Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-pazjent
Votrient 200 mg pilloli miksijin b’rita
Votrient 400 mg pilloli miksijin b’rita
Pazopanib
Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tieħu din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.
-Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.
-Jekk ikollok aktar mistoqsijiet staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.
-Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara anke jekk għandhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.
-Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.
F’dan il-fuljett:
1.X’inhu Votrient u għalxiex jintuża
2.X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Votrient
3.Kif għandek tieħu Votrient
4.Effetti sekondarji possibbli
5. Kif taħżen Votrient
6.Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra
1.X’inhu Votrient u għalxiex jintuża
Votrient huwa tip ta’ mediċina msejħa inibitur ta’ protein kinase. Taħdem billi timpedixxi l-attivita ta’ proteini li jieħdu sehem fit-tkabbir u t-tixrid ta’ ċelloli tal-kanċer.
Votrient jintuża fl-adulti biex jikkura:
-kanċer tal-kliewi li huwa avanzat jew li nfirex f’organi oħrajn.
-ċertu forom ta’ sarkoma tat-tessut l-artab, tip ta’ kanċer li jaffettwa t-tessuti ta’ sapport tal- ġisem. Jista’ jseħħ fil-muskoli, kanali tad-demm, tessut tax-xaħam jew f’tessuti oħra li jissapportjaw, jinstabu madwar u jipproteġu l-organi.
2. X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Votrient
Tiħux Votrient
-jekk inti allerġiku għal pazopanib jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (imniżżla fis- sezzjoni 6).
Jekk taħseb li dan jgħodd għalik iċċekkja mat-tabib tiegħek.
Tieħux Votrient.
Twissijiet u prekawzjonijiet
Kellem lit-tabib qabel tieħu Votrient:
-jekk għandek mard tal-qalb.
-jekk għandek mard tal-fwied.
-jekk kellek insuffiċjenza tal-qalb jew attakk tal-qalb.
-jekk kellek kollass ta’ pulmun.
-jekk kellek problemi ta’ fsada, emboli tad-demm, jew tidjiq ta’ l-arterji.
-jekk kellek problemi fl-istonku jew l-imsaren bħal perforazzjoni (toqba) jew fistula (passaġġi
abnormali li jiffurmaw bejn partijiet tal-musrana).
Għid lit-tabib tiegħek jekk xi waħda minn dawn tapplika għalik. It-tabib tiegħek jiddeċiedi jekk Votrient hux tajjeb għalik. Għandu mnejn ikollok bżonn testijiet oħra biex tiċċekja jekk qalbek u l- fwied hux qed jaħdmu sew.
Pressjoni għolja tad-demm u Votrient
Votrient jista’ jgħollilek il-pressjoni tad-demm. Il-pressjoni tad-demm tiegħek għandha tkun iċċekkjata qabel ma tieħu Votrient u waqt li qed toħodha. Jekk għandek pressjoni tad-demm għolja tingħata mediċini oħra sabiex tnaqqasha.
-Għid lit-tabib tiegħek jekk għandek il-pressjoni tad-demm għolja.
Jekk ser tagħmel operazzjoni
It-tabib tiegħek iwaqqaf il-Votrient tal-anqas sebat ijiem qabel l-operazzjoni tiegħek għax jista’ jaffettwa l-fejqan tal-ferita. It-trattament tiegħek jerġa’ jinbeda meta l-ferita tkun fieqet sew.
Kundizzjonijiet li għandek toqgħod attent għalihom
Votrient jista’ jiggrava xi kundizzjonijiet jew jikkawża effetti sekondarji serji, bħalma huma kundizzjonijiet tal-qalb, fsada, u problemi tat-tirojde. Għandek toqgħod attent għal ċertu sintomi waqt li qed tieħu Votrient biex tnaqqas ir-riskju ta’ xi problemi. Ara ‘Kundizzjonijiet li għandek toqgħod attent għalihom‘ f’Sezzjoni 4.
Tfal u adolexxenti
Votrient mhux irrakkomandat għal persuni b’età inqas minn 18-il sena. Għad mhux magħruf kemm jaħdem tajjeb f’dan il-grupp ta’ età. Barra minn hekk m’għandux jintuża fi tfal iżgħar minn sentejn minħabba tħassib dwar is-sigurtà.
Mediċini oħra u Votrient
Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċini oħra. Dan jinkludi mediċini tal-ħxejjex u mediċini oħra li xtrajt mingħajr riċetta.
Xi mediċini jistgħu jaffettwaw kif jaħdem Votrient jew iżidu l-possibliltà li jkollok effetti sekondarji. Votrient jista’ wkoll jaffettwa kif jaħdmu xi mediċini oħrajn. Dawn jinkludu:
-clarithromycin, ketoconazole, itraconazole, rifampicin, telithromycin, voriconazole (użati għal kura tal-infezzjonijiet).
-atazanavir, indinavir, nelfinavir, ritonavir, saquinavir (użati għall-kura tal-HIV).
-nefazodone (użati għall-kura tad-depressjoni).
-simvastatin u possibilment statins oħra (użati biex jikkuraw livelli għolja ta’ kolesterol).
-mediċini li jnaqqsu l-aċidu fl-istonku. It-tip ta’ mediċina li inti qiegħed/da tieħu biex tnaqqas
l-aċidu fl-istonku tiegħek (eż. impeditur tal-pompa tal-proton, antagonisti tar-riċettur H2 jew mediċini kontra l-aċidu) jistgħu jaffettwaw il-mod li bih jittieħed Votrient. Jekk jogħġbok
kellem lit-tabib jew lill-infermier tiegħek għal parir.
Għid lit-tabib jew l-ispiżjar tiegħek jekk qed tieħu xi wħud minn dawn.
Votrient ma’ ikel u xorb
Tieħux Voltrient mal-ikel, għax jaffettwa l-mod kif tiġi assorbita l-mediċina. Ħudu tal-anqas sagħtejn wara l-ikel jew siegħa qabel ikla.
Tixrobx meraq tal-grejpfrut waqt li tkun qed tieħu trattament b’Votrient għax dan jista’ jżid iċ-ċans ta’ effetti sekondarji.
Tqala, treddigħ u fertilità
Votrient mhuwiex irrakomandat jekk inti tqila. L-effett ta’ Votrient matul it-tqala mhuwiex magħruf.
-Għid lit-tabib tiegħek jekk inti tqila jew qed tippjana li tinqabad tqila
-Uża metodu effettiv ta’ kontraċezzjoni waqt li qed tieħu Votrient, u mill-inqas għal ġimgħatejn wara, sabiex ma tinqabadx tqila
-Jekk tinqabad tqila waqt it-trattament b’Votrient, għid lit-tabib tiegħek
Treddax waqt li qed tieħu Votrient. Mhuwiex magħruf jekk l-ingredjenti f’Votrient jgħaddux għal ġol-ħalib tas-sider. Kellem lit-tabib tiegħek dwar dan.
Pazjenti rġiel (inkluż dawk li għamlu vażektomija) li s-sieħba tagħhom hi tqila jew tista’ toħroġ tqila (inkluż dawk li jużaw mezzi oħrajn ta’ kontraċezzjoni) għandhom jużaw kondoms waqt li jkollhom x’jaqsmu sesswalment huma u jieħdu Votrient u għal mill-inqas ġimagħtejn wara l-aħħar doża.
Il-fertilità tista’ tkun affettwata minn kura b’Votrient. Kellem lit-tabib tiegħek dwar dan.
Sewqan u tħaddim ta’ magni
Votrient jista’ jkollu effetti sekondarji li jistgħu jaffettwaw l-abbiltà tiegħek li ssuq jew tħaddem magni.
-Għandek tevita li ssuq jew tħaddem magni jekk tħossok sturdut, għajjien jew mitluq, jew jekk tħoss nuqqas ta’ enerġija.
3.Kif għandek tieħu Votrient
Dejjem għandek tieħu din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib. Iċċekkja mat-tabib jew mal- ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.
Kemm għandek tieħu
Id-doża li ssoltu tingħata hija żewġ pilloli ta’ Votrient tal-400 mg (800 mg pazopanib) meħudin darba kuljum. Din hija d-doża massima kuljum. It-tabib tiegħek għandu mnejn ikollu bżonn inaqqaslek id-doża jekk ikollok effetti sekondarji.
Meta għandek tieħu
Tieħux Votrient mal-ikel. Ħudu tal-anqas sagħtejn wara l-ikel, jew siegħa qabel l-ikel.
Per eżempju, tista tieħdu sagħtejn wara l-ikel ta’ filgħodu jew siegħa qabel l-ikla ta’ nofsinhar. Ħu l- Votrient madwar l-istess ħin kuljum.
Ibla l-pilloli sħaħ mal-ilma, waħda wara l-oħra. Tkissirx jew tfarrakx il-pilloli għax jaffettwa l-mod kif il-mediċina hija assorbita u jista’ jżid iċ-ċans ta’ effetti sekondarji.
Jekk tieħu Votrient aktar milli suppost
Jekk tieħu iżjed pilloli milli suppost, kellem tabib jew spiżjar għall-parir. Jekk hu possibli, urihom il- pakkett, jew dan il-fuljett.
Jekk tinsa tieħu Votrient
M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal kull doża li tkun insejt tieħu. Ħu biss id-doża li jmiss fil-ħin tas-soltu.
Twqqafx Votrient mingħajr parir
Ħu Votrient għal tul ta’ żmien kif jgħidlek it-tabib tiegħek. Tiqafx sakemm ma jgħidlekx it-tabib tiegħek.
4.Effetti sekondarji possibbli
Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.
Kundizzjonijiet li trid toqgħod attent għalihom
Nefħa fil-moħħ (sindrome tal-lewkoenċefalopatija posterjuri riversibbli li hija disturb fil-moħħ) F’okkażjonijiet rari Votrient jista’ jikkawża nefħa fil-moħħ, li tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja. Is- sintomi jinkludu:
-telf tal-kelma
-tibdil fil-vista
-aċċessjonijiet
-konfużjoni
Ieqaf ħu Votrient u fittex parir mediku immedjatament jekk ikollok xi wieħed minn dawn is- sintomi, jew jekk ikollok uġigħ ta’ ras akkumpanjat b’xi wieħed minn dawn is-sintomi.
Kundizzjonijiet tal-qalb
Votrient jista’ jaffettwa t-taħbit tal-qalb (titwil tal-intervall QT) li f’xi nies jista’ ji\viluppa f’kundizzjoni tal-qalb potenzjalment serja magħrufa bħala Torsade de Pointes. Dan jista’ jirriżulta f’taħbit tal-qalb mgħaġġel ħafna li jikkawża telf f’daqqa ta’ koxjenza. Ir-riskji ta’ dawn il-problemi jistgħu jkunu ogħla għan-nies li għandhom problema b’qalbhom, jew li qed jieħdu mediċini oħrajn. Waqt li qed tieħu Votrient għandek tkun iċċekkjat għal problemi tal-qalb.
-Għid it-tabib tiegħek jekk tinduna b’xi tibdil mhux tas-soltu fit-taħbit ta’ qalbek, bħal taħbit jgħaġġel wisq jew bil-mod wisq.
Infjammazzjoni tal-Pulmun
Votrient f’xi okkażjonijiet rari jista’ jikkawża infjammazzjoni tal-pulmun (pnewmonite), li f’xi persuni tista’ tkun fatali. Is-sintomi jinkludu qtugħ ta’ nifs jew sogħla. Inti ser tiġi ċċekkjat/a għal xi problemi fil-pulmun waqt li tkun qed tieħu Votrient.
-Għid lit-tabib tiegħek mill-ewwel jekk jkollok xi wieħed minn dawn is-sintomi.
Fsada
Votrient jista’ jikkawża fsada severa fis-sistema diġestiva (bħal l-istonku, il-gerżuma, ir-rektum jew il- musrana), jew fil-pulmuni, kliewi, ħalq, vaġina u moħħ, għalkemm dan mhux komuni. Sintomi jinkludu:
-fsada fil-ħmieġ jew ħmieġ iswed
-fsada fl-awrina
-uġiegħ fl-istonku
-tisgħol / tirremetti d-demm
Għid it-tabib tiegħek mill-ewwel jekk jkollok xi wieħed minn dawn is-sintomi.
Problemi tat-tirojde
-Votrient jista’ jnaqqas l-ammont ta’ ormun tat-tirojde prodott f’ġismek. Tiġi iċċekjat għal dan waqt li qed tieħu Votrient.
Viżta mċajpra jew indebolita
Votrient jista’ jikkawża separazzjoni jew tiċrita tar-rita tal-parti ta’ wara tal-għajn (stakkament jew tiċrita retinali). Dan jista’ jirriżulta f’viżta mċajpra jew indebolita.
-Għid lit-tabib tiegħek jekk tinnota xi tibdil fil-viżta tiegħek.
Effetti sekondarji komuni ħafna
Dawn jistgħu jaffettwaw iżjed minn persuna 1 f’kull 10:
-pressjoni għolja
-dijareja
-stonku mħawwad (nawżja u remettar)
-uġiħ fl-istonku
-nuqqas ta’ aptit
-telf ta’ piż
-disturbi fit-togħma jew telf ta’ togħma
-ħalq juġgħa
-uġigħ ta’ ras
-uġigħ tat-tumur, nuqqas ta’ energija, tħossok dgħajjef jew għajjien
-tibdil fil-kulur tax-xagħar
-telf jew ħeffa ta’ xagħar mhux tas-soltu
-telf tal-pigmentazzjoni tal-ġilda
-raxx fil-ġilda fejn il-ġilda tista’ titqaxxar
-ħmura u nefħa tal-pali tal-idejn jew il-qiegħ tas-saqajn
Għid lit-tabib jew l-ispiżjar tiegħek jekk tibda tħoss xi effetti minn dawn.
Effett sekondarju komuni ħafna li jista’ jidher fit-testijiet tad-demm jew tal-awrina:
-żieda fl-enżimi tal-fwied
-tnaqqis fl-albumina fid-demm
-proteina fl-awrina
-tnaqqis fin-numru ta’ plejtlits fid-demm (ċelluli li jgħinu d-demm jagħqad)
-tnaqqis fin-numru ta’ ċelluli bojod tad-demm
Effetti sekondarji komuni
Dawn jistgħu jaffettwaw sa 1 minn kull 10 persuni:
-indiġestjoni, distenzjoni, gass
-fsada fl-imnieħer
-ħalq xott jew ulċeri fil-ħalq
-infezzjonijiet
-ħedla abnormali
-diffikultà biex torqod
-uġigħ fis-sider, qtugħ ta’ nifs, uġigħ fir-riġlejn, u nefħa fir-riġlejn/saqajn. Dawn jistgħu jkunu sinjali ta’ embolu tad-demm fil-ġisem tiegħek (tromboemboliżmu). Jekk l-embolu jinqala’, jista’ jmur għal ġol-pulmun tiegħek, u dan jista’ jkun ta’ periklu għal ħajja jew saħansitra fatali.
-il-qalb issir inqas effettiva biex tippompja d-demm madwar il-ġisem (disfunzjoni kardijaka)
-taħbit tal-qalb bil-mod
-fsada fil-ħalq, rektum jew pulmun
-sturdament
-vista mċajpra
-fwawar
-nefħa fil-wiċċ, idejn, għekiesi, saqajn, jew tebqet il-għajn
-tnemnin, dgħjufija fl-idejn, dirgħajn, riġlejn, jew saqajn jew jinħassu mtarraxin
-disturbi fil-ġilda, ħmura, ħakk, ġilda niexfa
-disturbi fid-dwiefer
-sensazzjoni ta’ ħruq, tingiż, ħakk jew tnemnim fil-ġilda
-sensazzjoni ta’ bard, flimkien ma’ tregħid
-għaraq eċċessiv
-deidratazzjoni
-uġigħ fil-muskoli, ġogi, tendons jew fis-sider, spażmu tal-muskoli
-telf tal-vuċi
-qtugħ ta’ nifs
-sogħla
-tisgħol u ttella’ d-demm
-sulluzzu
-kollas tal-pulmun u l-arja tinqabad fl-ispazju bejn il-pumun u s-sider, ħafna drabi tikkawża qtugħ ta’ nifs (pnewmotorax)
Għid lit-tabib jew l-ispiżjar tiegħek jekk xi wieħed minn dawn l-effetti jdejqek ħafna.
Effetti sekondarji komuni li jistgħu jidhru fit-testijiet tad-demm u l-awrina:
-attività mnaqqsa tal-glandula tirojde
-funzjoni abnormali tal-fwied
-żieda fil-bilirubin (sustanza prodotta mill-fwied)
-żieda fil-lipase (enżimu involut fid-diġestjoni)
-żieda fil-creatinine (sustanza msawra fil-muskoli)
-tibdil fil-livelli ta’ kimiċi differenti oħra/ enżimi fid-demm. It-tabib tiegħek javżak bir-riżultati tat-testijiet tad-demm
Effetti sekondarji mhux komuni
Dawn jistgħu jaffettwaw sa 1 minn kull 100 persuna:
-puplesija
-waqgħa temporanja fil-provvista tad-demm lejn il-moħħ (puplesija żgħira)
-interruzjoni fil-provvista ta’ demm lejn parti tal-qalb jew attakk tal-qalb (infart mijokardjali)
-emboli tad-demm akkompanjati bi tnaqqis fiċ-ċelloli tad-demm ħomor u ċelloli involuti fl- għaqid. Dawn jistgħu jagħmlu ħsara lil organi bħall-moħħ u l-kliewi
-żieda fin-numru taċ-ċelloli ħomor tad-demm
-qtugħ ta’ nifs f’daqqa, speċjalment meta jkun ma’ uġigħ qawwi fis-sider u/jew ma’ nifs qawwi
(emboliżmu fil-pulmun)
-fsada severa fis-sistema diġestiva (bħall-istonku, l-esofagu jew il-musrana) jew fil-kliewi, vaġina u moħħ
-disturbi fir-ritmu tal-qalb (titwil tal-intervall QT)
-toqba (perforazzjoni) fl-istonku jew musrana
-passaġġi abnormali li jiffurmaw bejn partijiet fil-musrana (fistula)
-perjodi menstruwali qawwijin jew irregolari
-żieda qawwija f’daqqa fil-pressjoni tad-demm
-infjammazzjoni tal-frixa (pankreatite)
-fwied iffjammat, jew mhux qed jaħdem sew, jew mħassar
-ġilda safra jew l-abjad tal-għajnejn jisfar (suffejra)
-infjammazzjoni tal-kisja tal-kavità abdominali (peritonite)
-imnieħer iqattar
-raxx li jista’ jkun bil-ħakk jew iffjammat (tikek mal-ġilda jew mtellgħin jew nfafet)
-ippurgar iżjed frekwenti
-aktar sensitività tal-ġilda għad-dawl tax-xemx
-tnaqqis fis-sensazzjoni jew sensittività, speċjalment fil-ġilda
Reazzjonijiet avversi rari
Dawn jistgħu jaffetwaw sa 1 minn 1,000 persuna:
-infjammazzjoni tal-pulmun (pulmonite).
Rappurtar tal-effetti sekondarji
Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali mniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l- effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il- mediċina.
5.Kif taħżen Votrient
Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.
Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq il-flixkun u l-kartuna. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.
Dan il-prodott mediċinali ma jeħtieġ l-ebda kundizzjoni ta’ ħażna speċjali.
Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.
X’fih Votrient
Is-sustanza attiva f’Votrient hija pazopanib (bħala hydrochloride). Il-pilloli ta’ Votrient jiġu f’żewġ dożi ta’ qawwa differenti.
Votrient 200 mg: kull pillola fiha 200 mg pazopanib. Votrient 400 mg: kull pillola fiha 400 mg pazopanib.
Is-sustanzi mhux attivi l-oħra fil-pilloli tal-200mg u tal-400 mg huma: hypromellose, macrogol 400, magnesium stearate, microcrystalline cellulose, polysorbate 80, povidone (K30), sodium starch glycolate (tip A), titanium dioxide (E171). Il-pilloli tal-200mg għandhom ukoll iron oxide red (E172)
Kif jidher Votrient u l-kontenut tal-pakkett
Il-pilloli miksijin b’rita ta’ Votrient 200 mg huma forma ta’ kapsula, roża, b’ GS JT imnaqqxa fuq naħa waħda. Jiġu fi fliexken ta’ 30 jew 90 pillola.
Il-pilloli miksijin b’rita ta’ Votrient 400 mg huma forma ta’ kapsula, bojod, b’ GS UHL imnaqqxa fuq naħa waħda. Jiġu fi fliexken ta’ 30 jew 60 pillola.
Mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jew tad-dożi kollha jistgħu jinstabu fil-pajjiż tiegħek.
Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq
Novartis Europharm Limited
Frimley Business Park
Camberley GU16 7SR
Ir-Renju Unit
Manifattur
Glaxo Operations UK Ltd (trading as Glaxo Wellcome Operations), Priory Street, Ware, Hertfordshire, SG12 0DJ, Ir-Renju Unit.
Glaxo Wellcome, S.A., Avda. Extremadura, 3, 09400 Aranda De Duero, Burgos, Spanja
Novartis Pharmaceuticals UK Limited, Frimley Business Park, Frimley, Camberley, Surrey GU16 7SR, Ir-Renju Unit
Novartis Pharma GmbH, Roonstraße 25, D-90429 Nuremberg, Il-Ġermanja
Għal kull tagħrif dwar din il-mediċina, jekk jogħġbok ikkuntatja lir-rappreżentant lokali tad-Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq:
België/Belgique/Belgien | Lietuva |
Novartis Pharma N.V. | Novartis Pharma Services Inc. |
Tél/Tel: +32 2 246 16 11 | Tel: +370 5 269 16 50 |
България | Luxembourg/Luxemburg |
Novartis Pharma Services Inc. | Novartis Pharma N.V. |
Тел: +359 2 489 98 28 | Tél/Tel: +32 2 246 16 11 |
Česká republika | Magyarország |
Novartis s.r.o. | Novartis Hungária Kft. Pharma |
Tel: +420 225 775 111 | Tel.: +36 1 457 65 00 |
Danmark | Malta |
Novartis Healthcare A/S | Novartis Pharma Services Inc. |
Tlf: +45 39 16 84 00 | Tel: +356 2122 2872 |
Deutschland | Nederland |
Novartis Pharma GmbH | Novartis Pharma B.V. |
Tel: +49 911 273 0 | Tel: +31 26 37 82 555 |
Eesti | Norge |
Novartis Pharma Services Inc. | Novartis Norge AS |
Tel: +372 66 30 810 | Tlf: +47 23 05 20 00 |
Ελλάδα | Österreich |
Novartis (Hellas) A.E.B.E. | Novartis Pharma GmbH |
Τηλ: +30 210 281 17 12 | Tel: +43 1 86 6570 |
España | Polska |
Novartis Farmacéutica, S.A. | Novartis Poland Sp. z o.o. |
Tel: +34 93 306 42 00 | Tel.: +48 22 375 4888 |
France | Portugal |
Novartis Pharma S.A.S. | Novartis Farma - Produtos Farmacêuticos, S.A. |
Tél: +33 1 55 47 66 00 | Tel: +351 21 000 8600 |
Hrvatska | România |
Novartis Hrvatska d.o.o. | Novartis Pharma Services Romania SRL |
Tel. +385 1 6274 220 | Tel: +40 21 31299 01 |
Ireland | Slovenija |
Novartis Ireland Limited | Novartis Pharma Services Inc. |
Tel: +353 1 260 12 55 | Tel: +386 1 300 75 50 |
Ísland | Slovenská republika |
Vistor hf. | Novartis Slovakia s.r.o. |
Sími: +354 535 7000 | Tel: +421 2 5542 5439 |
Italia | Suomi/Finland |
Novartis Farma S.p.A. | Novartis Finland Oy |
Tel: +39 02 96 54 1 | Puh/Tel: +358 (0)10 6133 200 |
Κύπρος | Sverige |
Novartis Pharma Services Inc. | Novartis Sverige AB |
Τηλ: +357 22 690 690 | Tel: +46 8 732 32 00 |
Latvija | United Kingdom |
Novartis Pharma Services Inc. | Novartis Pharmaceuticals UK Ltd. |
Tel: +371 67 887 070 | Tel: +44 1276 698370 |
Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’
Sorsi oħra ta’ informazzjoni
Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall- Mediċini: http://www.ema.europa.eu
Kummenti