Maltese
A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z

Quinsair (levofloxacin) – Fuljett ta’ tagħrif - J01MA12

Updated on site: 09-Oct-2017

Isem tal-MediċinaQuinsair
Kodiċi ATCJ01MA12
Sustanzalevofloxacin
ManifatturHorizon Pharma Europe BV
33

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-pazjent

Quinsair 240 mg soluzzjoni għan-nebulizzatur

Levofloxacin

Dan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali. Dan ser jippermetti identifikazzjoni ta’ malajr ta’ informazzjoni ġdida dwar is-sigurtà. Inti tista’ tgħin billi tirrapporta kwalunkwe effett sekondarju li jista’ jkollok. Ara t-tmiem ta’ sezzjoni 4 biex tara kif għandek tirrapporta effetti sekondarji.

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tuża din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.

-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anki jekk ikollhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.

-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett

1.X’inhu Quinsair u għalxiex jintuża

2.X’għandek tkun taf qabel ma tuża Quinsair

3.Kif għandek tuża Quinsair

4.Effetti sekondarji possibbli

5.Kif taħżen Quinsair

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1.X’inhu Quinsair u għalxiex jintuża

Quinsair fih mediċina antibijotika msejħa levofloxacin. Jappartjeni għall-grupp ta’ antibijotiċi msejħa fluoroquinolones.

Quinsair jintuża biex jikkura infezzjonijiet tal-pulmun ikkawżati minn Pseudomonas aeruginosa f’adulti b’fibrożi ċistika. Jekk l-infezzjoni ma tiġix ikkurata kif suppost, se tkompli tagħmel ħsara lill- pulmun, u tikkawża problemi addizzjonali fit-teħid tan-nifs.

2. X’għandek tkun taf qabel ma tuża Quinsair

Tużax Quinsair:

-jekk inti allerġiku għal levofloxacin, għal xi antibijotiċi oħrajn li fihom quinolone, bħal moxifloxacin, ciprofloxacin jew ofloxacin, jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina

(elenkati fis-sezzjoni 6)

-jekk qatt kellek problema fit-tendini (infjammazzjoni ta’ tendine jew tendine miksur) matul l- kura b’antibijotiku ieħor li fih quinolone

-jekk tbati mill-epilessija

-jekk inti tqila jew qed tredda’

Twissijiet u prekawzjonijiet

Għid it-tabib tiegħek qabel ma tuża Quinsair jekk għandek jew qatt kellek xi waħda minn dawn li ġejjin:

-Problemi tal-kliewi.

-Reazzjoni allerġika severa. Is-sintomi huma elenkati f’sezzjoni 4.

-Reazzjonijiet severi tal-ġilda

Jekk qed tiġi kkurat bi Quinsair, jista’ jkollok reazzjoni severa tal-ġilda bħal infafet jew leżjonijiet. Għid it-tabib tiegħek jekk tinnota kwalunkwe reazzjonijiet tal-ġilda wara li tuża

Quinsair.

-Problemi fil-fwied. Is-sintomi huma elenkati f’sezzjoni 4.

-Anormalitajiet fir-ritmu tat-taħbit tal-qalb

Quinsair jista’ jikkawża tibdil fir-ritmu tat-taħbit tal-qalb tiegħek, speċjalment jekk tkun qed jieħdu kwalunkwe mediċini biex tikkura problemi tal-qalb jew livelli baxxi ta’ potassium jew magnesium fid-demm. In-nisa li jieħdu dawn it-tipi ta’ mediċini jistgħu jkunu aktar probabbli li jiġu affettwati. Jekk ikollok palpitazzjonijiet jew taħbit irregolari tal-qalb waqt li tkun qed tuża Quinsair, għandek tgħid lit-tabib tiegħek immedjatament.

-Aċċessjonijiet u konvulżjonijiet

Antibijotiċi li fihom quinolone, li jinkludu Quinsair, jistgħu jikkawżaw aċċessjonijiet jew konvulżjonijiet (puplesiji). Jekk dan iseħħ, għandek tieqaf tuża Quinsair u tikkuntattja lit-tabib tiegħek immedjatament.

-Depressjoni jew problemi ta’ saħħa mentali.

-Ħsara fin-nervaturi

Quinsair jista’ jikkawża newropatija periferali (ħsara fin-nervaturi). Jekk ikollok uġigħ, ħruq, tmewwit, tnemnim jew dgħufija f’dirgħajk jew f’riġlejk, ieqaf uża Quinsair u għid lit-tabib tiegħek immedjatament.

-Marda li tikkawża dgħufija tal-muskoli u għeja li tissejjaħ mijastenija gravis.

-Infjammazzjoni ta’ tendini li tikkawża wġigħ, ebusija u/jew nefħa fil-ġogi (tendinite).

-Diffikultà biex tieħu n-nifs li tista’ tvarja minn ħafifa sa severa (bronkospażmu).

-Tisgħol id-demm jew mukus imtebba’ bid-demm mill-passaġġi tan-nifs.

-Defiċjenza ta’ glucose-6-phosphate dehydrogenase

Antibijotiċi li fihom quinolone, bħal Quinsair, jistgħu jikkawżaw pazjenti b’defiċjenza ta’ glucose-6-phosphate dehydrogenase (marda ereditarja rari) li jkunu suxxettibbli għal komplikazzjonijiet tad-demm, u dan iwassal għal żieda f’daqqa fit-temperatura tal-ġisem, sfurija tal-ġilda u tal-membrani mukużi, awrina skura, sfura, għeja, nifs tqil u mgħaġġel, u polz dgħajjef u mgħaġġel. Kellem lit-tabib tiegħek jekk ikollok kwalunkwe mistoqsijiet dwar dan.

-Dijabete

Antibijotiċi li fihom quinolone, li jinkludu Quinsair, jistgħu jikkawżaw il-livelli tal-glucose fid- demm li jkunu jew għoljin iżżejjed jew baxxi żżejjed. Jekk inti dijabetiku, għandek timmonitorja l-livelli tal-glucose fid-demm b’attenzjoni.

-Dijarea

Inti tista’ tiżviluppa dijarea matul jew wara l-kura tiegħek bi Quinsair. Jekk din issir severa jew persistenti, jew jekk tinnota d-demm fl-ippurgar, għandek tieqaf tuża Quinsair immedjatament u tkellem lit-tabib tiegħek. M’għandek tieħu l-ebda mediċina biex tikkura d-dijarea mingħajr ma l-ewwel tiċċekkja mat-tabib tiegħek.

-Reżistenza għall-antibijotiċi

Il-batterji jistgħu jsiru reżistenti għall-kura b’antibijotiku maż-żmien. Dan ifisser li Quinsair m’għandux jintuża biex jipprevjeni infezzjonijiet tal-pulmun. Għandu jintuża biss biex jikkura infezzjonijiet tal-pulmun ikkawżati minn Pseudomonas aeruginosa. Kellem lit-tabib tiegħek jekk ikollok kwalunkwe tħassib jew mistoqsijiet dwar dan.

-Superinfezzjonijiet

Kultant, il-kura fit-tul bl-antibijotiċi tista’ tfisser li se tiżviluppalek infezzjoni oħra kkawżata minn batterji oħrajn li ma jiġux affettwati mill-antibijotiku (superinfezzjoni). Kellem lit-tabib tiegħek jekk ikollok kwalunkwe tħassib jew mistoqsijiet dwar dan u kif tuża Quinsair.

-Problemi tal-vista

Jekk tinnota kwalunkwe tibdil ieħor fil-vista jew kwalunkwe problemi oħrajn f’għajnejk waqt li tkun qed tuża Quinsair, ikkuntattja lil speċjalista tal-għajnejn immedjatament.

-Sensittività għad-dawl

Quinsair jista’ jagħmel il-ġilda tiegħek iktar sensittiva għad-dawl tax-xemx. Għandek tevita espożizzjoni fit-tul għad-dawl tax-xemx jew dawl tax-xemx qawwi u m’għandekx tuża sunbeds jew kwalunkwe bozoz oħrajn tal-UV waqt li tkun tuża Quinsair u għal 48 siegħa wara li twaqqaf il-kura.

-Riżultati foloz tat-testijiet

Ċerti testijiet (eż. biex jikkonfermaw it-tuberkulożi jew skrining għal mediċini qawwija li jtaffu l-uġigħ) jistgħu jagħtu riżultati foloz waqt li tkun qed tiġi kkurat bi Quinsair.

Tfal u adolexxenti

Quinsair m’għandux jingħata lil tfal u adolexxenti li għandhom inqas minn 18-il sena għax m’hemmx informazzjoni biżżejjed dwar l-użu tiegħu f’dan il-grupp ta’ età.

Mediċini oħra u Quinsair

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qiegħed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċina oħra. Dawn il-mediċini jistgħu jinterferixxu mal-effetti ta’ Quinsair.

Għid lit-tabib tiegħek jekk qed tieħu xi waħda mill-mediċini li ġejjin:

-Antagonisti ta’ vitamina K bħal warfarin (jintuża biex jipprevjeni emboli tad-demm). Li tieħu dawn il-mediċini ma’ Quinsair jista’ jwassal għal żieda fil-ħruġ ta’ demm. it-tabib tiegħek jista’ jkollu bżonn li jagħmillek testijiet regolari tad-demm biex jiċċekkja kemm jista’ jagħqad tajjeb id-demm tiegħek.

-Theophylline (jintuża biex jikkura problemi tan-nifs) jew mediċini mhux sterojdi kontra l-infjammazzjoni (non-steroidal anti-inflammatory medicines, NSAIDs) bħal fenbufen, acetylsalicylic acid (sustanza preżenti f’ħafna mediċini li jintużaw biex itaffu l-uġigħ u jbaxxu d-deni, kif ukoll biex jipprevjenu t-tagħqid tad-demm) jew ibuprofen. Li tieħu Quinsair fl-istess

ħin ma’ dawn il-mediċini jista’ jżid ir-riskju tiegħek li jkollok puplesija (aċċessjoni).

-Mediċini bħal probenecid (jintuża biex jipprevjeni l-gotta) jew cimetidine (jintuża biex jikkura l-ulċeri). Li tieħu Quinsair fl-istess ħin ma’ dawn il-mediċini jista’ jaffettwa l-mod li bih il-kliewi tiegħek jaġixxu fuq il-mediċina, li hu partikularment importanti jekk inti tbati minn problemi tal-kliewi.

-Ciclosporin (jintuża wara trapjanti tal-organi) jew mediċini li jaffettwaw it-taħbit tal-qalb tiegħek (bħal mediċini antiarritimiċi, antidepressanti triċikliċi, antibijotiċi macrolide jew antipsikotiċi). Quinsair jista’ jinterferixxi mal-effetti ta’ dawn il-mediċini. It-tabib tiegħek se jispjegalek aktar dwar dan.

Tqala u treddigħ

Quinsair ma jridx jintuża waqt li mara tkun tqila jew tkun qed tredda’. Għid lit-tabib tiegħek jekk inti tqila jew qed tredda’, taħseb li tista tkun tqila jew qed tippjana li jkollok tarbija.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Quinsair jista’ jġiegħlek tħossok stordut, għajjien jew dgħajjef, jew jikkawża problemi fil-vista. Jekk dan jiġri lilek, issuqx u tużax għodda jew makkinarju.

3.Kif għandek tuża Quinsair

Dejjem għandek tuża din il-mediċina eżatt skont il-parir tat-tabib tiegħek. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat-tabib tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Kemm għandi nuża?

Iġbed man-nifs il-kontenut ta’ ampulla waħda (240 mg) darbtejn kuljum billi tuża s-Sistema tan-Nebulizzatur Zirela. Se ddum madwar 5 minuti biex tiġbed man-nifs il-mediċina billi tuża n-nebulizzatur.

Meta għandi nużah?

Li tiġbed man-nifs lil Quinsair fl-istess ħin kuljum se jgħinek tiftakar meta għandek tieħu l-mediċina. Iġbed man-nifs il-mediċina tiegħek kif ġej:

-ampulla 1 filgħodu billi tuża n-Nebulizzatur Zirela

-ampulla 1 filgħaxija billi tuża n-Nebulizzatur Zirela

L-aħjar metodu hu li tħalli intervall qrib it-12-il siegħa bejn id-dożi tiegħek.

Kemm għandi ndum nużah?

Għandek tuża Quinsair kuljum għal 28 jum, imbagħad ma tiħux mediċina għal 28 jum (matul dawn it- 28 jum ma tiġbidx man-nifs kwalunkwe Quinsair). Imbagħad għandek tibda kors ieħor ta’ kura.

Hu importanti li tkompli tuża l-mediċina darbtejn kuljum matul it-28 jum li fihom tkun qed tieħu l-kura, u li żżomm iċ-ċiklu ta’ 28 jum fuq il-kura segwiti minn 28 jum mingħajr kura għal kemm it- tabib tiegħek jgħidlek biex tagħmel hekk.

Irrepeti ċ-ċiklu

UŻA Quinsair

 

TIĦUX Quinsair

Użah darbtejn kuljum

 

Tużahx għat-28 jum ta'

għal 28 jum

 

wara

 

 

 

Jekk ikollok diffikultajiet biex tieħu n-nifs meta tuża Quinsair, x’mediċina addizzjonali jista’ jagħtik riċetta għaliha t-tabib tiegħek?

Jekk ikollok diffikultajiet biex tieħu n-nifs wara li tuża Quinsair, it-tabib tiegħek jista’ jagħtik riċetta għal inalatur li jkun fih mediċina għal bronkodilatur (eż. salbutamol). Iġbed man-nifs din il-mediċina mill-inqas 15 minuta jew għal sa 4 sigħat qabel id-doża tiegħek li jkun imiss ta’ Quinsair.

X’jiġri jekk inkun qed nuża diversi inalaturi differenti u terapiji oħrajn għal fibrożi ċistika?

Jekk tkun qed tuża diversi kuri differenti ta’ mediċini u terapiji li jinġibdu man-nifs għal fibrożi ċistika, hu rakkomandat li tuża l-mediċini tiegħek fis-sekwenza li ġejja:

1el

Bronkodilaturi

2ni

Dornase alfa

3et

Tekniki ta’ kklerjar tal-passaġġ tal-arja

4ba’

Quinsair

5es

Sterojdi li jinġibdu man-nifs

Kif tużah

Quinsair għandu jittieħed permezz tal-ġbid man-nifs billi tuża Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela (li jinkludi Zirela Aerosol Head). Dan għandu jiġi kkonnettjat jew ma’ eBase Controller jew ma’ eFlow rapid Control Unit.

Informazzjoni importanti li għandek tkun taf qabel ma tibda

-Kull ampulla hi biex tintuża darba biss. Ġaladarba ampulla tinfetaħ, il-kontenut għandu jintuża immedjatament.

-Tużax Quinsair jekk tinnota li l-qartas fil-fojl issiġillat jew l-ampulla jkunu ġew imbagħbsa.

-Tużax Quinsair jekk tinnota li jkun imċajpar jew jekk ikun hemm il-frak fis-soluzzjoni.

-Tħallatx Quinsair ma’ kwalunkwe mediċini oħrajn fis-Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela.

-Tpoġġix kwalunkwe mediċini oħrajn ħlief Quinsair fis-Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela.

-Tippruvax tiġbed man-nifs lil Quinsair billi tuża kwalunkwe tip ieħor ta’ sett tal-idejn tan-nebulizzatur.

-Iċċekkja li s-Sistema tan-Nebulizzatur Zirela tiegħek tkun taħdem kif suppost qabel ma tibda l-kura.

-Tiblax il-likwidu fl-ampulla.

Aqra b’attenzjoni l-Istruzzjonijiet tal-Użu tal-Manifattur li huma pprovduti mas-Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela tiegħek.

Kif tipprepara s-Sistema tan-Nebulizzatur tiegħi biex niġbed man-nifs il-mediċina?

Żomm l-Istruzzjonijiet tal-Użu ta’ Zirela f’post sigur għax dawn jagħtu d-dettalji sħaħ dwar kif timmonta t-tagħmir.

1)Aċċerta ruħek li s-Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela ikun fuq wiċċ ċatt u stabbli.

2)Agħfas il-kontenut kollu ta’ ampulla waħda ġol-kontenitur tal-mediċina tas-Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela (Figura 1). Żgura li tkunx battalt kompletament l-ampulla, billi ttektikha bil-mod mal-ġenb tal-kontenitur jekk ikun meħtieġ.

Kontenituri tal-mediċina

Figura 1

3)Agħlaq il-kontenitur tal-mediċina billi tallinja t-tabs tal-għatu tal-mediċina mas-slotts tal-kontenitur (a). Agħfas l-għatu ’l isfel u dawru lejn il-lemin sakemm tista’ (b, Figura 2b).

Tab

Tab Slot

Figura 2

Kif nuża s-Sistema tan-Nebulizzatur Zirela?

1)Meta tibda l-kura, oqgħod bilqiegħda f’pożizzjoni rilassata u vertikali.

2)Billi żżomm is-sett tal-idejn b’mod orizzontali, agħfas u żomm il-buttuna on/off fuq il- kontrollur għal ftit sekondi. Se tisma ‘beep’ waħda, u d-dawl li juri l-istat isir aħdar.

3)Wara ftit sekondi, ċpar tal-aerosol se jibda jnixxi ġol-kompartiment tal-aerosol tal-Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela. Jekk iċ-ċpar tal-aerosol ma jibdiex inixxi, jekk jogħġbok irreferi għall-Istruzzjonijiet tal-Użu tal-Manifattur ta’ manwal ta’ Zirela għall-għajnuna.

4)Billi żżomm is-sett tal-idejn b’mod orizzontali, poġġi l-biċċa tal-ħalq f’ħalqek u agħlaq xufftejk madwarha (Figura 3).

Figura 3

5)Ħu n-nifs b’mod normali (ħu n-nifs ’il ġewwa u ’l barra) minn ġol-biċċa tal-ħalq. Ipprova tiħux nifs minn imnieħrek. Kompli ħu n-nifs ’il ġewwa u ’l barra bil-kumdità sakemm is-sessjoni tal-kura tintemm. Se ddum madwar 5 minuti biex tiġbed man-nifs il-mediċina billi tuża n-nebulizzatur.

6)Meta l-mediċina kollha tkun ġiet fornuta, se tisma’ żewġ ‘beeps’, li jfissru li l-kura tkun lesta.

7)Ġaladarba l-kura tkun lesta, iftaħ l-għatu tal-mediċina biex tiżgura li l-mediċina kollha tkun intużat. Jista’ jibqa’ xi ftit qtar tal-mediċina fil-qiegħ tal-kontenitur fit-tmiem tal-kura. Dan hu okej. Madankollu, jekk jibqa’ iżjed minn ftit qtar, poġġi l-għatu tal-mediċina f’postu u ibda l-kura mill-ġdid.

8)Ġaladarba l-kura tkun lesta, skonnettja l-kontrollur u żarma s-Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur

Zirela biex tnaddfu u tiddiżinfettah. L-Istruzzjonijiet tal-Użu tal-Manifattur se jagħtuk id-dettalji sħaħ dwar kif għandek tnaddfu u tiddiżinfettah.

X’jiġri jekk ikolli bżonn inwaqqaf il-kura qabel ma nkun lestejt?

Jekk għal xi raġuni tkun trid twaqqaf il-kura qabel ma tkun lesta, agħfas u żomm il-buttuna on/off tal-kontrollur għal sekonda waħda. Wara li t-tagħmir ikun intefa awtomatikament u meta tkun lest biex terġa’ tibda, agħfas u żomm il-buttuna on/off għal sekonda waħda mill-ġdid. Il-kura se tibda mill-ġdid. Inti trid tieħu n-nifs ’il ġewwa u ’l barra minn ġol-biċċa tal-ħalq bħal qabel.

Kif u meta għandi nibdel is-Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela?

Sett tal-idejn wieħed tan-nebulizzatur għandu jintuża għal kors ta’ kura wieħed ta’ 28 jum. Jekk jogħġbok irreferi għall-Istruzzjonijiet tal-Użu tal-Manifattur għal dettalji dwar kif tnaddfu u taħżnu.

Jekk tuża Quinsair aktar milli suppost

Jekk tuża Quinsair aktar milli suppost, għid lit-tabib tiegħek kemm jista’ jkun malajr. Jekk il-kontenut tal-ampulla jinbela’, tinkwetax, iżda għid lit-tabib tiegħek kemm jista’ jkun malajr.

Jekk tinsa tuża Quinsair

Jekk tinsa tieħu doża, uża t-tagħmir hekk kif tiftakar, sakemm ikun hemm intervall ta’ 8 sigħat qabel tiġbed man-nifs id-doża li jkun imiss. Madankollu, jekk ikun kważi sar il-ħin għad-doża li jmiss, tiħux id-doża li tkun qbiżt.

Tiġbidx man-nifs il-kontenut ta’ iktar minn ampulla biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu.

Jekk tieqaf tuża Quinsair

Tiqafx tuża Quinsair mingħajr ma l-ewwel titkellem mat-tabib tiegħek, għax l-infezzjoni tal-pulmun tista’ taggrava.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek

4.Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.

Xi effetti sekondarji jistgħu jkunu serji

Ikseb kura medika urġenti immedjatament jekk tinnota reazzjoni allerġika severa wara li tiġbed man-nifs Quinsair. Is-sintomi jinkludu:

-Ħakk ġenerali u tħoss is-sħana - dawn jaffettwaw speċjalment lill-qorriegħa, il-ħalq, il-gerżuma, il-pali tal-idejn jew il-qiegħ tas-saqajn

-Tħarħir sever, jew nifs bil-ħsejjes jew diffikultà biex tieħu n-nifs

-Urtikarja/ħorriqija severa

-Nefħa fix-xufftejn, fil-wiċċ, fil-gerżuma jew fl-ilsien

-Kulur tal-ġilda pallidu jew li jagħti fil-griż

-Taħbit mgħaġġel tal-qalb

-Iħossok ħażin jew tintilef minn sensik

Għandek tieqaf tuża Quinsair u tgħid lit-tabib tiegħek immedjatament:

-jekk ikollok uġigħ, ebusija u/jew nefħa fil-ġogi

-jekk tiżviluppa problemi tal-fwied. Is-sintomi jinkludu:

-Telf ta’ aptit

-Sfurija tal-ġilda u tal-għajnejn (suffejra)

-Awrina skura

-Ħakk

-Sensittività (uġigħ) madwar l-istonku (iż-żaqq)

Effetti sekondarji oħra jistgħu jinkludu:

Komuni ħafna: jistgħu jaffettwaw iktar minn 1 persuna minn kull 10

-Sogħla

-Sens mhux normali tat-togħma

-Għeja, dgħufija u tolleranza aktar baxxa għall-eżerċizzju

-Telf ta’ aptit u tnaqqis fil-piż

-Qtugħ ta’ nifs

-Tibdil fl-ammont u l-ħxuna tal-mukus/imħat

-Tisgħol id-demm

-Tnaqqis fl-ammont ta’ arja li jintefa’ ’l barra man-nifs f’sekonda (tnaqqis fit-test tal-FEV1)

Komuni: jistgħu jaffettwaw sa 1 persuna minn kull 10

-Infezzjoni fungali madwar il-vaġina

-Insomnija jew diffikultà biex torqod

-Uġigħ ta’ ras

-Sturdament

-Żanżin jew ħsejjes fil-widnejn (tinnite)

-Tibdil fil-vuċi

-Dardir u rimettar

-Uġigħ ta’ żaqq

-Dijarea

-Stitikezza

-Raxx

-Uġigħ fil-ġogi jew fil-muskoli

-Deni

-Testijiet tad-demm b’riżultat mhux normali (żieda fil-livelli ta’ ċerti enzimi tal-fwied jew bilirubina fid-demm u tnaqqis fit-test tal-funzjoni tal-kliewi)

-Tnaqqis fit-test tal-funzjoni tal-pulmun

-Żieda jew tnaqqis fl-ammont ta’ zokkor (glucose) fid-demm

-Ħsejjes mhux normali tan-nifs

Mhux komuni: jistgħu jaffettwaw sa persuna 1 minn kull 100

-Infezzjoni fungali tal-ħalq

-Numri baxxi ta’ ċelluli ħomor fid-demm (anemija) jew taċ-ċelluli fid-demm li jgħinuh biex jagħqad (plejtlits)

-Numri baxxi jew għoljin ta’ ċelluli bojod fid-demm

-Tħossok ansjuż, bla kwiet u aġitat u/jew depress

-Tnaqqis fis-sens tax-xamm

-Tħossok bi ngħas

-Tibdil fil-vista

-Telf ta’ smigħ

-Żieda fit-taħbit tal-qalb

-Diffikultà biex tieħu n-nifs

-Dardir

-Indiġestjoni

-Ikollok il-gass

-Ħakk/ħorriqija u ħakk

-Uġigħ fil-ħajt tas-sider

-Insuffiċjenza tal-kliewi

-Tibdil fir-ritmu ta’ taħbit tal-qalb

L-effetti sekondarji li ġejjin ġew irrappurtati wkoll wara t-teħid tal-pilloli jew infużjoni ġol-vini li jkun fiha levofloxacin, u għalhekk jistgħu possibbilment iseħħu wara l-użu ta’ Quinsair:

Mhux komuni: jistgħu jaffettwaw sa 1 minn kull 100 persuna

-Tħossok konfuż jew nervuż

-Roghda

-Sensazzjoni ta’ sturdament, mejt jew li tkun qed taqa’ (vertigo)

-Għaraq eċċessiv

Rari: jistgħu jaffettwaw sa 1 minn kull 1,000 persuna

-Alluċinazzjonijiet u/jew tħossok paranojde

-Tħossok aġitat

-Ħolm mhux tas-soltu jew ħmar il-lejl

-Konvulżjonijiet (puplesiji)

-Sensazzjoni ta’ tnemnim (qisu xi ħadd qed iniggżek bil-labar) u/jew tmewwit

-Palpitazzjonijiet

-Pressjoni baxxa

-Dgħufija fil-muskoli

Mhux magħruf: ma tistax tittieħed stima mid-data disponibbli

-Numri baxxi ta’ kull tip ta’ ċelluli fid-demm

-Koma dijabetika

-Problemi mentali severi (li f’każijiet rari ħafna jistgħu jwasslu għal ħsara li ssir minn dak li jkun fuqu nnifsu)

-Uġigħ, ħruq, tnemnim, tmewwit u/jew debbulizza fir-riġlejn jew fid-dirgħajn (newropatija)

-Movimenti involontarji tal-muskoli, kontrazzjonijiet jew spażmi tal-muskoli

-Ħass ħażin

-Uġigħ ta’ ras qawwi ħafna b’telf tal-vista

-Telf temporanju tal-vista

-Taħbit tal-qalb mgħaġġel jew mhux normali

-Infjammazzjoni tal-pulmun

-Reazzjonijiet severi tal-ġilda bħal infafet jew leżjonijiet bl-uġigħ, possibbilment fil-ħalq, fl- imnieħer jew fil-vaġina

-Żieda fis-sensittività tal-ġilda għax-xemx jew dawl UV (sunbeds jew lampi UV oħrajn)

-Infjammazzjoni tal-vini jew arterji

-Nefħa tal-ħalq jew tax-xufftejn

-Tkissir mgħaġġel tal-muskoli

-Infjammazzjoni ta’ tendin jew tendin miksur

-Uġigħ li jinkludi wġigħ fid-dahar, fis-sider, fid-dirgħajn u fir-riġlejn

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5.Kif taħżen Quinsair

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq l-ampulla, il-qartas tal-fojl u l-kaxxi wara JIS. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Kull ampulla hi biex tintuża darba biss. Ġaladarba ampulla tinfetaħ, il-kontenut għandu jintuża immedjatament. Kwalunkwe prodott mhux użat irid jintrema. Poġġi lura f’posthom kwalunkwe ampulli mhux użati u mhux miftuħin mill-istrixxa lura ġol-qartas sabiex tilqa’ mid-dawl.

Aħżen fil-pakkett oriġinali sabiex tilqa’ mid-dawl. Din il-mediċina m’għandhiex bżonn l-ebda kundizzjoni ta’ temperatura speċjali għall-ħażna.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Quinsair

-Is-sustanza attiva hi levofloxacin. Ampulla waħda fiha levofloxacin hemihydrate ekwivalenti għal 240 mg ta’ levofloxacin.

-Is-sustanzi l-oħra huma magnesium chloride hexahydrate u ilma għall-injezzjonijiet.

Kif jidher Quinsair u l-kontenut tal-pakkett

Quinsair hu soluzzjoni għan-nebulizzatur ċara, ta’ lewn isfar ċara.

Il-mediċina tiġi f’ampulli żgħar tal-plastik ta’ 3 ml. Erba’ ampulli huma ssiġillati f’qartas tal-fojl u kull kaxxa jkun fiha 14-il qartas.

Kull pakkett ta’ 28 jum ta’ Quinsair fih kaxxa waħda ta’ 56 (14-il qartas ta’ 4) ampulla u kaxxa waħda li jkun fiha Sett tal-Idejn tan-Nebulizzatur Zirela flimkien mal-Istruzzjonijiet tal-Użu tal-Manifattur.

L-ampulla fiha tikketta bl-Ingliż biss. L-informazzjoni li tidher fuq l-ampulla hi:

Fuq in-naħa ta’ quddiem tad-denb tal-ampulla

Quinsair 240 mg

Soluzzjoni tan-Nebulizzatur

 

Levofloxacin

 

Għal biex jinġibed man-nifs

2.4 ml

Fiż-“żona crimped” fuq iż-żewġ naħat tad-denb tal-ampulla

LOT

EXP

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq

Horizon Pharma Europe B.V.

Naritaweg 165

1043 BW Amsterdam

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Manifattur

Adare Pharmaceuticals S.r.l. Via Martin Luther King, 13

20060 Pessano con Bornago (MI) L-Italja

Għal kull tagħrif dwar din il-mediċina, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Detentur ta’ l-Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-Suq.

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’

Sorsi oħra ta’ informazzjoni

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-

Mediċini: http://www.ema.europa.eu/. Hemm ukoll links għal siti elettroniċi oħra dwar mard rari u kura.

Kummenti

A B C D E F G H I J K L M N O P Q R S T U V W X Y Z
  • Għajnuna
  • Get it on Google Play
  • Dwar
  • Info on site by:

  • Presented by RXed.eu

  • 27558

    Drogi ta’ preskrizzjoni elenkati