekk ma jintużax immedjatament, iż-żmien tal-ħażna u l- kundizzjonijiet huma r-responsabbiltà tal-utent.

Tużax LITAK jekk tinnota li l-kunjett fih il-ħsara jew li s-soluzzjoni mhijiex ċara jew fiha xi frak.

Kull fdal tal-prodott li ma jkunx intuża jew skart li jibqa’ wara l-użu tal-prodott għandu jintrema kif jitolbu l-liġijiet lokali.

6. AKTAR TAGĦRIF

X’fih LITAK

-Is-sustanza attiva hi cladribine. Kull millilitru ta’ soluzzjoni fih 2 mg ta’ cladribine. Kull kunjett fih 10 mg ta’ cladribine f’soluzzjoni ta’ 5 ml.

-Is-sustanzi l-oħra huma sodium chloride, sodium hydroxide (għall-aġġustament tal-pH), hydrochloric acid (għall-aġġustament tal-pH) u ilma għall-injezzjonijiet.

Id-dehra ta’ LITAK u l-kontenuti tal-pakkett

LITAK hu disponibbli f’kunjetti tal-ħġieġ li fihom 5 ml ta’ soluzzjoni għall-injezzjoni ċara u bla kulur. Daqs tal-pakkett ta’ 1 jew 5 kunjetti. Jista’ jkun li mhux id-daqsijiet kollha jkunu għal skop kummerċjali.

Id-Detentur ta’ l-Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-Suq u l-Manifattur

Lipomed GmbH

Hegenheimer Strasse 2

D-79576 Weil/Rhein

Il-Ġermanja

Għal kull tagħrif dwar din il-mediċina, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Detentur ta’ l-Awtorizzazzjoni għat- tqegħid fis-Suq.

Dan il-fuljett kien approvat l-aħħar fi

STRUZZJONIJIET GĦALL-INJEZZJONI

Din is-sezzjoni fiha informazzjoni dwar kif għandek tagħti injezzjoni b’LITAK. Huwa importanti li ma tippruvax tinjetta lilek innifsek ħlief jekk ma tkunx ingħatajt struzzjonijiet mit-tabib jew mill- infermier/a tiegħek. It-tabib tiegħek ser jgħidlek kemm LITAK ikollok bżonn u kemm ta’ sikwit għandek tinjetta lilek nnifsek. LITAK għandu jiġi injettat ġot-tessut appena taħt il-ġilda (injezzjoni taħt il-ġilda). Jekk ikollok xi mistoqsija dwar l-għoti tal-injezzjoni, jekk jogħġbok staqsi lit-tabib jew lill-infermier/a tiegħek għall-għajnuna.

LITAK hu ċitotossiku u għalhekk għandu jiġi mmaniġġjat bl-attenzjoni. Meta LITAK ma jingħatax mill-pazjent stess, l-użu ta’ ingwanti u ħwejjeġ protettivi li jintremew wara li jintużaw, hu rakkomandat meta timmaniġġja u tagħti LITAK. Jekk LITAK imiss mal-ġilda jew l-għajnejn, laħlaħ il-wiċċ involut minnufih b’ammonti kbar ta’ ilma. Nisa tqal iridu jevitaw kuntatt ma’ LITAK.

X’għandi bżonn għall-injezzjoni?

Sabiex tagħti injezzjoni taħt il-ġilda lilek innifsek, ser ikollok bżonn:

-kunjett wieħed b’LITAK (jew żewġ kunjetti jekk ikollok bżonn tinjetta iktar minn 5 ml). Tużax kunjetti li fihom il-ħsara, jew jekk is-soluzzjoni mhijiex ċara jew jekk ikun fiha xi frak.

-siringa sterili (eż. siringa LUER ta’ 10 ml),

-labra sterilizzata ta’ l-injezzjoni (eż. 0.5 x 19 mm, 25 G x ¾’’),

-biċċa bl-alkoħol biex timsaħ,

-reċipjent li ma jittaqqabx għar-rimi mingħajr periklu tas-siringa wżata.

X’għandi nagħmel qabel ma nagħti l-injezzjoni ta’ LITAK lili nnifsi taħt il-ġilda?

1.Qabel ma’ tinjetta, ħalli LITAK jilħaq it-temperatura tal-kamra.

2.Aħsel idejk sew.

3.Sib post fejn tista’ toqgħod komdu, imdawwal tajjeb u qiegħed kull ħaġa li teħtieġ fejn tista tilħaqha.

Kif għandi nipprepara l-injezzjoni?

Qabel ma tinjetta LITAK, inti għandek tagħmel li ġej:

1.Neħħi l-għatu aħmar protettiv minn fuq il-kunjett ta’ LITAK. Tneħħix it-tapp tal-lastku tal- kunjett. Aħsel it-tapp tal-lastku tal-kunjett b’biċċa bl-alkoħol. Oħrog s-siringa mill-ippakkjar mingħajr ma tmiss it-tarf tas-siringa. Neħħi l-labra ta’ l-injezzjoni mill-l-ippakkjar u poġġiha b’mod ferm f’postha fuq ir-ras tas-siringa Neħħi l-protezzjoni tal-labra mingħajr ma tmiss il- labra.

2.Imbotta l-labra ġot-tapp tal-lastku tal-kunjett u aqleb il-kunjett u s-siringa rashom ’l isfel. Kun żgur li t-tarf tal-labra qiegħed fis-soluzzjoni.

3.Iġbed il-volum korrett ta’ LITAK fis-siringa billi tiġbed lura l-‘plunger’ (it-tabib tiegħek għandu jgħidlek kemm ml ta’ LITAK għandek bżonn biex tinjetta).

4.Iġbed il-labra ’l barra mill-kunjett.

5.Aċċerta ruħek li ma baqax arja fis-siringa: ipponta l-labra ’l fuq u imbotta l-arja ’l barra.

6.Ara li għandek il-volum korrett.

7.Injetta minnufih.

Fejn għandi nagħti l-injezzjoni?

Fejn għandi nagħti t-tilqima?

L-aktar postijiet adattati biex tinjetta lilek innifsek huma murija hawnhekk: in-naħa ta’ fuq tal-koxox u ż-żaqq, ħlief għall-erja ta’ madwar iż-żokra. Jekk xi ħadd ieħor ser jinjettak, jista’ juża wkoll il-wiċċ ta’ barra tan-naħa ta’ fuq ta’ l-idejn jew tal-warrani.

1.Iddiżinfetta l-ġilda tiegħek billi tuża biċċa bl- alkoħol, stenna sakemm l-erja tinxef u oqros l-il-ġilda bejn sebgħek il-kbir u s-saba’ l- werrej, mingħajr ma tagħfasha.

2.Daħħal il-labra kollha kemm hi ġol-ġilda f’angola ta’ madwar 45°, kif muri fl-istampa.

3.Iġbed ftit il-‘plunger’ biex tiċċekkja li l-ebda vina jew arterja tad-demm ma kienet imtaqba. Jekk tara d-demm fis-siringa, neħħi l-labra u poġġiha mill-ġdid f’post ieħor.

4.Injetta l-likwidu bil-mod u b’mod konsistenti għal madwar minuta, bil-ġilda dejjem miżmuma maqrusa.

5.Wara li tinjetta l-likwidu, neħħi l-labra.

6.Qiegħed is-siringa użata f’recipjent li ma jittaqqabx. Uża siringa u labra ta’ l-injezzjoni ġdida għal kull injezzjoni. Il-kunjetti għandhom jintużaw darba biss. Kull porzjon tal-prodott li jibqa’ għandu jkun irritornat għand it-tabib jew l-spiżjar tiegħek biex jintrema kif suppost.

Kif tarmi s-siringi użati

Qiegħed is-siringi wżati f’reċipjent li ma jittaqqabx u żommu fejn ma jintlaħaqx u ma jidhirx mit-tfal. Armi r-reċipjent li ma jittaqqabx kif jgħidlek it-tabib, in-nurse jew l-ispiżjar tiegħek.

Titfax is-siringi wżati fil-landa taż-żibel normali tad-dar.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati