Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Praxbind (idarucizumab) – Sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott - V03AB

Updated on site: 09-Oct-2017

Isem tal-MediċinaPraxbind
Kodiċi ATCV03AB
Sustanzaidarucizumab
ManifatturBoehringer Ingelheim International GmbH

Dan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali. Dan ser jippermetti identifikazzjoni ta’ malajr ta’ informazzjoni ġdida dwar is-sigurtà. Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma mitluba jirrappurtaw kwalunkwe reazzjoni avversa suspettata. Ara sezzjoni 4.8 dwar kif għandhom jiġu rappurtati reazzjonijiet avversi.

1.ISEM IL-PRODOTT MEDIĊINALI

Praxbind 2.5 g/50 mL soluzzjoni għall-injezzjoni/infużjoni

2.GĦAMLA KWALITATTIVA U KWANTITATTIVA

Kull mL ta' soluzzjoni għall-injezzjoni/infużjoni fih 50 mg idarucizumab.

Kull kunjett ta' 50 mL fih 2.5 g idarucizumab.

Idarucizumab huwa prodott b'teknoloġija rikombinanti tad-DNA f'ċelloli tal-Ovarji tal-Ħamster Ċiniż.

Eċċipjenti b’effett magħruf:

Kull kunjett ta' 50 mL fih 2 g sorbitol u 25 mg sodju (ara sezzjoni 4.4).

Għal-lista sħiħa ta’ eċċipjenti, ara sezzjoni 6.1.

3.GĦAMLA FARMAĊEWTIKA

Soluzzjoni għall-injezzjoni/infużjoni

Soluzzjoni ċara għal kemmxejn opalexxenti, bla kulur għal kemmxejn safra.

4.TAGĦRIF KLINIKU

4.1Indikazzjonijiet terapewtiċi

Praxbind huwa aġent riversiv speċifiku għal dabigatran u huwa indikat f'pazjenti adulti kkurati b'Pradaxa (dabigatran etexilate) meta jkun meħtieġ qlib lura rapidu tal-effetti antikoagulanti tiegħu:

Għal kirurġija ta' emerġenza/proċeduri urġenti

Fi fsada ta' theddida għall-ħajja jew mhux ikkontrollata.

4.2Pożoloġija u metodu ta' kif għandu jingħata

Ristrett għal użu fl-isptar biss.

Pożoloġija

Id-doża rakkomandata ta' Praxbind hija 5 g (2 x 2.5 g/50 mL).

Fis-sottogrupp ta'pazjenti, okkorrenza mill-ġdid ta' konċentrazzjonijiet fil-plażma ta' dabigatran mhux marbut u żieda fl-istess ħin fil-ħinijiet tat-testijiet ta' koagulazzjoni tad-demm seħħew għal sa 24 siegħa wara l-għoti ta' idarucizumab (ara sezzjoni 5.1).

Jista' jiġi kkunsidrat l-għoti ta' tieni doża ta' 5 g ta' Praxbind fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

feġġa mill-ġdid ta' fsada klinikament relevanti flimkien ma' żieda fil-ħinijiet ta' koagulazzjoni, jew

jekk il-potenzjal ta' fsada mill-ġdid huwa perikoluż għall-ħajja u tkun oservata żieda fil-ħinijiet ta' koagulazzjoni, jew

il-pazjenti jeħtieġu tieni kirurġija ta' emerġenza/proċedura urġenti u għandhom żieda fil-ħinijiet ta' koagulazzjoni.

Il-parametri ta' koagulazzjoni relevanti huma l-Ħin tat-Thromboplastin Parzjali Attivat (aPTT - activated Partial Thromboplastin Time), il-Ħin ta' Thrombin dilwit (dTT - diluted Thrombin Time), jew il-Ħin ta' Koagulazzjoni tal-Ecarin (ECT - Ecarin Clotting Time) (ara sezzjoni 5.1).

Doża massima ta' kuljum ma ġietx investigata.

Bidu mill-Ġdid ta' Kura Antitrombotika

Il-kura bi Pradaxa (dabigatran etexilate) tista' terġa' tinbeda 24 siegħa wara l-għoti ta' Praxbind, jekk il-pazjent ikun klinikament stabbli u tkun inkisbet emostażi adegwata.

Wara l-għoti ta' Praxbind, tista' tinbeda kura antitrombotika oħra (eż. eparina b'piż molekulari baxx) fi kwalunkwe ħin, jekk il-pazjent ikun klinikament stabbli u tkun inkisbet emostażi adegwata.

In-nuqqas ta' kura antitrombotika jista' jesponi lil pazjenti għar-riskju trombotiku tal-marda jew kundizzjoni bażi tagħhom.

Pazjenti b’indeboliment tal-kliewi

F'pazjenti b'indeboliment tal-kliewi, ma huwa meħtieġ l-ebda aġġustament tad-doża. L-indeboliment tal-kliewi ma kellux impatt fuq l-effett riversiv ta' idarucizumab.

Pazjenti b’indeboliment tal-fwied

F'pazjenti b'indeboliment tal-fwied, ma huwa meħtieġ l-ebda aġġustament tad-doża (ara sezzjoni 5.2).

Anzjani

L-ebda aġġustament tad-doża ma huwa meħtieġ f'persuni anzjani li għandhom 65 sena u aktar (ara sezzjoni 5.2).

Popolazzjoni pedjatrika

Is-sigurtà u l-effikaċja ta' Praxbind fit-tfal taħt it-18-il sena għadhom ma ġewx determinati s'issa. M’hemm l-ebda data disponibbli.

Metodu ta’ kif għandu jingħata

Użu għal ġol-vini.

Praxbind (2 x 2.5 g/50 mL) jingħata ġol-vini, bħala żewġ infużjonijiet konsekuttivi għal 5 sa 10 minuti kull waħda jew bħala injezzjoni bolus.

Għal istruzzjonijiet addizzjonali dwar l-użu u l-immaniġġar ara sezzjoni 6.6.

4.3Kontraindikazzjonijiet

Xejn.

4.4Twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu

Idarucizumab jeħel speċifikament ma' dabigatran u jaqleb lura l-effetti antikoagulanti tiegħu. Ma jaqlibx lura l-effetti ta' antikoagulanti oħrajn (ara sezzjoni 5.1).

Il-kura bi Praxbind tista' tintuża flimkien ma' miżuri ta’ appoġġ standard, li għandhom ikunu kkunsidrati bħala medikament xierqa.

Sensittività eċċessiva

Ir-riskju li jintuża Praxbind f'pazjenti b'sensittività eċċessiva magħrufa (eż. reazzjoni anafilaktojde) għal idarucizumab jew għal kwalunkwe eċċipjent ieħor jeħtieġ li jiġi peżat b'attenzjoni kontra l-benefiċċju potenzjali ta' kura ta’ emerġenza bħal din. Jekk isseħħ reazzjoni anafilattika jew reazzjoni allerġika serja oħra, l-għoti ta' Praxbind għandu jitwaqqaf minnufih u għandha tinbeda kura xierqa.

Intolleranza ereditarja għall-fruttożju

Id-doża rakkomandata ta' Praxbind hija 4 g sorbitol bħala eċċipjent. F'pazjenti b'intolleranza ereditarja għall-fruttożju, l-għoti parenterali ta' sorbitol ġie assoċjat ma' rapporti ta' ipogliċemija, ipofosfatemija, aċidożi metabolika, żieda fl-aċidu uriku, indeboliment akut tal-fwied bi tkissir tal-funzjoni ta' eskrezzjoni u sintetika, u mewt. Għaldaqstant, f'pazjenti b'intolleranza ereditarja għall-fruttożju, ir-riskju ta' kura bi Praxbind għandu jiġi mwieżen kontra l-benefiċċju potenzjali ta' kura ta’ emerġenza bħal din. Jekk Praxbind jingħata f'dawn il-pazjenti, ikun hemm bżonn ta' kura medika intensifikata matul esponiment għal Praxbind u fi żmien 24 siegħa mill-esponiment.

Episodji Tromboemboliċi

Pazjenti li jkunu qegħdin jiġu kkurati b'dabigatran għandhom stati bażi tal-marda li jagħmluhom predisposti għal avvenimenti tromboemboliċi. It-treġġigħ lura ta' terapija b'dabigatran tesponi lill-pazjenti għar-riskju trombotiku tal-marda bażi tagħhom. Biex jitnaqqas dan ir-riskju, it-tkomplija mill-ġdid tal-kura antikoagulanti għandha tiġi kkunsidrata malli jkun medikament xieraq (ara sezzjoni 4.2).

Prova tal-proteini fl-awrina

Praxbind jikkawża proteinurja temporanja bħala reazzjoni fiżjoloġika għal fluss eċċessiv ta' proteina fil-kliewi wara applikazzjoni bolus/għal żmien qasir ta' 5 g idarucizumab mogħti ġol-vini (ara sezzjoni 5.2). Il-proteinurja temporanja mhijiex indikattiva ta' ħsara fil-kliewi, li għandha titqies għal provi tal-awrina.

Kontenut ta' sodju

Dan il-prodott mediċinali fih 2.2 mmol sodju (jew 50 mg) sodju kull doża. Dan għandu jiġi kkunsidrat minn pazjenti fuq dieta bl-ammont ta' sodju kkontrollat.

4.5Interazzjoni ma’ prodotti mediċinali oħra u forom oħra ta’ interazzjoni

Ma twettaq l-ebda studju ta' interazzjoni formali ta' Praxbind u prodotti mediċinali oħrajn. Abbażi tal-proprjetajiet farmakokinetiċi u l-ispeċifiċita għolja fit-twaħħil ma' dabigatran, interazzjonijiet klinikament relevanti ma' prodotti mediċinali oħrajn huma meqjusin mhux probabbli.

Investigazzjonijiet ta’ qabel l-użu kliniku b'idarucizumab ma wrew ebda interazzjoni ma'

aġenti tal-espansjoni tal-volum.

konċentrati ta' fatturi ta' koagulazzjoni, bħal kumplessi konċentrati ta' prothrombin (PCC, eż. fattur 3 u fattur 4), PCCs attivati (aPCCs) u fattur VIIa rikombinanti.

antikoagulanti oħrajn (eż. inibituri tat-thrombin għajr dabigatran, inibituri tal-Fattur Xa inkluż eparina ta' piż molekulari baxx, antagonisiti tal-vitamina K, eparina). Għalhekk, idarucizumab ma jaqlibx lura l-effetti ta' antikoagulanti oħrajn.

4.6Fertilità, tqala u treddigħ

Tqala

M’hemmx dejta dwar l-użu ta’ Praxbind f’nisa tqal. Ma twettqux studji dwar it-tossiċità riproduttiva u tal-iżvilupp, minħabba n-natura u l-użu kliniku intenzjonat tal-prodotti mediċinali. Praxbind jista' jintuża waqt it-tqala, jekk il-benefiċċju kliniku mistenni jkun akbar mir-riskji potenzjali.

Treddigħ

Mhux magħruf jekk idarucizumab jiġix eliminat mill-ħalib tas-sider tal-bniedem.

Fertilità

M'hemm l-ebda dejta dwar l-effett ta' Praxbind fuq il-fertilità (ara sezzjoni 5.3).

4.7Effetti fuq il-ħila biex issuq u tħaddem magni

Mhux rilevanti.

4.8Effetti mhux mixtieqa

Is-sigurtà ta' Praxbind ġiet evalwata f'224 suġġett b'saħħtu kif ukoll f'123 pazjent fi prova ta' fażi III kontinwa, li kellhom fsada mhux ikkontrollata jew li kellhom bżonn ta' kirurġija jew proċeduri ta' emerġenza u kienu taħt kura bi Pradaxa (dabigatran etexilate).

Ma ġew identifikati ebda reazzjonijiet avversi.

Rappurtar ta’ reazzjonijiet avversi suspettati

Huwa importanti li jiġu rrappurtati reazzjonijiet avversi suspettati wara l-awtorizzazzjoni tal-prodott mediċinali. Dan jippermetti monitoraġġ kontinwu tal-bilanċ bejn il-benefiċċju u r-riskju tal-prodott mediċinali. Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma mitluba jirrappurtaw kwalunkwe reazzjoni avversa suspettata permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V.

4.9Doża eċċessiva

Ma hemm l-ebda esperjenza klinika b'doża eċċessivi ta' Praxbind.

L-ogħla doża waħdanija ta' Praxbind studjata f'suġġetti b'saħħithom kienet ta' 8 g. F'dan il-grupp ma ġie identifikat l-ebda sinjal ta' sigurtà.

5.PROPRJETAJIET FARMAKOLOĠIĊI

5.1Proprjetajiet farmakodinamiċi

Kategorija farmakoterapewtika: prodotti terapewtiċi l-oħra kollha, antidoti, Kodiċi ATC: V03AB37

Mekkaniżmu ta’ azzjoni

Idarucizumab huwa aġent riversiv speċifiku għal dabigatran. Huwa framment ta’ antikorp monoklonali umanizzat (Fab) li jeħel ma' dabigatran b'affinita għolja ħafna, madwar 300 darba aktar qawwi mill-affinita ta' twaħħil ta' dabigatran għal thrombin. Il-kumpless ta' idarucizumab-dabigatran huwa kkaratterizzat minn on-rate rapida u minn off-rate bil-mod ħafna li tirriżulta f'kumpless stabbli ħafna. Idarucizumab jeħel bis-saħħa u speċifikament ma' dabigatran u mal-metaboliti tiegħu u jinnewtralizza l-effetti antikoagulanti tagħhom.

Effikaċja klinika u sigurtà

Saru tliet studji ta' Fażi I randomizzati, double-blind, ikkontrollati bi plaċebo f'283 suġġett (224 ikkurati b'idarucizumab) biex jiġu vvalutati s-sigurtà, l-effikaċja u t-tollerabilita,

il-farmakokinetika u l-farmakodinamika ta' idarucizumab, mogħti waħdu jew wara l-għoti ta' etessilat tad-dabigatran. Il-popolazzjoni investigata kienet tikkonsisti minn suġġetti b'saħħithom u minn suġġetti li juru karatteristiċi speċifiċi għall-popolazzjoni li jkopru l-eta, il-piż tal-ġisem, ir-razza, is-sess u indeboliment tal-kliewi. F'dawn l-istudji, id-dożi ta' idarucizumab varjaw minn 20 mg għal 8 g u l-ħinijiet ta' infużjoni varjaw minn 5 minuti għal 1 siegħa.

Valuri rappreżentattivi għall-parametri farmakokinetiċi u farmakodinamiċi ġew stabbiliti fuq il-bażi ta' suġġetti b'saħħithom ta' bejn 45-64 sena li kienu qed jirċievu 5 g idarucizumab (ara sezzjonijiet 5.1

u 5.2).

Bħalissa għaddej studju kontinwu prospettiv, bit-tikketta mikxufa, mhux randomizzat u mhux ikkontrollat (RE-VERSE AD) sabiex jinvestiga l-kura ta' pazjenti adulti li ġew bi fsada ta' theddida għall-ħajja jew mhux ikkontrollata relatata ma' dabigatran (Grupp A) jew li kellhom bżonn ta' kirurġija ta' emerġenza jew proċeduri urġenti (Grupp B). Il-punt ta' tmiem primarju kien it-treġġigħ lura perċentwali massimu tal-effett antikoagulanti ta' dabigatran fi żmien 4 sigħat wara l-għoti ta' idarucizumab, abbażi ta' determinazzjoni tal-laboratorju ċentrali tal-ħin ta’ thrombin dilwit (dTT) jew il-ħin ta’ koagulazzjoni ecarin (ECT) Punt ta' tmiem sekondarju ewlieni huwa t-treġġigħ lura ta' emostażi.

Analiżi interim ta' RE-VERSE AD inkludiet dejta għal 123 pazjent: 66 pazjent bi fsada serja (Grupp A) u 57 li kellhom bżonn proċedura urġenti (Grupp B). Madwar nofs il-pazjenti f'kull grupp kienu rġiel. L-eta medjana kienet ta' 77 sena u l-eliminazzjoni medjana tal-kreatinina kienet 61 mL/min. Madwar 68% tal-pazjenti fi Grupp A u 63% tal-pazjenti fi Grupp B ġew ikkurati b'dabigatran 110 mg darbtejn kuljum. Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-laboratorju ċentrali kienu disponibbli għal subsett ta' 90 pazjent (51 fi Grupp A, 39 fi Grupp B).

Ħafna mill-pazjenti (> 89%), kemm fil-Grupp A kif ukoll fil-Grupp B, laħqu qlib lura komplet tal-effett antikoagulanti ta' dabigatran kif imkejjel minn dTT jew ECT fl-ewwel 4 sigħat wara l-għoti ta' 5 g idarucizumab. L-effetti riversivi kienu evidenti minnufih wara l-għoti.

Figura 1 - Qlib lura tat-titwil tal-ħin ta' koagulazzjoni indott minn dabigatran determinat minn dTT f'90 pazjent mill-istudju RE-VERSE AD

Figura 2 - Qlib lura tat-titwil tal-ħin ta' koagulazzjoni indott minn dabigatran determinat minn aPTT f'90 pazjent mill-istudju RE-VERSE AD

It-treġġigħ lura ta' emostażi ntlaħaq f'91% tal-pazjenti evalwabbli li kellhom fsada serja u ġiet osservata emostażi normali f'92% tal-pazjenti li kellhom bżonn ta' proċedura urġenti.

Minn total ta' 123 pazjent, 26 pazjent mietu; kull waħda minn dawn l-imwiet setgħet tiġi attribwita għal kumplikazzjoni tal-avveniment indiċi jew assoċjata ma' komorbiditajiet. Episodji trombotiċi ġew irrapportati f'5 pazjenti, li ebda wieħed minnhom ma kien fuq terapija antitrombotika fil-ħin tal-episodju, u f'kull wieħed mill-każijiet, l-avveniment trombotiku seta' jiġi attribwit għall-kundizzjoni medika bażi tal-pazjent. Ġew irrapportati sintomi ħfief ta' sensittivita eċċessiva potenzjali (deni, bronkospażmu, iperventilazzjoni, raxx jew prurite). Relazzjoni kawżali ma' idarucizumab ma setgħetx tiġi stabbilita. Aktar episodji avversi, irrapportati f'aktar minn jew ugwali għal 5% tal-pazjenti, kienu ipokalemja 9/123; 7%), delirju (9/123; 7%), stitikezza (8/123; 7%), deni (7/123; 6%) u pulmonite (7/123; 6%).

Effetti farmakodinamiċi

Il-farmakodinamika ta' idarucizumab wara l-għoti ta' etessilat tad-dabigatran ġiet investigata f'141 suġġett fi studji ta' Fażi I, li għalihom qiegħda tiġi ppreżentata dejta għal subgrupp

rappreżentattiv ta' 6 suġġetti b'saħħithom ta' bejn 45 u 64 sena li rċevew doża ta' 5 g bħala infużjoni ġol-vini. L-espożizzjoni massima medjana ta' dabigatran fis-suġġetti b'saħħithom investigati kienet fil-medda ta' għoti ta' darbtejn kuljum ta' 150 mg etessilat tad-dabigatran f'pazjenti.

Effett ta' idarucizumab fuq l-espożizzjoni u l-attività antikoagulanti ta' dabigatran

Minnufih wara l-għoti ta' idarucizumab, il-konċentrazzjonijiet fil-plasma ta' dabigatran mhux marbut tnaqqsu b'aktar minn 99%, u dan irriżulta f'livelli mingħajr ebda attività antikoagulanti.

Il-maġġoranza tal-pazjenti urew treġġigħ lura sostnut ta' konċentrazzjonijiet fil-plażma ta' dabigatran għal sa 12-il siegħa (> 90%). F'numru limitat ta' pazjenti, kienu osservati okkorrenza mill-ġdid ta' livelli fil-plażma ta' dabigatran mhux marbut u żieda fl-istess ħin tat-testijiet ta' koagulazzjoni tad-demm, possibbilment dovuti għal ridistribuzzjoni ta' dabigatran mill-periferija. Dan seħħ minn sagħtejn sa 24 siegħa wara l-għoti ta' idarucizumab f'punti ta' żmien ta' ≥ 12 siegħa.

Figura 3 - Livelli ta' dabigatran mhux marbut fil-plażma fil-grupp rappreżentattiv ta' suġġetti b'saħħithom (għoti ta' idarucizumab jew plaċebo f'0 h)

Dabigatran itawwal il-ħin ta' koagulazzjoni tal-markaturi tal-koagulazzjoni bħall-Ħin ta' Thrombin dilwit (dTT), Ħin ta' Thrombin (TT), Ħin tat-Thromboplastin Parzjali Attivat (aPTT) u Ħin ta' Koagulazzjoni Ecarin (ECT), li jipprovdu indikazzjoni approssimattiva tal-intensita tal-antikoagulazzjoni. Valur fil-medda normali wara l-għoti ta' idarucizumab jindika li pazjent ma għadux antikoagulat. Valur ogħla mill-medda normali jista' jirrifletti dabigatran attiv residwali jew kundizzjonijiet kliniċi oħrajn eż. il-preżenza ta' mediċini oħrajn jew koagulopatija ta' trasfużjoni. Dawn it-testijiet intużaw biex jivvalutaw l-effetti antikoagulanti ta' dabigatran. Qlib komplet u sostenibbli ta' titwil tal-ħin ta' koagulazzjoni indott minn dabigatran ġie osservat minnufih wara l-infużjoni ta' idarucizumab, u dan dam tul il-perjodu ta' osservazzjoni kollu ta' mill-inqas 24 siegħa.

Figura 4 - Qlib tat-titwil tal-ħin ta' koagulazzjoni indotta minn dabigatran determinat minn dTT fil-grupp rappreżentattiv ta' suġġetti b'saħħithom (għoti ta' idarucizumab jew plaċebo f'0 h)

Figura 5 - Qlib tat-titwil tal-ħin ta' koagulazzjoni indotta minn dabigatran determinat minn ECT fil-grupp rappreżentattiv ta' suġġetti b'saħħithom (għoti ta' idarucizumab jew plaċebo f'0 h)

Parametri ta' ġenerazzjoni ta' thrombin

Dabigatran jeżerċita effetti li jinħassu fuq il-parameteri tal-potenzjal ta’ thrombin endoġenu (ETP). Il-kura b'idarucizumab innormalizzat kemm il-proporzjon tal-perjodu latenti ta' thrombin kif ukoll il-proporzjon tal-ħin għall-massimu għal livelli tal-linja bażi kif stabbilit 0.5 sa 12-il siegħa wara t-tmiem tal-infużjoni ta' idarucizumab. Idarucizumab waħdu ma wera ebda effett prokoagulanti mkejjel bħala ETP. Dan jissuġġerixxi li idarucizumab ma għandu ebda effett protrombotiku.

Għoti mill-ġdid ta' etessilat tad-dabigatran

24 siegħa wara l-infużjoni ta' idarucizumab, l-għoti mill--ġdid ta' etessilat tad-dabigatran rriżulta f'attività antikoagulanti mistennija.

Immunoġeniċita

Kampjuni ta' serum minn 283 suġġett (224 ikkurati b'idarucizumab) ġew ittestjati għal antikorpi għal idarucizumab qabel u wara l-kura.

Antikorpi pre-eżistenti b'reattività inkroċjata għal idarucizumab ġew rilevati f'madwar 13% (36/283) tas-suġġetti. Ebda impatt fuq il-farmakokinetika jew fuq l-effett riversiv ta' idarucizumab jew reazzjonijiet ta' sensittività eċċessiva ma kienu osservati f'dawn is-suġġetti.

Antikorpi anti-idarucizumab li jfeġġu wara l-kura b'titers baxxi ġew osservati f'4% (9/224) tas-suġġetti, u dan jissuġġerixxi potenzjal immunoġeniku baxx ta' idarucizumab. F'subgrupp ta'

6 suġġetti, idarucizumab ingħata għat-tieni darba, xahrejn wara l-ewwel għoti. Ma ġew rilevati ebda antikorpi anti-idarucizumab f'dawn is-suġġetti qabel it-tieni għoti. F'suġġett wieħed, ġew rilevati antikorpi anti-idarucizumab li feġġew wara l-kura wara t-tieni għoti.

Farmakodinamika ta' qabel l-użu kliniku

Twettaq mudell tat-trawma fil-ħnieżer permezz ta' korriment fil-fwied evidenti wara dożaġġ b'dabigatran sabiex jintlaħqu konċentrazzjonijiet subterapewtiċi ta' madwar 10 darbiet il-livelli fil-plasma tal-bniedem. Idarucizumab qeleb b'mod effettiv u rapidu l-fsada ta' theddida għall-ħajja fi żmien 15-il minuta wara l-injezzjoni. Il-ħnieżer kollha għexu wara dożi ta' idarucizumab ta' madwar 2.5 u 5 g. Mingħajr idarucizumab, il-mortalità fil-grupp antikoagulat kienet ta' 100%.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ddiferiet l-obbligu li jiġu ppreżentati r-riżultati tal-istudji bi Praxbind f'wieħed jew iktar kategoriji tal-popolazzjoni pedjatrika fil-prevenzjoni u kura ta' emorraġija assoċjata ma' dabigatran (ara sezzjoni 4.2 għal informazzjoni dwar l-użu pedjatriku).

5.2Tagħrif farmakokinetiku

Il-farmakokinetika ta' idarucizumab ġiet investigata f'224 suġġett fi studji ta' Fażi I, li għalihom qiegħda tiġi ppreżentata dejta għal subgrupp rappreżentattiv ta' 6 suġġetti b'saħħithom ta' bejn 45 u 64 sena li rċevew doża ta' 5 g bħala infużjoni ġol-vini.

Distribuzzjoni

Idarucizumab wera kinetika ta' dispożizzjoni f'aktar minn fażi waħda u disturb ekstravaskulari limitat. Wara l-infużjoni ġol-vini ta' doża ta' 5 g, il-volum medju ġeometriku ta' distribuzzjoni fi stat fiss (Vss) kien ta' 8.9 L (il-koeffiċjent ġeometriku tal-varjazzjoni kien (gCV) 24.8%).

Bijotrasformazzjoni

Ġew deskritti bosta mogħdijiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-metaboliżmu ta' antikorpi. Dawn il-mogħdijiet kollha jinvolvu bijodegradazzjoni tal-antikorp għal molekuli iżgħar, jiġifieri peptidi jew amminoaċidi żgħar, li mbagħad jiġu assorbiti mill-ġdid u inkorporati fis-sinteżi ġenerali tal-proteini.

Eliminazzjoni

Idarucizumab ġie eliminat rapidament b'eliminazzjoni totali ta' 47.0 mL/min (gCV 18.4%), half-life inizjali ta' 47 minuta (gCV 11.4%) u half-life terminali ta' 10.3 h (gCV 18.9%). Wara għoti ġol-vini ta' 5 g idarucizumab, 32.1% (gCV 60.0%) tad-doża ġiet rkuprata fl-awrina fi żmien perjodu ta' kollezzjoni ta' 6 sigħat u inqas minn 1% fit-18-il siegħa sussegwenti. Huwa ssoponut li l-parti li jifdal tad-doża tiġi eliminata permezz ta' kataboliżmu tal-proteina, prinċipalment fil-kliewi.

Wara l-kura b'idarucizumab, ġiet osservata proteinurja. Il-proteinurja temporanja hija reazzjoni fiżjoloġika għal fluss eċċessiv ta' proteina fil-kliewi wara applikazzjoni bolus/għal żmien qasir ta' 5 g idarucizumab mogħti ġol-vini. Il-proteinurja temporanja normalment laħqet il-massimu wara 4 sigħat wara l-għoti ta' idarucizumab u nnormalizzat ruħha fi żmien 12-24 siegħa. F'każijiet singoli, il-proteinurja temporanja ppersistiet għal aktar minn 24 siegħa.

Pazjenti b’indeboliment tal-kliewi

Fi studji ta' Fażi I, Praxbind ġie investigat f'suġġetti b'eliminazzjoni tal-kreatinina li tvarja minn 44 sa 213 mL/min. Suġġetti b'eliminazzjoni tal-kreatinina inqas minn 44 mL/mL/min ma ġewx studjati fil-Fażi I.

Skont il-livell ta' indeboliment tal-kliewi, l-eliminazzjoni totali tnaqqset meta mqabbla ma' suġġetti b'saħħithom, u dan wassal għal espożizzjoni mnaqqsa ta' idarucizumab.

Abbażi tad-dejta farmakokinetika minn 68 pazjent bi gradi differenti tal-funzjoni renali (eliminazzjoni medjana tal-kreatinina 19.2 - 126 mL/min) huwa stmat li l-esponiment medju għal idarucizumab (AUC0 – 24 h) jiżdied b'26% f'pazjenti b'indeboliment tal-kliewi ħafif (CrCl 60-90 mL/min), b'78% f'pazjenti b'indeboliment tal-kliewi moderat (30-60 mL/min) u b'199% f'pazjenti b'indeboliment tal-kliewi sever (0-30 mL/min). Minħabba li dabigatran jiġi eliminat primarjament permezz tal-kliewi, żidiet fl-esponiment għal dabigatran jidhru wkoll b'funzjoni tal-kliewi li tiggrava.

Abbażi ta' din id-dejta u l-livell ta' qlib lura tal-effett antikoagulanti ta' dabigatran f'pazjenti, l-indeboliment tal-kliewi ma jidhirx li għandu impatt fuq l-effett riversiv ta' idarucizumab, għalkemm il-konklużjoni għal pazjenti b'indeboliment sever tal-kliewi qed tintlaħaq biss minn numru limitat ta' pazjenti.

Pazjenti b’indeboliment tal-fwied

Praxbind ma ġiex studjat f'pazjenti b’indeboliment tal-fwied. Frammenti ta' antikorpi huma magħrufin li jiġu eliminati prinċipalment b'kataboliżmu proteolitiku fil-kliewi. Mhuwiex mistenni impatt ta' indeboliment tal-fwied fuq il-farmakokinetika ta' idarucizumab.

Anzjani/Sess/Razza

Abbażi tal-analiżi farmakokinetika tal-popolazzjoni, is-sess, l-eta u r-razza ma għandhomx effett li jagħmel sens klinikament fuq il-farmakokinetika ta' idarucizumab.

5.3Tagħrif ta' qabel l-użu klinku dwar is-sigurtà

Tagħrif ta' qabel l-użu kliniku, ibbażat fuq studji dwar l-effett tossiku minn dożi ripetuti ta' massimu ta' erba' ġimgħat fil-firien u ġimagħtejn fix-xadini ma juri l-ebda periklu speċjali għall-bnedmin. Studji ta’ sigurtà farmakoloġika ma wrew ebda effett fuq is-sistema respiratorja, nervuża ċentrali jew kardjovaskulari.

Ma sarux studji sabiex jevalwaw il-potenzjal mutaġeniku u karċinoġeniku ta' idarucizumab. Fuq il-bażi tal-mekkaniżmu ta' azzjoni tiegħu u l-karatteristiċi tal-proteini, mhuwa mistenni ebda effett karċinoġeniku jew ġenotossiku.

Ma sarux studji li jivvalutaw l-effetti riproduttivi potenzjali ta' idarucizumab. Ebda effett relatat mal-kura ma ġie identifikat f'tessuti riproduttivi kemm ta' sess kif ukoll ta' ieħor matul studji dwar it-tossiċità ġol-vini b'doża ripetuta sa massimu ta' erba' ġimgħat fil-firien u ta' ġimagħtejn fix-xadini. Barra minn hekk, ma ġie osservat ebda twaħħil ta' idarucizumab mat-tessuti riproduttivi umani fi studju ta' reattività inkroċjata tat-tessuti. Għaldaqstant, riżultati ta' qabel l-użu kliniku ma jissuġġerixxux riskju għall-fertilità jew għall-iżvilupp embriju-fetali.

Ma ġiet osservata ebda irritazzjoni lokali tal-vini wara i.v. jew wara għoti paravenuż ta' idarucizumab. Il-formulazzjoni ta' idarucizumab ma pproduċietx emoliżi tad-demm sħiħ uman in vitro.

6.TAGĦRIF FARMAĊEWTIKU

6.1Lista ta’ eċċipjenti

triidrat tal-aċetat tas-sodju aċidu tal-aċetat

sorbitol polisorbat 20

ilma għall-injezzjoni

6.2Inkompatibbiltajiet

Dan il-prodotti mediċinali m’għandux jitħallat ma’ prodotti mediċinali oħrajn.

6.3Żmien kemm idum tajjeb il-prodott mediċinali

3 snin.

Wara l-ftuħ tal-kunjett, l-istabilita kimika u fiżika ta' idarucizumab waqt l-użu ntweriet għal 6 sigħat f'temperatura ambjentali.

Minn lat mikrobijoloġiku, sakemm il-metodu ta' ftuħ ma jipprekludix ir-riskju ta' kontaminazzjoni mikrobijali, il-prodott għandu jintuża minnufih wara l-ftuħ. Jekk ma jintużax minnufih, il-ħinijiet ta' ħżin waqt l-użu u l-kundizzjonijiet ta' qabel l-użu huma r-responsabilita tal-utent.

6.4Prekawzjonijiet speċjali għall-ħażna

Aħżen fi friġġ (2°C-8°C).

Tagħmlux fil-friża.

Aħżen fil-pakkett oriġinali sabiex tilqa' mid-dawl.

Qabel l-użu, il-kunjett mhux miftuħ jista' jinżamm f'temperatura ambjentali (sa 30 °C) għal massimu ta' 48 siegħa, jekk ikun maħżun fil-pakkett oriġinali sabiex ikun protett mid-dawl. Is-soluzzjoni m’għandhiex tkun esposta għad-dawl għal aktar minn 6 sigħat (f’kunjett mhux miftuħ u/jew waqt l- użu).

Għall-kondizzjonijiet ta’ ħażna wara l-ewwel ftuħ tal-prodott mediċinali, ara sezzjoni 6.3.

6.5In-natura tal-kontenitur u ta’ dak li hemm ġo fih

50 mL soluzzjoni f'kunjett tal-ħġieġ (ħġieġ tat-tip I) b'tapp tal-gomma tal-butil, kappa tal-aluminju u tikketta b'maqbad minn fejn jiddendel integrat.

Daqs tal-pakkett ta' 2 kunjetti.

6.6Prekawzjonijiet speċjali għar-rimi u għal immaniġġar ieħor

Il-prodotti mediċinali parenterali bħal Praxbind għandhom jiġu spezzjonati viżwalment għal frak u telf tal-kulur qabel l-għoti.

Praxbind m’għandux jitħallat ma’ prodotti mediċinali oħrajn. Linja għal ġol-vini pre-eżistenti tista' tintuża għall-għoti ta' Praxbind. Il-linja għandha tiġi flaxxjata bi kloror tas-sodju 9 mg/ml (0.9%) soluzzjoni għall-injezzjoni qabel u wara li tintemm l-infużjoni. Ma għandha tingħata ebda infużjoni oħra b'mod parallel permezz tal-istess aċċess ġol-vini.

Praxbind huwa għal użu ta' darba biss u ma fihx preservattivi (ara sezzjoni 6.3).

Ma ġiet osservata ebda inkompatibilità bejn Praxbind u s-settijiet ta' infużjoni ta' klorur tal-polivinil, polietilen jew poliuretan jew siringi tal-polipropilen.

7.DETENTUR TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

Boehringer Ingelheim International GmbH

Binger Str. 173

D-55216 Ingelheim am Rhein

Il-Ġermanja

8.NUMRU(I) TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SUQ

EU/1/15/1056/001

9.DATA TAL-EWWEL AWTORIZZAZZJONI/TIĠDID TAL-AWTORIZZAZZJONI

Data tal-ewwel awtorizzazzjoni: 20 ta’ Novembru 2015

10.DATA TA’ REVIŻJONI TAT-TEST

Informazzjoni dettaljata dwar dan il-prodott mediċinali tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini http://www.ema.europa.eu.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati